Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir il-Konferenza Annwali tal-Edukazzjoni għal din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ma jafx għalxiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant. Id-Direttorati Edukattivi jagħmlu numru ta' konferenzi, seminars u workshops għall-edukaturi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1254, jista’ l-Ministru jfisser b'mod konkret x'kienu r-rekwiżiti li ntalbu fil-kwotazzjonijiet jew fis-sejħiet għall-offerti għal kiri jew xiri ta' karozzi għall-użu tal-Ministeri u entitajiet governattivi oħra mid-9 ta' Marzu sal-lum u dan in konformi mal-wegħda elettorali tal-Partit Laburista kif hemm miktub f'paġna 107 tal-Programm Elettorali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-Ministeri u l-entitajiet governattivi ġew avżati li x-xiri u l-kiri ta’ karozzi għandu jirrispetta l-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li qiegħda miktuba f'paġna 107 tal-Programm Elettorali.
Spejjeż ta’ safar għall-ġenituri minħabba kura tat-tfal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux diġà qed titħaddem il-wegħda li l-Istat iħallas l-ispejjeż għaż-żewġ ġenituri biex ikunu jistgħu jakkumpanjaw lit-tifla jew tifel tagħhom taħt l-età meta dawn ikollhom bżonn isiefru barra minn Malta għall-kura? Jekk le, x’inhu jżomm biex dan jibda jsir ġaladarba dan ma jitlobx bdil f'liġijiet imma proċedura li diġà qed titħaddem illum fuq bażi ta' ġenitur wieħed?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-ħlas għat-tieni ġenitur meta jiġu akkumpanjati minuri għal-trattamenti barra minn Malta, peress li fil-budget attwali l-gvern preċedenti qatt ma ħaseb dan il-bżonn u għalhekk m’alloka l-ebda fondi, bi pjaċir ninfurmaħ li dan il-ftehim se jiġi attwat mal-Budget li jmiss.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li jinħoloq unit speċjalizzat fi ħdan il-pulizija li jkun imħarreġ biex jieħu ħsieb żoni turistiċi u biex ittejjeb is-sigurtà tat-turisti li jżuru Malta bħal m'hemm f'pajjiżi oħra bħall-Eġittu u t-Tuneżija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li bir-rispett kollu ma’ naqbilx mal-paragun imsemmi mill-Onorevoli kulħadd jaqbel li s-sitwazzjoni f’pajjiżna m’għandha x’taqsam xejn ma’ dik fil-pajjiżi msemmija fejn mhux l-ewwel darba li turisti kienu l-mira ta’ attakki terroristiċi.
Però ninsab infurmat illi fil-preżent qed isiru diskussjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità dwar it-Turiżmu bil-għan li jkunu magħrufa oqsma fil-qasam turistiku fejn il-Korp tal-Pulizija jista’ jtejjeb is-servizz li joffri f’dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 514 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' riżenja tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minn Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista' jagħti ukoll id-data meta l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat il-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru ukoll qed jingħataw separatament bħala Kap ġdid għad-Dipartiment imsemmi?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir reklutaġġ ta’ pulizija fix-xhur li ġejjin?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dik il-parti fejn tikkonċerna lill-Pulizija fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1190.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir reklutaġġ għal Membri fil-Forzi Armati ta' Malta?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal dik il-parti fejn tikkonċerna lill-Forzi Armati ta’ Malta fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1190.