Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsa — Bini li waqa'

Question

Jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol neċessarju f'bini li waqa' u li spiċċa biex ħalla d-dar ta' l-appoġġ b'ħajt singlu bi tbatija għall-koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li din id-dar spiċċat tkun f'kondizzjoni ta' kesħa kbira?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fuq il-fond in kwestjoni kienet saret talba permezz ta’ applikazzjoni PA 164/06 biex jitwaqqa’ l-bini imsemmi però din kienet irtirata. Saret talba oħra (DS 0034-06) biex jitneħħew is-soqfa li kienu fil periklu li jiġġarfu. Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni ħarġet fis-16 ta' Marzu 2006 biex isir dan ix-xogħol biss. Dan huwa l-uniku permess li hemm fuq is-sit. Mhemm xejn fil-liġi li jagħti l-jedd lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tordna lis-sid li jagħmel xi xogħol li mhuwiex kopert bil-permessi meħtieġa. Sid il-propjetà li jsoffri danni minn azzjoni ta’ sidien ta’ propjetà aġġjaċenti jista’ jfittex għad-danni u jieħu miżuri oħra simili skond il-liġi kontra min qiegħed jikkawża l-ħsara.

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Gass li jittella' mill-Magħtab

Question

Fejn se jiġi proċessat il-gass li se jittella' mill-Magħtab?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-gassijiet li bħalissa qed jiġu ġġenerati mill-miżbla tal-Magħtab ser jiġu miġbura permezz ta’ sistema ta’ pajpijiet imħaffra fl-art. Dawn il-pajpijiet ser ikunu imqabbdin ma` sistema ċentralizzata tal-ġbir tal-gassijiet minn fejn jgħaddu għall-impjant installat fuq il-miżbla tal-Magħtab stess li jitratta dawn il-gassijiet.

Tħaffir ta' mina

Question

Għal xiex se tintuża l-mina li tħaffret minn Wied iż-Żiju l/o Sant'Antnin sal-power station ta' Delimara? Meta beda x-xogħol ta' tħaffir tal-mina li mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin Wied il-Għajn twassal għal power station ta' Delimara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorita' tad-Djar — Applikazzjoni għas-sussidju

Question

Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-sussidju ma' l-awtorita' tad-djar u wara li l-awtorita' aċċettat xi flus, qalulha li hi mhijiex intitolata għax xtrat dar oħra? Tista' din il-persuna tiġi nformata direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waħda mill-kundizzjonijiet biex tibbenefika taħt Skema Z (Sussidju fuq Xogħlijiet ta’ Rranġar u Titjib f’Residenzi Privati Okkupati minn Sidien) hi li l-applikant ma jkollux fil-pussess tiegħu proprjeta’ mmobbli oħra fit-tlett snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni. Ninsab infurmata li n-notifika ta’ l-Awtorita’ tad-Djar lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant kienet tindika ċar li l-għoti tas-sussidju li minnu setgħet tibbenefika kien indikattiv u mingħajr preġudizzju peress li kien suġġett għall-ipproċessar u l-approvazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li l-flus li tħallsu min din il-persuna kienu dwar l-applikazzjoni u spejjeż tar-riċerki meħtieġa. Minn dawn ir-riċerki rriżulta li l-applikanti kellha proprjeta’ mmobiljari oħra fit-tlett snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni u għalhekk l-applikazzjoni ġiet miċħuda. Il-persuna konċernata ġiet infurmata b’dan permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-16 ta’ Jannar 2006.

Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati s-segretarju parlamentari responsabbli mill-anzjani? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat peress li fil-Guidelines on the Employment of Staff for Ministers' Secretariatma tingħatax din ir-risposta kompluta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23012.

Pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tara x'pensjoni se tieħu l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' l-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandha ebda talba pendenti għall-pensjoni mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment informa lil din il-persuna bil-miktub dwar il-każ.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija separata li ma tieħux manteniment, m'għandhiex flus il-bank jew xi dħul ieħor u qiegħda tirreġistra, tibda tibbenefika minn xi tip ta' benefiċċju soċjali? Tista' din il-persuna tiġi nformata direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sussidju fuq dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' sussidju fuq dawl u ilma ta' persuna li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita' li qed jitlob li s-sussidju li kien jieħu fuq il-post fejn kien joqgħod jiġi trasferit għall-post ieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Benefiċċju tal-wens

Question

Jista' jitmexxa l-każ ta' ġuvni li applika għall-benefiċċju tal-wens peress li ommu għandha 85 sena, nieqsa mid-dawl u tinsab f'wheelchair u fil-kapaċita' tiegħi nħoss li għandu jibbenefika minn dan il-benefiċċju minħabba s-servizz li jagħti lill-ommu? Jista' dan il-ġuvni jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Separazzjoni bonarja

