Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' għoti ta' relief lil xebba omm li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li nqatagħlha r-relief u issa m'għandha l-ebda dħul? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Qabel ma l-gvern iddeċieda li l-aħjar post għat-tkabbir tat-tuna huwa l-ponta ta' Wied il-Għajn, jista' il-Ministru jelenka liema postijiet ġew studjati bħala siti għal dan il-proġett u x'kienu l-punti favorevoli u sfavorevoli f'kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 18087.
Jista' il-Ministru jara li jintbagħat facilitator għat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li dan it-tifel sarlu kollox u li jonqos huwa li jintbagħat facilitator?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tifel għandu 'shared help'. Din l-għajnuna diġa' ingħatat mill-iskola.
Tista' il-Ministru tara li jinħareġ ir-relief ta' single mother li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara jekk l-anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex jieħu l-pensjoni li ħaqqu meta hu, qabel spiċċa, kien jagħmel xogħol ta' upholstery trade? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18089, jista' il-Ministru jgħid it-30 ħaddiem humiex attwalment impjegati mal-fishfarm eżistenti jew hu n-numru li mistennija jħaddmu l-fishfarms ġodda li hemm proġettati biex isiru fl-ibħra ta' Wied il-Għajn? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema li qed jaħdmu full-time maż-żewġ fishfarms eżistenti?
Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' Maltija u kemm ta' nazzjonalita' barranija?
Kemm hu n-numru ta' ħaddiema ġodda li mistennija jiġu mpjegati mal-fishfarms ġodda li hemm proġettati?
Jista' il-Ministru jirrispondi għal kull domanda individwalment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18546.
Stimi ta’ kemm hu mistenni jiġu mpjegati ħaddiema fil-farms huma imsemmija fl-istudju li sar (Environment Impact Assessment - EIA) u għalhekk nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi għal dan l-istudju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tiswa lill-gvern fis-sena l-berġa ta' Wied il-Għajn? Kemm-il darba fil-ġimgħa tiftaħ? X'inhi l-funzjoni tagħha? Kemm nies fis-sena jagħmlu użu minn din il-berġa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż tas-servizzi li jingħataw mill-berġa jifformaw parti mill-budget globali tad-Dipartiment tal-Kura Primarja tas-Saħħa u s-sistema tal-kotba tal-accounts tal-gvern ma jinqasmux sal-livell ta' berġa individwali, ħlief il-kiri tagħhom. Il-Berġa ta' Wied il-Għajn hija mikrija għand il-Gvern għal Lm10 fis-sena mingħand terzi persuni.
Mill-berġa jingħata servizz bażiku ta' tabib u ta' nurse, inkluż il-kitba ta' riċetti, tliet darbiet fil-ġimgħa. Fis-sena 2005, kien hemm 2967 pazjenti li użaw dan is-servizz.
Il-gvern jaddotta l-kunċett ta' poverty line? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-poverty line f'Malta u kemm hu kkalkolat? Kemm hawn nies/familji li jaqgħu taħt dan 'l hekk imsejjaħ poverty line?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija diġa ġie mogħti fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 18393.
Għar-rigward ta’ l-aħħar parti tal-mistoqsija, ngħarrfu illi skond tagħrif li kien ġie ppubblikat mill-NSO fi studju għas-sena 2000 imsejjaħ ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’, in-numru ta’ persuni li għandhom dħul ta’ inqas minn 40% tad-dħul median tan-National Equivalised Income (NEI) kien ta’ inqas minn 11,770 filwaqt li l-persuni li għandhom dħul ta’ 50% tad-dħul median ta’ l-NEI kien ta’ 29,780.
Id-definizzjoni tal-EUROSTAT għal ‘At risk of poverty threshold’ hi ta’ 60% tal-median tan-NEI.
Tista' il-Ministru tagħti spjegazzjoni ta' x'ġara minn sussidju li ħadet anzjana li isimha qed jintbagħat separatament biex tirranġa d-dar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li reċentement l-Awtorita' tad-Djar irċeviet il-permessi meħtieġa mill-MEPA biex isiru x-xogħlijiet ta' rranġar fil-post indikat mill-Onor. Interpellant u f'qasir żmien se toħroġ sejħa għall-offerti biex isiru dawn ix-xogħlijiet taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema li qed jaħdmu mal-fishfarms f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm barranin?
Kemm hawn fishfarms f'Malta u Għawdex u fejn huma?
Kemm hu stmat li ħallew revenue dawn il-fishfarms u x'kien ir-revenue li minnu gawda u qed igawdi l-pajjiż?
