Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ dwar Benefiċċju tal-Mard

Question

Tista' il-Ministru tara għaliex koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament inqatgħalhom il-benefiċċju tal-mard u naqqsulhom ukoll il-pensjoni? Tista' din il-koppja tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ dwar Blue Sticker

Question

Tista' il-Ministru tara li tinħareġ blue sticker fuq persuna li tieħu ħsieb anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Blue Sticker tinħareg lill-persuni b’diżabilita’ li jkollhom nuqqas sever ta’ mobilita’, wara li jiġu nvistati u ċertifikati mit-tabib tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, u mhux lil min jieħu ħsiebhom. Dwar il-każ speċifiku li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li l-anzjana in kwistjoni ma aċċettatx li tattendi għal vista msemmija u għalhekk l-applikazzjoni għall-Blue Sticker ma tistax tkompli tiġi proċessata.

Awtorita' tad-Djar — Xiri ta' Post

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' xiri ta' post mill-Housing Authority ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20871 f’Seduta Numru 435, dwar l-istess suġġett. Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għadha qed tistenna l-awtorizzazzjoni mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex tkun tista’ tkompli tipproċessa l-applikazzjoni.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tara li tmexxi aktar 'il quddiem każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li din il-familja kienet inħarqitha d-dar u jinsabu għaddejjin bix-xogħol? Jistgħu dawn is-sinjuri jiġu informati bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar approvat lill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant is-somma dovuta taħt Skema W bħala sussidju għal xogħol ta’ rranġar u titjib fi proprjeta’ mikrija mill-Gvern. Fil-15 ta’ Settembru 2006, ġie ffirmat il-ftehim għall-għotja u nfurmawhom li għandhom sena żmien biex ilestu x-xogħlijiet u jipproduċu l-irċevuti fiskali. Meta dawn l-irċevuti jiġu sottomessi lill-Awtorita’, issir spezzjoni mill-Perit ta’ l-Awtorita’ u jkun jista’ jsir il-pagament.

Każ dwar Benefiċċji tal-Mard

Question

Tista' il-Ministru tagħti spjegazzjoni għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika għal benefiċċju tal-mard ma ġietx approvata t-talba tiegħu? Jista' jiġi informat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-Djar — Applikazzjoni taħt Skema W

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Tista' il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġie riferut lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Tiswija ta’ Djar bħala d-Dipartiment responsabbli għall-irranġar ta’ soqfa fi blokki residenzjali tal-Gvern. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet mgħarrfa b’dan l-iżvilupp fis-6 ta’ Ottubru 2006.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tieħu pensjoni kemm suppost peress li qed tieħu biss Lm156 fix-xahar? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, huwiex jieħu pensjoni li suppost għax hu jaħseb li qed jieħu anqas? Jista' jiġi informat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Jerma Palace Hotel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li l-Hotel Jerma ta' Wied il-Għajn tiġi mibdula fi block ta' appartamenti? Dan huwa possibbli skond il-ftehim li sar bejn il-gvern u l-proprjetarji tal-Jerma Palace.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iżvilupp fis-sit indikat huwa regolat permezz ta' policies fil-pjan lokali tan-nofs in-nhar ta' Malta permezz ta' policy SMMS 15. Din il-policy tikkontempla illi jsir "Development Brief" b'enfasi fuq il-prodott turistiku u li jistà jinkludi komponenti residenzjali u kummerċjali. Huwa indikat ukoll illi trid tingħata attenzjoni partikolari lil pożizzjoni strateġika ta' dan is-sit. Il-proċess legali jikkontempla li dan id-development brief joħrog għall-konsultazzjoni pubblika. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Wied il-Għajn — Impjant ta' Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji li tefgħu l-offerti għal bini ta' l-impjant ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn? Min huma? Il-kuntratt ingħata? Jekk fl-affermattiv, lil liema kumpannija ngħata? X'se tkun il-koperta fis-sena ta' kwantita' ta' skart li l-impjant se jkun jista' jitratta? Il-gvern se jkompli bil-proġett minkejja l-protesti tan-nies u għaqdiet ta' Wied il-Għajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox kien hemm sitt (6) kumpaniji li tefgħu offerti validi għax-xogħlijiet differenti marbuta mat-titjib ta’ l-impjant f’Sant’Antnin. Il-kuntratturi li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni kienu: Synmet International BV Linde – KCA – Dresden GmbH Strabag AG/BTA GmbH & Co. KG/Polidano Bros. Ltd Atzwanger SPA Horstmann GmbH & Co. KG/Organic Waste Systems N.V/C&F Building Contractors Ltd./Bonnici Bros. Ltd. Haase Anlagenbau AG/Vassallo Builders Group Ltd. Il-kuntratti għadhom ma ġewx iffirmati. L-impjant ta’ Sant’Antnin se jitratta 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena kif ilu jingħad mill-2004. Kif ġie spjegat kemm-il darba l-Gvern għandu d-dmir li jwettaq il-proġett tat-titjib ta’ l-impjant f’Sant’Antnin u dan għal diversi raġunijiet fosthom għall-benefiċċju tan-nies u l-għaqdiet ta' Wied il-Għajn.