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi ġodda fl-ewwel erba’ xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn ġew reġistrati minn Maltin u kemm minn barranin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi, skont ir-records li għandha Transport Malta, l-ammont ta’ vetturi ġodda rreġistrati hawn Malta fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena huwa ta’ 2290. Transport Malta ma tagħmilx distinzzjoni dwar in-nazzjonalità tas-sid meta tirreġistra vettura. Skont informazzjoni meħuda mill-Karta ta’ l-Identità tas-sid huwa smat illi l-ammont ta’ vetturi rreġistrati lil dawk li l-aħħar ittra tal-Karta tal-Identità hija “M” jew “G” huwa ta’ 2172, filwaqt li għal dawk li l-aħħar ittra hija “A” jew “L” jew numru tal-passaport huwa ta’ 118.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal dawk il-gabbani li jinsabu madwar it-terminus ta' Putirjal, il-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Il-progett ta' bieb il-belt kien jinkludi l-bus terminus il-ġdid kif ukoll it-tisbieh tal-pjazza tat-tritoni. Bħalissa hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni tat-tieni parti tal-proġett tal-bus terminus. Din l-applikazzjoni tinkludi t-tneħħija tal-gabbani li hemm fl-entratura ta' bieb il-belt għal post iktar arkitetonikament aċċetabbli. It-tneħħija tal-gabbani kienet bdiet fl-amministrazzjoni preċedenti, b'taħdidiet li kienu saru mas-sidien u l-GRTU. Id-diskussjonijiet ikomplu kull fejn ikun hemm il-ħtieġa.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li skont il-pjanti li dehru f'gazzetti lokali ġie deċiż li l-parti t'isfel tal-funtana ta' Putirjal, il-Belt Valletta, tiġi livell wieħed mat-triq li se twassal għal Bieb il-Belt? Jidhirlu l-Ministru li jekk dan il-pjan iseħħ ikun qed jitħassar parti integrali mid-disinn oriġinali tal-funtana msemmija, hekk kif ħoloqha l-artist?
Response (MIZZI, JOE)
Il-pjanta proposta minn RPBW, li qegħda għall-konsiderazzjoni tal-MEPA mis-sena 2012 għall- permessi neċessarji, turi li l-pavimentar huwa ma’ l-istess livell tal-funtana biex tiġi integrata iktar il-funtana mal-pjazza li jixtieq joħloq l-arkitett Piano.
Il -Mepa ghandha tapprovah jew titlob modifika.
Is-Siġġiewi (Salib tal-Għolja) – restawr ta’ kappella
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1255, u fid-dawl tal-fatt li Gvernijiet preċedenti intervjenew fir-restawr ta' diversi knejjes madwar Malta, jista' l-Ministru jikkonferma jekk din il-politika ta' restawr ta' knejjes Maltin hijiex se titkompla mill-Gvern tal-ġurnata? Jekk iva, meta se tittieħed id-deċiżjoni li jsir intervent fuq il-Knisja tas-Salib tal-Għolja fid-dawl tal-urġenza ddettat mill-istat ta' periklu avvanzat li jista' jwassal għat-tiġrif tagħha?
Response (MIZZI, JOE)
Nikkonferma li m’hemm l-ebda intenzjoni li l-politika ta’ restawr ta’ knejjes Maltin ma titkompliex mill-Gvern tal-ġurnata. Madankollu, kif ġara fil-passat, biex il-Gvern jagħmel restawr fuq proprjetà li mhix pubblika l-ewwel trid issir talba għall-għajnuna minn min hu responsabbli minn dik il-proprjetà. F’dak l-istadju, il-Gvern jagħmel studju preliminari biex jara hux f’pożizzjoni li jgħin f’dak il-każ partikolari. Fil-preżent ma jirriżultax li saret talba formali għall-għajnuna fuq din il-Kappella minn min hu responsabbli tagħha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1258, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se jsir xogħol maġġuri mill-Gvern ta' tisbiħ fil-bajja ta' Għar Lapsi, lil hinn minn dak ta' manutenzjoni li jsir mill-Kunsill Lokali kull sena?
Response (MIZZI, JOE)
Fil-granet li ġejjin se jibda x-xogħol estensiv ta’ konteniment tal-blat fl-inħawi tal-għirien (west cove).
