B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3671, jirrikonoxxi l-Ministru li l-ispejjeż marbuta mal-għoti ta' wiċċ ġdid lit-triq li tagħti għal Għar Lapsi huma sostanzjali sabiex jagħmel tajjeb għalihom il-Kunsill waħdu? Ma jidhirlux il-Ministru li peress li din hija żona turistika, il-Gvern għandu jgħin u jintervjeni sabiex il-bajja ta' Għar Lapsi tkun aktar aċċessibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jerġa' jirreferi għar-risposta li tajt fil-mistoqsija Parlamentari Numru 3671.
Delimara – għawm fil-bajja quddiem il-power station
Question
Jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni għala twaħħlu tabelli biex ma jsirx għawm mal-bajja li tinsab quddiem id-daħla tal-power station ta’ Delimara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li dawn it-tabelli ma twaħħlux minn Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindka jekk hemmx ħsieb li t-triq li tibda ftit ’l isfel mid-Dar tal-Providenza u tieħdok sa Għar Lapsi tingħata wiċċ ġdid, minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha u fid-dawl li Għar Lapsi huwa post turistiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija mhix triq arterjali jew distributorja u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.
Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar statistika tal-income per capita għad-distretti elettorali, distrett b’distrett? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għal kull lokalità f’Malta u Għawdex?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istatistika tal-income per capita ma tinġabarx abbażi tad-distretti elettorali jew tal-lokalitajiet.
Jista’d-Deputat Prim Ministru jindika jekk id-€19-il miljun f’fondi Ewropej li ħabbar nhar l-4 ta’ Lulju 2013 humiex fondi Ewropej li ma kinux ġew allokati qabel, jew inkella li kienu diġà ġew allokati lil proġetti oħra? Jekk tal-aħħar, liema proġetti ġew affettwati?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-fondi konċernati ma kenux ġew allokati qabel.
Mitigazzjoni tal-gassijiet serra minn refrigerants
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif u min qed jieħu ħsieb l-mitigazzjoni tal-gassijiet serra mir-refrigerants domestiċi, kummerċjali u industrijali? Kif qed issir il-governanza tan-nies tekniċi li jużawhom u kif qegħdin jiddisponu minn dawn ir-refrigerants meta jikkontaminaw ruħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qiegħda tieħu ħsieb ir-regolazzjoni ta` l- importazzjoni, vjaġġi, użu u tqegħid fuq is-suq ta’ Gassijiet Serra Florinati u prodotti li għandhom bżonn dawn il-gassijiet biex jiffunzjonaw.
Kif inhu preskritt mill-Avviż Legali 93 ta’ l-2010, mitigazzjoni ta' emissjonijiet u governanza tan-nies tekniċi li jużawhom issir taħt diversi forom:
1) tagħmir stazzjonarju b`aktar minn 3 kilogrammi ta' gassijiet serra florinati qed jiġi irregistrat ma’ l-Awtorita sabiex jiġi assigurat illi dan it-tagħmir jiġi spezzjonat għall- ‘
leakages’
ta` mill-anqas darba fis-sena. Sidien ta` dan l-apparat għandhom l-obbligu li jżommu ktieb ta` reġistrazzjoni li jinkludi dettalji ta` dawn l-ispezzjonijiet li huwa soġġett għal verifiki annwali minn uffiċjali ta’ l-Awtorita.
2) Importazzjoni ta` ċilindri tal-gass għandhom bżonn liċenzja approvata mill-Awtorita li dejjem tirrikjedi illi dawn jiġu impurtati f`ċilindri li jistgħu jerġgħu jintużaw. Dan sabiex jiġi assigurat li ma jintużawx cilindri ‘
disposable’
li meta jintremew jista jkollhom residwi ta’ gass li jista' jiġi rilaxxat meta dawn jinqerdu.
3) Il-persuna involut fil-manutenzjoni u mili mill-ġdid bil-gass ta’ sistemi li jżommu
leakages
għandhom obbligu illi jattendu korsijiet speċjali li jipprovdu il-kwalifiki minimi meħtiega skont kif definit fir-regolament tal-KE 842/2006. Dawn il-korsijiet qed jiġu pprovduti lokalment mill-MCAST u jieħdu l-forma ta’ korsijiet ‘
full time’
għall-individwi li għadhom ħa jibdew jaħdmu fis-settur, u korsijiet ‘
part time’
għal min ġa qiegħed jaħdem f` dan is-suq. Ġaladarba dawn jottjenu dawn il-kwalifiki minimi, dan il-persuna għandu l-obbligu li jżommu ktieb ta' reġistrazzjoni li jinkludi informazzjoni dwar kemm sabu
leakages
, b`kemm gass reġgħu mlew fis-sistema u x`għamlu b`xi gass skartat li nġabar. Dan il-ktieb għandu jimtela kull darba li dawn jagħmlu manutenzjoni ta’ sistemi u għandu jinżamm għal mill-anqas ħames snin u huwa wkoll suġġett għal verifiki każwali minn uffiċjali ta’ l-Awtorita.
