Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi (Għar Lapsi) — tiġrif tal-blat

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif beħsiebu jindirzza l-problema tat-tiġrif tal-blat f'Għar Lapsi?

Response (MIZZI, JOE)

Il-problema tat-tiġrif tal-blat f’Għar Lapsi hija waħda mifruxa fuq parti sostanzjali tal-kosta fl-inħawi. B’mod imminenti se jinbeda xogħol ta’ konteniment tal-blat (rock nets u rock bolts) fil-parti tal-bajja l-aktar frekwentata mill-pubbliku, jiġifieri fl-inħawi tal-għerien ta’ Għar Lapsi.
Leg 12 PQ #1293 Sitting 18 2013-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kariga ta' individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ingħatax xi kariga mill-Gvern? Jekk iva, jista' jindika liema kariga ngħata? Jekk ma ngħatax kariga jista' jgħid jekk ġiex imqabbad bħala konsulent f'xi ministeru, aġenzija jew entità tal-Gvern? Jekk iva, fejn u x'inhu s-salarju tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant ma ngħatat l-ebda kariga jew kuntratt minn dan l-uffiċċju.
Leg 12 PQ #1249 Sitting 17 2013-05-13 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Lejlet Lapsi — kumitat organizzattiv - membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat organizzattiv għall-attività msejħa Lejliet Lapsi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 12 PQ #1250 Sitting 17 2013-05-13 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Notte Bianca — kumitat organizzattiv - membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat organizzattiv għall-attività msejħa Notte Bianca? Meta hemm il-ħsieb li din tinżamm din is-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qatt ma kien hemm kumitat organizzattiv għall-organizzazzjoni tan-Notte Bianca. L-avveniment huwa organizzat minn nies professjonali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Din is-sena, in-Notte Bianca se ssir nhar il-5 ta’ Ottubru.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — żieda ta' pulizija

Question

Jikkonferma l-Ministru li hemm il-ħsieb li jiżdied in-numru ta' pulizija fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? X'inhi r-raġuni għal dan?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li ssir din iż-żieda.

Xiri u kiri ta' tablets — sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata s-sejħa għall-offerti biex jinxtraw jew jinkrew it-tablets għat-tfal tar-raba' sena? Jista' jgħid ukoll jekk dawn it-tablets jiġux irritornati fl-aħħar tas-sena? Kif se titħaddem il-manutenzjoni tagħhom u min se jkun qed iġorr l-ispiża għal dan? Kemm hu n-numru tat-tfal li se jibbenefikaw minn din il-miżura? Jista' jikkonferma li din il-miżura se tkun tgħodd ukoll għat-tfal li jattendu l-iskejjel privati jew tal-Knisja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

M'hemmx data ta' meta se jinxtraw jew jinkrew it-tablets għat-tfal tar-raba' sena u l-anqas il-proċess dwar l-użu u t-tqassim tagħhom. Madankollu, l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jibda proċess ta' konsultazzjoni dwar l-użu effettiv tat-tablets fil-kuntest tal-programmi ġodda li se jitfasslu bħala parti mill-Qafas Nazzjonali tal-Kurrikulu. Il-pjan tal-Gvern hu li t-tablets iservu bħala għodda ta' tagħlim biex jitjiebu l-ħiliet bażiċi.

Toroq arterjali — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterjali li se jsir ix-xogħol fuqhom matul din is-sena u li l-fondi għalihom se jiġu mill-fondi nazzjonali? Kemm hu ppjanat li se jsiru toroq ġodda f'kilometri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta, b’mod regolari, tagħmel manutenzjoni fuq toroq arterjali u distributorji skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Għal dak li huwa xogħol t’asfalt, bħalissa l-periti ta’ Transport Malta qed jagħmlu eżerċizzju biex jidentifikaw ix-xogħol meħtieġ fuq dawn it-toroq u jitħejjew l-istimi neċessarji. Dan bħala fażi oħra li torbot ma’ xogħol simili li kien għaddej fl-aħħar xhur.

Ministeri u uffiċjali tal-Gvern — kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu biex meta ġew mikrija l-karozzi li ġew mikrija mis-segretarjati tal-Ministeri u uffiċjali oħra tal-Gvern il-ġdid ġiet osservata l-wegħda elettorali tal-Partit Laburista f'paġna 107, wegħda 28, li tgħid li "l-karozzi użati mill-Gvern u s-servizz pubbliku jibdew ikunu dawk li l-inqas iniġġsu"? Jidhirlu l-Ministru li dan hu pass importanti li jagħti eżempju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li qiegħed jiġi assigurat li linji gwida jiġu osservati.

Ir-Rabat (Malta) — Skola Sekondarja tal-Bniet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li nbidel il-ħsieb li l-iskola sekondarja tal-bniet tar-Rabat tingħalaq bħala skola u tinbena waħda ġdida fi Triq Farsons fil-Ħamrun minflokha? Jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-istess skola llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa l-iskola sekondarja bniet tar-Rabat qed tilqa' fiha studenti mit-tielet sal-ħames sena tal-iskola sekondarja. Fis-sena skolastika li jmiss se tibqa' tilqa' fiha studenti tar-raba' u ħames sena sekondarja. Bħalissa qed ikun studjat il-pjan ta' bini ta' skejjel ġodda.
Leg 12 PQ #1244 Sitting 16 2013-05-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeru u s-Segretarji Parlamentari — ingaġġ ta' ħaddiema minn barra miċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-kundizzjoni li kienet tapplika għas-segretarjati tal-Ministeri u l-uffiċċju tas-Segretarji Parlamentari, ċjoè li mhux permissibbli li l-Ministru u s-Segretarju Parlamentari jimpjegaw aktar minn erba’ persuni minn barra miċ-Ċivili jew entitajiet governattivi, m’għadhiex tapplika u li llum kull wieħed minn dawn jista' jimpjega segretarjat sħiħ minn barra miċ-Ċivil u l-entitajiet tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jikkonsulta d-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel saret manutenzjoni matul is-sena li għaddiet u kemm kienet l-ispiża marbuta ma' din il-manutenzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif ġej: Dok. `A` - lista ta` skejjel li fihom saret manutenzjoni mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi; Dok. `B` - lista ta` skejjel li fihom saret manutenzjoni mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t`Għada.
Leg 12 PQ #1246 Sitting 16 2013-05-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