Jista' il-Ministru jirrispondi għad-domanda fid-dettall?
Peress li fl-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali r-residenti ta' Wied il-Għajn bl-aktar mod ċar urew li ma jridux l-impjant tar-riċiklaġġ u proġett ta' agrikoltura, iħoss il-gvern li għandu jirrispetta din id-deċiżjoni tar-residenti u flimkien mal-kunsill u l-kumitati interessati jiddiskuti biex tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-gvern u r-residenti?
Peress li l-gvern jiddikjara li jemmen fid-djalogu, jista' jgħid jekk iddjalogax mar-residenti ta' Wied il-Għajn u r-rappreżentanti tagħhom dwar l-impjant ta' Wied il-Għajn qabel ma ttieħdu d-deċiżjonijiet li l-impjant jibqa' u jikber f'Wied il-Għajn? Jekk il-gvern iddjaloga, x'kien ir-riżultat ta' dan id-djalogu?
Peress li jidher ċar li r-residenti ta' Wied il-Għajn huma kontra li l-impjant tar-riċiklaġġ jibqa' fejn hu peress li qed ikerrah u jnitten id-dħul tal-villaġġ għad-dannu ta' l-iżvilupp u l-kummerċ f'Wied il-Għajn, x'widen lest li jagħti jew qed jagħti l-gvern lix-xewqat tar-residenti ta' Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nittama li l-Onor. Interpellant huwa konxju li r-residenti vvutaw għall-membri tal-Kunsill Lokali u mhux f’referendum fuq xi issue/s partikolari.
Ninforma lill-Onor. Interpellant l-ewwel nett li diġa għidna diversi drabi li l-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn mhux se jikber iżda se jkun irranġat, sabiex jegħleb dawk il-problemi li qed jiltaqgħu magħhom ir-residenti.
Dwar djalogi, saru laqgħat ta’ konsultazzjoni u informazzjoni kemm mal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn, kif ukoll mal-pubbliku. Ir-riżultat ta’ dawn il-laqgħat kienu oppożizzjoni għamja għall-proġett minn naħa tal-Kunsill, filwaqt li fil-laqgħa pubblika kelli nkun skortat mill-pulizija minħabba l-abbuż verbali, għajjat u tgħajjir li sofrejt jiena personalment. Il-Gvern dejjem lest jiddiskuti sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli, iżda l-Gvern huwa wkoll responsabbli mid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fl-interess nazzjonali.
Barra minn hekk il-Gvern emenda l-proposta finali tiegħu a bażi ta’ kummenti validi li kien hemm fir-rapport tekniku li l-Kunsill Lokali ta’ M’Scala kkummissjona mingħand il-Profs. Alfred Vella.
Ma nafx b’xi proġetti ta’ agrikoltura li huma kontroversjali f’M’Scala.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18084, jista' il-Ministru jgħid kemm-il kwestjonarju dwar iz-zona ta' l-akwakultura ntbagħtu lir-residenti, lill-enti kummerċjali f'Wied il-Għajn u lil persuni li ma joqogħdux f'Wied il-Għajn ? Kemm irrispondew f'kull każ (numru mhux persentaġġ)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kwestjonarju dwar iz-Zona ta' l-Akwakultura intbagħat lir-residenti u lill-entitajiet kummerċjali f'Wied il-Għajn. F'dan l-eżercizzju tqassmu ftit aktar minn 4,000 fuljett (3,978 lid-djar u 365 lill-entitajiet kummerċjali ta' Marsascala) li kien jagħti wkoll spjega sommarja tal-proġett. Barra minn dawn tqassmu wkoll ftit inqas minn 500 fuljett ieħor lill-Għaqdiet mhux governattivi, lis-sajjieda u lil kull min interessa ruħu fih meta żar l-esibizzjoni pubblika li kienet inżammet il-Jerma Hotel. Minn dawn in-numri kollha 132 residenti jew entitajiet kummerċjali ġo Wied il-Għajn wieġbu l-kwestjonarju, u 25 tweġiba oħra waslu minn għand l-Għaqdiet mhux Governattivi, jew persuni li mhumiex residenti f'Wied il-Għajn. Il-perċentwali li ngħataw fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru 18084 huma kkalkolati fuq in-numru ta' tweġibiet li waslu lura. Ta’ min igħid li dan il-kwestjonarju ma kenx obbligatorju bħala parti mill-proċess ta’ l-Environment Impact Assessment (EIA) iżda kien intiż biex jagħti lir-residenti opportunità oħra sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom permezz ta’ dan il-kwestjonarju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta' nies