Tista' il-Ministru tara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ħalsitx bolol biżżejjed peress li qed jgħidulu li m'għandux bolol biżżejjed? Tista' il-persuna tiġi informata personalment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18546 u jgħid kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema li qed jaħdmu mal-fishfarms f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm barranin?
Kemm hawn fishfarms f'Malta u Għawdex u fejn huma?
Kemm hu stmat li ħallew revenue dawn il-fishfarms u x'kien ir-revenue li minnu gawda u qed igawdi l-pajjiż?
Jista' il-Ministru jirrispondi għad-domanda fid-dettall?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-fish farms f'Malta u Għawdex hu rrapurtat fir-Rapport Annwali tal-Ministeru Għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Dawn kienu 120 ħaddiema full-time u 160 part-time.
Ma tinżammx informazzjoni fuq il-ħaddiema barranin li jkunu nvoluti ma’ dawn il-farms. Id-dettalji tal-ħaddiema kollha huma prerogattiva ta’ l-Employment and Training Corporation (ETC) u mhux ta' dan il-Ministeru.
F'Malta hawn dawn il-fish farms :
Farms ta' l-awrat u ta' l-ispnott
1. Pesceculture de Malte bil-farms tagħha il-Mistra, il-Gżejjer ta' San Pawl u l-Mellieħa.
2. Fish and Fish Co Ltd - Il-Ħofriet
3. Malta Fish Farming Ltd - barra l-Munxar u fil-Bajja ta' B'Buġa
4. Aquaculture Development Ltd - is-Salina
5. Sealand Ltd - il-Pwales
6. Malta Mariculture Ltd - fejn Kemmuna
Minn dawn ta' hawn fuq tnejn biss huma operattivi
Farms tat-Tonn
1. AJD 1 - barra l-gżejjer ta' San Pawl.
2. AJD 2 - parti mill-Malta Mariculture Ltd
3. Melita Tuna Ltd - barra l-Munxar flimkien mal-Malta Fish Farming
4. Malta Tuna Trading - bi dritt il-Ħofriet flimkien mal-Fish and Fish Co Ltd
5. Mediterranean Tuna Ltd - barra s-sikka ta' Bengħajsa
Minn dawn tlieta biss kienu operattivi l-istaġun li għadda.
L-informazzjoni dwar ir-revenue li jiġi ġġenerat mill-fish farms qed tinġabar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18552 u jgħid kemm hi l-ispiża rikorrenti tal-kunsilli lokali meta tieħu in konsiderazzjoni l-kera ta' l-uffiċini, l-impjegati, is-servizzi kollha u l-impjegati fil-ministeru responsabbli mill-amministrazzjoni tal-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18552, u ċioe' li l-informazzjoni għadha sa llum qed tinġabar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18622, jista' il-Ministru jara li għallinqas jinbidel għax qiegħed ikerrah l-ambjent minħabba s-sadid?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant ghar-risposta ta' PQ 18622 li tgħid li l-arblu għandu jinbidel flimkien ma' xogħolijiet oħra. Peress li l-arblu mhux fi stat perikoluż dan ix-xogħol mhux urġenti.
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata għal dawn l-aħħar għaxar snin ta' kemm-il darba ntużaw it-tankijiet ġewwa Kordin biex jinħażen il-fuel?
Jista' jikkonferma jekk kenitx twaħħlet is-sistema protettiva (fire protection) kif kien stipulat fl-applikazzjoni PA5814/94?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid f'sala Patri Pio f'San Vincenz de Paule x'kien il-maintenance li sar minn kemm ilha li nfetħet din is-sala?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maintenance li sar fis-Sala Patri Pio, minn kemm ilha li nfetħet din is-sala, kien jikkonsisti f'maintenance fuq is-sistema ta' l-air-conditioning u lifts u kull xogħol ieħor li kien meħtieġ fuq bażi regolari.
Wied il-Għajn — Triq Marina - Permess għal ħruġ ta' imwejjed
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx saret talba biex fi Triq Marina, Wied il-Għajn fuq il-bankini jinħarġu mwejjed minn tal-ħwienet? Jekk le, hemm xi ħsieb li jsir dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jirriżulta mir-records ta' l-Awtorita tat-Turiżmu li fi Triq Marina, Marsascala ħames stabillimenti talbu u ingħatalhom il-permess neċessarju sabiex jitqiegħdu mwejjed u siġġijiet barra. Ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq permessi simili ħlief li tiġi osservata l-proċedura amministrattiva li hi neċessarja sabiex joħroġ dan it-tip ta' permess.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewwa l-kċina ta' l-SVPR kienx hemm rapport li nstabu l-ġrieden? Jikkonferma li tqabbad persuna biex tagħmel rapport dwar dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li f'residenza bħal San Vinċenz li hi mdawwra b'għelieqi u fiha areas kbar ta' ħamrija, trattament għal kontra l-ġrieden isir kontinwament fuq bażi ta' prevenzjoni u kull meta jkun hemm rapporti li dehru xi ġrieden. Riċentament ma kien hemm l-ebda rapport li dehru ġrieden fil-kċina u għalhekk ma jirriżultax li tqabbad persuna biex tagħmel rapport dwar dan.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li titħallas il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li l-gvern kien xtara d-dar tagħha u għadha ma tħallsitx?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Membru huwa mitlub jagħti aktar dettalji rigward id-dar in kwestjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ssajru fniek fl-SVPR? F'liema sala sar dan u kemm inxtraw fniek?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tisjir ta' fniek, ravjul u l-organiżazzjoni ta' BBQ's isir fuq bażi volontarja mis-swali u l-amministrazzjoni tal-SVPR jinkoraġixxu lill-istaff biex jittieħdu dawn l-inizjattivi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' żagħżugħ li jinsab ġewwa l-faċilita' korrettiva ta' Kordin u ilu għaxar xhur jistenna biex jibda l-programm f'Sta. Marija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-Faċilita' hemm diversi żagħżagħ li qegħdin jiġu assessjati biex jintbagħtu għall-programm. Nitlob l-Onor. Interpellant jgħaddili b'mod kunfidenzjali għall-liema priġunier qed jirreferi.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm flats ġewwa Santa Luċija li qegħdin fil-waiting list biex jiġu mbajda l-parti tal-komun? Liema huma? Meta se jiġu stallati lifts ġewwa Santa Luċija? Tista' tagħti lista tal-prioritajiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-sinjura li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tgħid li ma ħaditx l-arretrati tad-dockyard sa l-2004? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi l-Onor Interpellant ma spjegax għal liema "arretrati" qed jirreferi hu mpossibli li tingħata risposta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li miet ta' eta' żgħira u li kien ilu jaħdem għal 40 sena bħala għalliem, jekk għandux dritt għas-somma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-persuna msemmija kienet intitolata għas-somma.