membri ta’ segretarjati privati — bordijiet u kumitati governattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma l-policy li kienet eżistenti sal-lum, ċjoè li membri tas-segretarjati privati tal-Ministru u s-Segretarji Parlamentari li jiġu maħtura f'bordijiet u kumitati governattivi, ma jiġux rimunerati għal dan ix-xogħol?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dik il-policy għadha ma nbidlitx
Leg 12 PQ #1247 Sitting 16 2013-05-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għas-Saħħa

Ir-Rabat (Għawdex) — ċentru kliniku

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ċ-ċentru kliniku tar-Rabat Għawdex ġie mibdul fberġa u allura m'għadux iservi ta' policlinic?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra
Leg 12 PQ #1248 Sitting 16 2013-05-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat (Għawdex) — ċentru kliniku - trasferiment għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex

Question

Jikkonferma l-Ministru li hu kien ikkonsultat u kien favur li ċ-ċentru kliniku li kien jinsab fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex jiġi trasferit għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċentri tas-saħħa jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa u għalhekk jekk joġgħbu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #866 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għas-Saħħa

Bank tad-demm — ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-bank tad-demm fi Gwardamanġa jkunu estiżi sat-8.00 p.m.?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li jinbidel il-ħin u l-jiem tal-operat fil-Bank tad-Demm.

għalliema tal-Braille

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema tal-Braille impjegati mal-Gvern u fejn huma assenjati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija SAPPORT tiffinanzja 20 siegħa fil-ġimgħa mill-paga ta’ impjegat tal-KNPD sabiex dan jassisti fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Santa Venera u fost id-dmirijiet tiegħu huwa jgħallem il-Braille lill-klijenti neqsin mid-dawl. Huwa fil-ħsieb ta’ dan il-Ministeru li għal quddiem se jitħarġu aktar nies f’dan il-qasam

Ex Kummissarju tal-Pulizija — riżenja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ittra ta' riżenja tal-ex Kummissarju tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jpoġġi l-ittra ta' riżenja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Żjara sorpriża

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk id-diviżjonijiet fil-ħabs li żar waqt iż-żjara sorpriża li għamel fil-Ħabs ta' Kordin nhar il-Ħadd 14 ta' April? Barra dakinhar kemm-il darba żar il-Ħabs minn meta ġie maħtur Ministru?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għamilt l-ebda żjara fid-diviżjonijiet tal-ħabs waqt iż-żjara sorpriża li għamilt fl-14 t’April, 2013. Żort darbtejn l-imsemmija faċilità; darba fl-imsemmija data t’hawn fuq u darboħra meta kelli laqgħa ta’ ċertu tul mad-Direttur tal-Ħabs u l-Uffiċjali f’viżita ta’ kortesija sabiex niddiskutu l-qagħda fl-imsemmija faċilità.
Leg 12 PQ #861 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Fondi tal-Unjoni Ewropea — Katakombi ta' San Pawl, ir-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq il-proġett minn fondi Ewropej tal-Katakombi ta' San Pawl? Kemm se jiġi jiswa u f'liema stadju jinsab il-proġett illum?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-kuntratt tax-xoghlijiet maġġuri fil-Katakombi ta’ San Pawl, bħala parti minn proġett iffinanżjat mill-fondi Ewropej tal-ERDF, kien iffirmat fil-11 ta’ Frar 2013. Dawn ix-xogħolijiet, li jiswew €2.4 miljun (VAT inkluża), mistennija li jkunu lesti fi tmintax-il xahar, iġifieri f’Ottubru 2014. Barra minn hekk, bħalissa għaddejin xogħlijiet ta’ skavi arkeoloġiċi f’dan l-istess sit, li jammontaw għal madwar €151,152 (VAT Inkluża). Bi preparazzjoni għal dan il-proġett s’issa intefqu madwar €650,000 (VAT inkluża) fuq studji marbutin ma’ dan is-sit. Jonqos li jinħareg tender ieħor għal xogħolijiet ta’ konservazzjoni, walkways u s-servizzi ġewwa l-katakombi, liema xogħlijiet huwa stmat li jiswew €730,000 (VAT Inkluża). Ix-xogholijiet kollha f’dan is-sit huma mistennija li jkunu lesti sa Ottubru 2014.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema li se jirtiraw sal-1 ta' Ottubru ta' din is-sena? Kemm hu n-numru ta' għalliema każwali li għandu d-dipartiment llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' għalliema li se jirtiraw matul din is-sena sal-01 ta' Ottubru hu ta' 10. Infurmat ukoll li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi m'għandu l-ebda għalliem każwali. Id-Direttorat jimpjega 147 għalliem fuq bażi supply li 22 minnhom għandhom status indefinit.