li jaħdmu full time u part-time ġewwa l-impjant tar-riċiklaġġ f'Wied il-Għajn? Kemm minn dawn huma ta' nazzjonalita' Maltija u kemm huma ta' nazzjonalita' barranija? Minn liema pajjiżi huma dawk ta' nazzjonalita' barranija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hemm 48-il persuna full-time u 2 apprentisti jaħdmu fl-impjant ta' Sant'Antnin, u li huma ta' nazzjonalità Maltija. Ma’ dawn hemm ukoll 14-il persuna barranija li qed jassistu fl-immaniġġjar ta' dan l-Impjant, u jiġu kkumpensati billi tingħata donazzjoni lill-Kummissjoni ta' l-Emigranti. In-nazzjonalità ta' dawn il-persuni huma hekk:-
5 mis-Somalia
5 mill-Liberia
2 minn Mali
1 minn Sierra Leone
1 mill-Eritrea
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi l-ispiża rikorrenti tal-kunsilli lokali meta tieħu in konsiderazzjoni l-kera ta' l-uffiċini, l-impjegati, is-servizzi kollha u l-impjegati fil-ministeru responsabbli mill-amministrazzjoni tal-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-area totali u l-aktar punt għoli li jokkupa bħalissa l-impjant tar-riċiklaġġ f'Wied il-Għajn? X'area u x'għoli massimu se jkun jokkupa meta jkun lest l-impjant il-ġdid kif approvata mill-MEPA?
Minn min kien kompost il-bord li ta parir lill-gvern biex l-impjant ta' Sant'Antnin jibqa' Wied il-Għajn? X'kienu r-raġunijiet li taw? Jistgħu jiġu elenkati waħda waħda?
Minn min kien kompost il-bord li studja siti alternattivi f'Malta għal bini ta' impjanti ta' riċiklaġġ barra dak ta' Wied il-Għajn? X'kienu t-terms of reference li l-gvern ta lil dan il-bord?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-area ta’ l-impjant ta’ Sant’ Antnin, kemm dik mibnija kif ukoll l-art annessa magħha, tammonta għal 4.5 ettari u mhux maħsub li l-footprint ta’ l-impjant tiġi estiża. L-għola bini li hemm fl-impjant huwa l-blokk fejn illum qed jirċievi l-iskart. Peress li din il-binja ħa tibqa’ tintuża biex tilqa’ l-iskart, hu maħsub li l-għola bini jibqa’ l-istess.
Fl-istrateġija li ġiet ppublikata f’Ottubru 2001 (task D1O) kien hemm qbil
li l-impjant għandu jiġi mmodernizzat biex jirċievi volum akbar ta’ skart kif ukoll ta’ l-isludgeli għandu jirriżulta mill-impjanti kollha tad-dranaġġ. Din l-istrateġija kienet ġiet iffinalizzata wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ kull minn seta’ kien ikkonċernat.
Ma nħatru l-ebda Bordijiet uffiċjali dwar din il-kwistjoni għaliex l-evalwazzjoni ta’ siti alternattivi ffurmat parti integrali mill-proċess ta’ l-Environment Impact Assessment (EIA) li huwa rregulat bil-liġi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18082 u jara li jiġu rranġati bit-tarmac Triq San Niklaw u Triq Blue Grotto fis-Siġġiewi peress li jinsabu fi stat ħażin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhumiex toroq arterjali jew distributorji u għalhekk ir-responsabilita' tal-manutenzjoni ta' dawn it-toroq huwa tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18080 u jara li xi ħadd mill-korporazzjoni Enemalta jeżamina l-arloġġ tad-dawl ta' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont tad-dawl tagħha ġie Lm446 ta' tliet xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni preliminarja li saret fuq il-post ma jirriżultax li l-arloġġ tad-dawl huwa difettuż. Il-konsumatur iżda ingħata l-parir li jagħmel applikazzjoni formali biex il-każ jiġi nvestigat aktar fil-fond.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 17663 u 18093 u jgħid liema huma l-mediċini out of stock ġewwa San Vincenz de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħa tat-3 ta' April in-numru ta mediċini out of stock ġewwa San Vinċenz de Paul kien kif ġej:
Gentamicin 1mg/Calcium Alginate rope dressing
Awaiting delivery
Hydrocolloid extra thin dressing
Awaiting delivery
Framycetin/Dexamethasone/Gramicidin Ointment
Awaiting delivery
Mesalazine 500mg suppositories
To be delivered on 10th April
Verapamil 2mg/5ml injections
Awaiting delivery