Question

X'inhi l-pożizzjoni tal-liġi dwar koppja li tissepara bonarjament u tagħmel kuntratt bonarju iżda jibqgħu joqogħdu fl-istess dar, għax id-dar tkun tagħhom? Jekk din il-koppja tkun għalqet is-60 sena, xi drittijiet għandha l-mara mic-cheque tal-pensjoni li jirċievi r-raġel? La darba jkun hemm kuntratt bonarju ta' separazzjoni approvat mill-qorti, il-mara tista' tapplika biex nofs ic-cheque jaqa' fuqha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija tirrigwarda l-għoti ta’ Għajnuna Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmata li, fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant, il-koppja tista’ tikkwalifika separatament għall-Għajnuna Soċjali kemm il-darba ġġib provi għas-sodisfazzjon tad-Direttur li l-koppja tkun veru qed tgħix separatament u m’għandiex mezzi. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li jekk iż-żewġ partijiet ikunu jikkwalifikaw għall-Pensjoni ta’ l-Eta’ mhux kontributorja, fil-każ indikat, kull parti tirċievi l-pagament separatament. Jekk persuna mill-koppja jkollha dritt għall-pensjoni kontributorja, il-persuna l-oħra trid tagħmel rikors il-Qorti biex id-Direttur jaqsam l-ammont dovut f’porzjonijiet skond kif jiġi ordnat mill-Qorti, sakemm l-ammont tal-porzjonijiet ma jkunx diġa’ ġie ndikat fil-kuntratt tas-separazzjoni.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23013 u 23099 u jgħid kemm għandu impjegati l-ministeru? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-numru ta' impjegati fil-Ministeru tiegħi (li jinkludi wkoll id-Direttorati bin-nies tagħhom) hu 81. M'hemm ħadd li hu on loan, 20 impjegat bil-kuntratt filwaqt li 21 huma b'Secretariat Agreement'. Rigward il-mistoqsijiet l-oħra, l-Onor. Interpellant hu riferut għall-"Guidelines on the emplyment of Staff for Ministers 'Secretariat' kif approvat mill-Kabinett".

Pensjoni tal-wens

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa każ ta' persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament biex idur b'missieru? Il-Każ huwa wieħed ta' bżonn kbir. Tista' din il-persuna tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Wied il-Għajn — Ħaddiema fis-Sezzjoni tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 23091 u jgħid għaliex meta jispiċċaw ħaddiema minn mad-drainage section ta' Wied il-Għajn ma jġibux nies oħra flokhom? Hemm ħsieb li jidħlu nies oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni tqassam in-nies tagħha fl-outstations tagħha skond il-ħtiġijiet tal-Korporazzjoni innifisha. Fil-każ li rrefera għalih l-Onor Interpellant, il-Korporazzjoni ma tħossx li għandha għalfejn iżżid n-numru attwali ta' mpjegati li jaħdmu fil- pumping station ta' Wied il-Għajn.

Permit No. 04089/05

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22943 u 23081 u jara li jiġi milqugħ ilment ta' persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar permit no. 04089/05?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li r-rotot 27, 29 u 30 bdew jgħaddu minn Triq il-Knisja flok Triq iż-Żejtun minħabba li llum għandna xarabanks li qed isibu diffikultajiet biex jgħaddu minn Triq Santa Marija minħabba li t-triq hija dejqa. Dan it-tibdil sar ukoll għas-sigurta tan-nies li jkunu mexjin fl-imsemmija triq. Skop ieħor għat-tibdil ta’ din ir-rotta sar sabiex din tkun stabbilita minn triq waħda u mhux min jgħaddi minn Triq Santa Marija u min jgħaddi minn Triq il-Knisja. Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- bus shelter ser jiġi żarmat u mwaħħal fi Triq il-Knisja.

OPM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22999 u 23077 u jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

University of Malta — Part-timers

Question

Could the Hon. Minister kindly provide a reply for parliamentary question 23032 regarding: What is the policy of the University of Malta regarding part-timers? How many part-timers Accademic/Non Accademic are in employment and how many are above the age of 61? What is their respective age and grade?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu ma wasalx tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' appell tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li m'għandha l-ebda dħul u l-każ huwa ġenwin? Tista' il-persuna tiġi nformata bl-iżviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn riċerka li għamel id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma rriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għandha xi appell pendenti quddiem l-Arbitru maħtur taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.

Każ ta' arbitru

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' arbitru ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.