Filwaqt li hawn siti lokali li jaċċettaw u jħottu apparat qadim illi għandu bżonn dawn il-gassijiet biex jiffunzjona, m'hawnx siti lokali li jistgħu jeqirdu il-gass maħruq jew ikkontaminat. Għaldaqstant dan ikollu jiġi esportat f`faċilitajiet awtorizzati barra minn Malta li jistgħu jeqirdu dan il-gass.
Ir-rimi ta' apparat u gass huwa rregolat minn l-Avviż Legali 184 tal-2011 (kif amendat) u 106 tal-2007. Dawn jirrikjedu li faċilitajiet li jaċċettaw jew iħottu dan l-apparat ikunu regolati minn permessi ambjentali maħruġa mill-Awtorita. Jirrikjedu wkoll li vetturi li jġorru dan l-iskart ikollhom permess mill-Awtorita.
Sabiex jinġarr gass jew apparat maħsub għar-rimi, hemm bżonn ‘
consignment permit’
skont Avviż Legali 184 tal-2011 (kif amendat). Meta hemm bżonn li ssir esportazzjoni ta’ dan l-iskart ikun hemm bżonn ‘
transfrontier shipment Permit’
skont Artiklu 4 ta` regolament tal-KE 1013/2006 sabiex jiġi assigurat li dan inqered f`faċilitajiet awtorizzati.
Jikkonferma l-Ministru li l-programm tal-iscreening tal-musrana l-kbira se jiġi trasferit għal Għawdex?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li t-Test tad-demm moħbi fl-ippurgar, li huwa l-iscreening test għall-Programm tal-Kancer fil-Musrana, isir id-dar, sew jekk Malta u anki Għawdex.
Dawk li jirriżultaw pożittivi minn dan it-test u jiġi deċiz li għandhom bżonn test ta' l-istrument (colonoscopy), qed jiġu offruti dan is-servizz fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, minħabba żmien twil ta' stennija fl-Isptar Mater Dei. B'hekk qed niżguraw li ma’jkunx hemm dewmien fid-dijanjozi ta' dawn l-individwi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3120 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1255 u 1688, jista’ l-Ministru jindika l-persuna kkonċernata fi ħdan il-Ministeru tiegħu li lilha għandha ssir it-talba formali għar-restawr tal-Knisja tal-Għolja fis-Siġġiewi?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba formali għar-restawr tal-Kappella tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi tista’ ssir lil Ministeru direttament.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1255 u 1688, jista’ l-Ministru jindika l-persuna konċernata fi ħdan il-Ministeru tiegħu li lilha għandha ssir it-talba formali għar-restawr tal-Knisja tal-Għolja fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi t-talba lill-Ministru responsabbli mill-Kultura.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-pilloli Imdur, użati minn pazjenti b’mard relatat mal-qalb, jinsabu out of stock? Jista’ jagħti d-data meta dawn se jkunu jistgħu jerġgħu jingħataw?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-mediċina Imdur tinsab f’ammont limitat fl-isptarijiet. Hemm ordni pendenti li se tasal fi-26 ta’ Lulju 2013 imma d-dipartiment saqsa lill-kuntrattur biex l-ordni titwassal qabel. Il-kuntrattur fit-18 ta’ Ġunju 2013 wiegħed li qiegħed jagħmel dak kollu li hu possibli biex l-ordni tasal mill-aktar fis. Ir-raġuni għala l-mediċina ġiet out of stock kien minħabba li l-ordni damet ma saret għar-raġuni li f’Awwissu ta’ 2012 id-dipartiment kellu direttivi mill-UĦM li waslu biex jitwaqqaf il-proċess għall-tlett xhur sħaħ.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il żjara għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej barra minn Malta marbuta mal-preparamenti għall-Presidenza Ewropea ta’ Malta fl-2017? Jista’ jgħid ukoll ma’ min saru dawn il-laqgħat u min kien qed jakkumpanjah?