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1259, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan ix-xogħol ta’ konteniment tal-blat fil-bajja ta' Għar Lapsi hux se jitlesta qabel l-1 ta' Lulju ta' din is-sena sabiex il-bajja tkun tista' titgawda aħjar mit-turisti? Jista’ jikkonferma ukoll jekk għandux parir tal-esperti li dan il-konteniment joffrix soluzzjoni ta' natura temporanja jew permanenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ix-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant mistenni li jibda t-Tnejn 27 ta’ Mejju u jitlesta fix-xahar ta’ Lulju bil-għan li tkun offruta sigurta’ lil kull min jagħmel użu mill-bajja
Is-sistema li ser tintuża tikkonsisti f’xibka doppja tal-azzar marbuta mal-blat b’ankeraġġi tal-istainless steel. Biex tiġi assigurata l-akbar reziztenza tal-elementi ser jintużaw ankeraġġi ta’ Grade superjuri ta’ stainless steel. Is-sistema li ser tintuża f’dan is-sit tippermetti li meta jkun hemm bzonn ix-xibka tkun tista’ tinbidel f’każ ta’ ħtieġa ta’ manutenzjoni.Din il-ħtieġa żgur li ma tistax tiġi eliminata f’sit b’kundizzjonijiet ambjentali hekk aggressivi.
Jista' l-Ministru jikkomferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ġie impjegat mal-Public Broadcasting Services (PBS) bħala Head of Drama? Jista' jgħid jekk saritx sejħa biex jimtela' dan il-post u jekk iva, jista' jindika hekk kenitx interna jew pubblika ? Jista jgħid x'salarju annwali qed jitħallas?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sur Frederick Testa m’huwiex impjegat mal-PBS, iżda ġie ingaġġat fuq bażi ta’ “contract for service” fuq proġetti speċifiċi għal perijodu ta’ 12-il xahar b’remunerazzjoni ta’ €2,350 fix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha li ddaħlet fis-seħħ il-Freedom of Information Act, kemm-il talba kien hemm min-naħa tal-mezzi tax-xandir, fejn fiha ġiet rikjesta informazzjoni taħt din l-liġi?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Primary Health Care — kap eżekuttiv - remunerazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x`inhu s-salarju, allowances, overtime, u benefiċċji oħra li l-personal assistant tal-Kap Eżekuttiv tal-Primary Health Care tħallset matul is-sena 2013, xahar b`xahar, u jindika kemm-il siegħa ta' overtime jew sigħat ta' on-call inħadmu? Min jawtoriżża u japprova dawn l-ammonti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jintervjeni biex jgħin fir-restawr tal-kappella li tinsab fuq is-salib tal-Għolja s-Siġġiewi peress li din tinsab fi stat perikoluż u peress li dan is-sit, barra li hu popolari ħafna mal-pubbliku u t-turisti, hu wkoll landmark storiku?
Response (MIZZI, JOE)
Għalkemm il-Kappella mhix proprjetà pubblika, madanakollu wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.
Jista' l-Ministru jikkonferma li qed tiġi kkunsidrata l-idea li l-iskejjel tal-irħula f'Għawdex jiġu magħquda fi skejjel akbar li jkopru numru ta' rħula flimkien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġiet ikkunsidrata u diskussa l-ebda idea simili. Infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li mill-aspett edukattiv mhux dejjem hu ta' ġid li t-tfal ikunu fi klassijiet b'numru żgħir ħafna ta' tfal. Tfal f'dawn il-klassijiet ftit li xejn isibu kompetizzjoni b'saħħitha u jkun hemm nuqqas ta' stimolu ta' opinjonijiet u karattri differenti. L-edukaturi jirrakkomandaw li fejn hemm klassijiet żgħar din il-prassi tiġi riveduta kullimkien, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Għalkemm ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet, wieħed m'għandux jipprekludi d-diskussjoni edukattiva għall-ġid tat-tfal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li żaru Malta permezz ta' cruise liners matul ix-xahar ta' April 2013 u kemm kien in-numru tal-istess turisti f'April 2012?
Response (VELLA, KARMENU)
L-aħħar statistika fuq cruise passengers ġiet pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tkopri l-perjodu Jannar sa Marzu 2013. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha m'hijiex disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' Għar Lapsi fis-Siġġiewi? Jekk iva, meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li bħalissa għaddej b’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ f’Għar Lapsi. Dawn jinkludu l-manutenzjoni tar-railings tal-ħadid u tal-bankijiet, bdil ta’ tabelli u bdil tal-fanali f’Għar Lapsi Park.
Ix-xogħol mistenni jitlesta matul il-ġimgħat li ġejjin.