Tista' il-Ministru tara għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatagħlha l-assistenza soċjali u allura m'għandha l-ebda dħul? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jara li jitneħħa jew jinbidel arblu tad-dawl li jinsab quddiem ir-residenza 26, Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal Ġdid peress li jinsab imsaddad u mimli wires u qiegħed ikerraħ l-ambjent
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-arblu li qiegħed isir referenza għalih għandu jinbidel flimkien ma xogħolijiet oħra simili pero' l-arblu mhux fi stat perikoluż.
L-arblu huwa bżonjuż, għaldaqstant ma jistax jinqala u ma jinbidilx.
Jista' il-Ministru jara li tiġi rranġata s-sistema tad-drenaġġ ta' Triq Kampanella, Paola/Fgura peress li ma naqra xita dan ifur u hemm problemi kbar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma jirriżultalhiex li ma kull 'naqra xita' ifur id-drenaġġ fi Triq Kampanella, Fgura.
Madanakollu ser isir it-tindif neċessarju kif ukoll investigazzjoni fuq il-main tad-drenaġġ.
Tista' il-Ministru tagħti spjegazzjoni għaliex ix-xebba li dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament inqatatilha l-pensjoni? Tista' tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Issa wara l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, fejn il-poplu ta' Wied il-Għajn bl-aktar mod demokratiku permezz tal-vot sigriet, wera biċ-ċar li huwa kontra l-impjant tar-riċiklaġġ u kontra l-fishfarms, jekk il-gvern huwiex se jibqa' għaddej b'dawn il-proġetti li jagħmlu ħsara l-ambjent u l-kummerċ ta' Wied il-Għajn jew jekk huwiex se jfittex mezzi sabiex jinstabu soluzzjonijiet aħjar li jirrispettaw ix-xewqat espressi mill-elettorat b'mod hekk emfatiku u ċar?
Ma jaħsibx li huwa aktar importanti għall-Wied il-Għajn li jiġu nvestiti flus u nkoraġġiti proġetti li jsebbħu l-post, jgħollu l-livell tiegħu, jiġbed it-turisti u joħloq l-impjiegi, milli li jkun hemm fishfarms li jħallu tant ħsara fuq ix-xtajta tal-bajja sabiħa ta' Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema demokratika biex ir-residenti u kummerċjanti ta' Wied il-Għajn jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-fishfarms u/jew ir-riċiklaġġ hija ferm differenti minn elezzjoni għall-Kunsill Lokali. Is-sistema ta' applikazzjoni għal permessi ta' żvilupp tinvolvi konsultazzjoni pubblika li fiż-żewġ każi kienet waħda li nagħtat pubbliċità kbira. Hija din il-konsultazzjoni li għanda tiġi wżata biex wieħed iwassal il-messaġġ u l-ħsibijiet tiegħu fuq kull żvilupp. Huwa mportanti li wieħed jevalwa l-kummenti w ilmenti li jkunu mressqin u l-bażi tagħhom.
B'referenza speċifika għall-proġett taż-Żona ta' l-akwakultura jidher ċar li għadu ħadd ma jrid jifhem li l-ħsieb aħħari huwa li l-attività tat-trobbija tat-tonn tibda ssir kollha 6.3 kilometri ‘l barra mil-kosta ta' Wied il-Għajn. Dan ifisser li l-ħsibijiet li kellu l-Onor. Interpellant biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-kosta, u b'hekk jiġbed aktar turisti, joħloq aktar impjiegi u jnaqqas jew ineħħi l-ħsara fuq ix-xtajta huma l-istess ħsibijiet ta' l-applikant (il-Gvern) u kien għalhekk li sar dan ix-xogħol kollu biex iz-zona l-ġdida tkun 6 kilometri ‘l barra. Dawn il-gaġeġ lanqas biss ser ikunu jidhru mill-art. Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu japprezza il-ħidma tal-Gvern sabiex iressaq anke l-attività eżistenti tat-tkabbir tat-tonn li tinsab xi kilometru ‘l barra għal distanza ħafna akbar u dan għall-benefiċċju tal-komunità kollha ta' M'Scala.