Jista’ jipprovdi organigramma tad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej? Jista’ jagħti wkoll lista tal-ħaddiema kollha, bil-pożizzjonijiet tagħhom?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 għamel ¿jara waħda barra minn Malta marbuta mal-preparamenti għall-Presidenza Ewropea ta’ Malta fl-2017. Din kienet Dublin, l-Irlanda bejn il-11 u 13 ta’ Ġunju, 2013 fuq stedina tal-Presidenza Irlandiża. Is-Segretarju Parlamentari kellu laqgħat kemm ma’ uffiċjali Irlandiżi responsabbli mill-organizazzjoni tal-Presidenza kif ukoll ma’ rappreżentati tal-Olanda u s-Slovakkja, iż-zewg pajjiżi l-oħra li jiffurmaw it-trio tal-Presidenza flimkien ma’ Malta. Is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mis-Sur Jonathan Cardona, Chief of Staff fl-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru ghall-Affarijiet Ewropej, mis-Sur Neil Kerr, Kap tal-EU Secretariat, u mis-Sur Christopher Galea, Kap tal-Loġistika fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-functional organingrams tat-tliet entitajiet li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari. Dan huma l-Planning and Priorities Co-Ordination Division, il-Funds and Programmes Division w l-EU Funds and Programmes Unit. Minħabba raġunijiet ta’ data protection, l-Onorevoli Interpellant jifhem li ma jistgħux jingħataw id-dettalji individwali ta’ l-impjegati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2854, jista’ l-Ministru jgħid meta li l-għassa tas-Siġġiewi qed tkun miftuħa regolarment, jista' jagħti kemm-il siegħa kienet miftuħa kull jum ta' Mejju?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2854, matul Mejju ta’ din is-sena, l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet miftuħa medja ta’ 21 siegħa u kwart kull ġurnata. Iżda, kif ġa għedt, jista' jkun hemm ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-membru tal-korp li jkun għassa, joħrog fuq xi doveri oħra barra mill-Għassa, bil-konsegwenza li din jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn mhux qed ikun hemm pulizija b’mod regolari fl-għassa tas-Siġġiewi? Jista’ jagħti indikazzjoni jekk hemmx il-ħsieb li din l-għassa tkun miftuħa 24 siegħa kuljum? Jekk iva, jista’ jagħti indikazzjoni meta dan jista’ jsir possibbli
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-Għassa, bil-konsegwenza li l-Għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Ir-Rabat (Għawdex) — ċentru kliniku - trasferiment għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2332 fejn qed jidher li la ġie kkonsultat u lanqas intervjena biex iċ-ċentru kliniku li kien hemm fiċ-ċentru tar-Rabat jiġi trasferit għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jista’ l-Ministru jikkonferma li kellu numru kbir ta' Għawdxin li wasslulu l-ilmenti formali tagħhom dwar dan? Jista’ jgħid x'għamel b'dawn l-ilmenti?
Response (REFALO, ANTON)
M'ghandi xejn x'inżid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari1248,1785, u 2332
B'referenza għat-tweġiba tal mistoqsija parlamentari 1810 fejn fiha iddikjara li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ma jafx għalxiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant, u peress li tali Konferenza Annwali tal-Edukazzjoni hi waħda mill-wegħdiet li tinsab fil-programm elettorali tal-Partit Laburista tal-aħħar elezzjoni, u peress li jidher li kemm il-Ministru kif ukoll id-dipartiment mhumiex konxji minn dan, jista’ l-Onor. Ministru jgħid hu kienx ġie kkonsultat qabel ma nkitbet din il-wegħda, jekk jaqbilx ma’ din il-wegħda u jekk għandux il-ħsieb li jwettaqha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-proposta numru 44 li tikkonċerna Konferenza Nazzjonali għall-Għalliema. Din il-proposta se tiġi mwettqa fiż-żmien li ġej. Jiena diġà ltqajt ma' diversi oqsma ta' edukaturi bħal uffiċjali edukattivi, biex nikkonsultahom f'laqgħat li ma kienux isiru qabel.
kodiċi ta’ etika – waivers — ministri u s-segretarji parlamentari
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1762 u jindika dawk il-provvedimenti fil-Kodiċi ta' Etika għall-Ministru u s-Segretarji Parlamentari li jagħtu s-setgħa lil Prim Ministru biex jeżenta lil xi Ministru jew Segretarju Parlamentari milli josserva l-Kodiċi jew parti minnu? Jista’ jikkonferma kemm ta eżenzjonijiet sal-lum u lil min?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor Interpellant li kif hemm imniżżel fid-daħla tal-Kodiċi ta’ Etika nnifsu, l-Kodiċi li issa ilu li sar 20 sena kien intiż bħala gwida lill-Ministri fl-aġir tagħhom li huma stess jimponu fuqhom innifishom biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja fil-Gvern.