Wied il-Għajn — Sbokk ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-isbokk tad-drenaġġ f'Wied il-Għajn u x-Xgħajra se jiġi mdawwar lejn jew jiġi mressaq aktar viċin lejn Wied il-Għajn? Jista' il-Ministru jagħti assigurazzjoni li dan mhux se jseħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda sbokk ta' drenaġġ f'Wied il-Għajn. L-isbokk preżenti ta' drenaġġ f'Wied Għammieq se jispiċċa darba għal dejjem meta jinbena l-Impjant ta' tisfija tad-drenaġġ.

Junior College/Universita' — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti jattendu l-Junior College u l-Universita' minn Marsaxlokk, Birżebbuġa, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, Kalkara, Birgu, Bormla, Isla u Raħal Ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ħal Għaxaq — Fossa tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex fossa fi Triq it-Telleritu, Ħal Għaxaq li suppost titnaddaf b'xejn, mhux l-ewwel darba li ddum ma tiġi mnaddfa, b'inkonvenjent għar-residenti? Jista' il-Ministru jara li nies mid-dipartiment jaraw x'inhu jiġri sabiex jitneħħa l-inkonvenjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Jista' l-Onorevoli Interpellant jgħaddi aktar dettalji sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni immedjata.

Każ dwar Relief

Question

Tista' il-Ministru tara li jerġa' jinħareġ ir-relief li nqatalu ta' missier li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li għandu tifel b'diżabilita' u jekk dan tilef appuntament l-ETC żgur li ma kienx bi traskuraġni, u għaldaqstant nixtieq li wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-problemi soċjali li jinsab fihom dan il-persuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tara li jinħareġ iċ-cheque ta' children's allowance lil familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Housing Department

Question

Tista' il-Ministru tara li l-housing department jirranġa katusa ta' mara anzjana li tinsab waħedha u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Pilloli Ex-Jade

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jidħlu l-pilloli Ex Jade minflok Desefan injection li jintużaw biex ikissru l-ħadid fil-ġisem tal-bniedem? Kemm hawn persuni li jieħdu s-servizz ta' Desefan injection?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa għadha ma rċeviet l-ebda talba biex din il-mediċina (Deferasirox) tiddaħħal fil-formularju ta' mediċini mogħtija mill-Gvern. Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern jixtru l-prodott Desferrioxamine 500mg inj (Desferal). Mill-informazzjoni li għandi hemm tliet u tletin persuni li jingħataw din il-mediċina regolarment, iżda l-prodott jintuża għal aktar persuni fuq bażi mhux regolari.

Applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li minn Jannar qatt ma kellha risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li peress li l-proprjeta' li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat biex tixtri taħt l-iskema Sir Sid Darek hi amministrata mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, l-Awtorita' tad-Djar trid tistenna li tirċievi awtorizzazzjoni minn dan id-Dipartiment qabel ma tkun tista' tkompli tipproċessa l-applikazzjoni.