Fejn jidħlu l-interessi privati l-Kodiċi f’paġna 42 jgħid li “normalment hu l-Ministru stess li għandu jiddeċiedi kif l-aħjar jipproċedi” għalkemm ir-regola ġenerali għandha tkun li l-Ministru jitlaq l-interessi privati tiegħu. Fl-istess paġna l-Kodiċi jżid li l-Prim Ministru jiddeċiedi kif għandu jimxi l-Ministru li jissottomettilu każ bħal dan.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Onorevoli Segretarju Parlamentari Franco Merċieca fil-jiem li għaddew waqqaf b’mod immedjat l-operazzjonijiet kollha tal-oftalmoloġija, li kien qed jagħmel fil-privat, anki jekk konxju li pass bħal dan se jwassal biex tinħoloq skumdita għal numru ta’ pazjenti. L-Onor Segretarju Parlamentari se jibqa’ jagħti s-servizz tiegħu mingħajr ħlas fl-isptar Mater Dei u fl-Isptar t’Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1756 fejn il-Ministru kkonferma li ma jaqbilx li Malta hi pajjiż fejn hemm il-ħtieġa li jinħoloq unit speċjalizzat fi ħdan il-Pulizija li jkun imħarreġ biex jieħu ħsieb żoni turistiċi u biex ittejjeb is-sigurtà tat-turisti li jżuru Malta, jista’ l-Ministru jikkonferma li hu ma kienx jaf b'din il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista u jikkonfermax li allura din il-wegħda mhux se titwettaq?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li ngħatat fl-istess mistoqsija parlamentari kwotata minnu fejn intqal li bħalisa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità dwar it-Turiżmu bil-għan li jkunu magħrufa oqsma fil-qasam turistiku fejn il-Korp tal-Pulizija jista’ jtejjeb is-servizz li joffri f’dan il-qasam.
Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex l-iscaffolding li ttella’ aktar minn 5 snin ilu fuq wara ta' blokk appartamenti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li jagħti għal fuq Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan, jitneħħa peress li dan l-iscaffolding imsaddad u bla użu qed jagħti dehra mill-agħar lil ambjent pittoresk tal-bajja ta' Spinola li hi frekwentata tant mit-turisti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-iżvilupp li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa kopert bil-permessi ta' żvilupp li jesiġu li siti ta' kostruzzjoni f'waħda mil-lokalitajiet b'attivita' għolja ta' żvilupp, bħal ma' hi San Ġiljan, għandhom jingħlaqu bi stekkati (hoarding) maqtugħa u independenti mill-kostruzzjoni nnifisha. Tali stekkati jridu jinżammu f'kundizzjoni tajba sabiex dawn jissodisfaw l-għan tagħhom hekk kif speċifikat fl-Avviż Legali 295/07 jew ir-Regolamenti ta' l-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni.
Dawn ir-regolamenti ma jaqgħux iżjed taħt ir-responsabilta' tal-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) peress li fl-2010, tali obbligu għadda lill-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini (BRO) fi ħdan l-Ministeru tax-Xogħolijiet u Trasport. Id-dettalji ta' dan il-każ ser jagħddu lill-dan l-uffiċċju sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja skont kif stabbilit fl-Avviż Legali imsemmi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk għandux il-ħsieb li jsir xogħol ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-knisja arċipretali tas-Siġġiewi? Jekk iva, meta huma mistenni li jinbeda dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li ninforma lill-Onor Interpellant li qed jitħejja pjan ta’ ħidma għall- 5 snin li ġejjin, ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr li qatt ma saret talba biex isir tali restawr.
Dipartiment tal-Kuntratti – teknoloġija favur l-ambjent
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri konkreti qed jieħu d-Dipartiment tal-Kuntratti biex dawk il-kumpaniji li jippromwovu teknoloġija u jħaddnu prassi favur l-ambjent jingħataw rikonoxximent fl-għoti ta’ tenders u kuntratti pubbliċi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi aktar milli jingħata rikonoxximent, id-Dipartiment tal-Kuntratti jesiġi li sejħiet għall-offerti għal xiri ta’ ċertu prodotti jew servizzi jridu jinkludu speċifikazzjonijiet ambjentali kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Id-Dipartimenti u organizzazzjonijiet kollha tal-Gvern kienu ġew infurmati fuq kif għandhom jiktbu id-dokumenti tas-sejħiet tal-offerti f’dan ir-rigward permezz taċ-Ċirkulari tad-Dipartiment tal-Kuntratti 21/2011. Tali dokumenti qed ikunu skrutinizzati mis-sezzjoni tax-Xiri Pubbliku Aħdar. L-offerenti huma mistennija li l-prodotti u servizzi li joffru jridu jirrispettaw dawn l-ispeċifikazzjonijiet. F’kas li le, l-offerti jiġu skwalifikati.