Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Għeluq ta’ karreġġjata

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rakkomandazzjoni li saret mill-perit ta' Transport Malta sabiex il-karreġġjata li tagħti mill-Marsa għar-roundabout fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi tingħalaq? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studji li setgħu saru fil-kunsiderazzjoni li ħadet Transport Malta sabiex din il-karreġġjata tingħalaq għat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-analiżi tal-intervent li sar fuq ir- roundabout ta' Ħal Qormi, liema analiżi għandha l-bażi tagħha f'diversi surveys li saru fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorità tat-Trasport qabel ma saru x-xogħlijiet fil-fażi ta' ippjanar u monitoraġġ li sar fuq il-post wara li tlestew ix-xogħlijiet.

Għalliema sekondati ma' Ministeri, segretarji privati, aġenziji, korporazzjonijiet u awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra kemm-il għalliem ġie seconded ma' Ministeri, segretarjat privati, aġenziji, korporazzjonijiet u awtoritajiet mill-bidu tal-leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din d-domanda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ għalliema li ġew seconded ma’ Ministeri, segretajat privati, aġenziji, korporazzjonijiet u awtoritajiet mill-bidu tal-leġiżlatura sal-lum hu ta’ ħmistax.
Leg 12 PQ #10358 Sitting 182 2014-07-21 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — interviewing boards - kompożizzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10284, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet kollha tal-persuni li ntagħżlu sabiex ikunu fuq l-interviewing boards, preżentati b'mod separat għal kull sejħa interna u esterna?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant , li kif kienet il-prassi fi żmien il-Gvern preċedenti, din l-informazzjoni personali għandha tiġi mgħoddija lill-Onor. Interpellant jekk ikun hemm il-permess tal-persuni konċernati.

Bulebel – id-daħla tal-Qasam Industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni sabiex is-central strip li tagħti għad-daħla tal-Industrial Estate ta’ Bulebel li tinsab fi Triq id-Dejma, tiġi mtejba, peress li qed jiġu rrapurtati numru ta’ inċidenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ikun apprezzat li l-Onor. Interpellant jikkjarifika għal-liema aċċess qed jirreferi minħabba li hemm aktar minn aċċess wieħed għaż-Żona Industrijali ta' Bulebel minn Triq id-Dejma.
Leg 12 PQ #10284 Sitting 175 2014-07-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — interviewing boards - kompożizzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kompożizzjoni tal-membri li ffurmaw l-interviewing boards tas-sejħiet kollha (kemm interni u esterni) li saru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri li ffurmaw l-interviewing boards tas-sejħiet kollha kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni kienu membri tal-Bord tal-MEPA, kif ukoll impjegati tal-istess Awtorità.
Leg 12 PQ #10166 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bajja ta’ San Blas (Għawdex) – permess ta’ encroachment

Question

B'referenza għar-rapport fl-ewwel paġna tal-“Malta Independent on Sunday” tal-ħarġa tal-Ħadd, 29 ta' Ġunju 2014, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-art in kwistjoni fil-bajja ta' San Blas Għawdex ingħatatx permess ta' encroachment jew titolu legali ieħor? Jekk iva, jista’ jinforma f'liema data daħlet tali applikazzjoni u min minn tali applikazzjoni kienet sottomessa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma ħareġ l-ebda permess ta’ encroachment jew titolu legali ieħor fuq l-art fil-Bajja ta’ San Blas Għawdex, li sar rapport dwarha fil-gazzetti.

Is-Salini — bajja mhux imnaddfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-bajja ta' quddiem il-lukanda Coastline s-Salini għadha ma tnaddfitx mill-alka?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-bajja imsemmija, l-alka tnaddfet fil-ġranet tas-27 ta’ Ġunju, 30 ta’ Ġunju u 2 ta’ Lulju. Il-materjal ta’ alka li għad fadal f’din il-bajja għadu depożitat fil-baħar, u għalhekk wieħed irid jistenna l-element tan-natura sabiex din tinġarr bil-mewġ fuq ir-ramla. Bħalissa il-livell tal-ilma baħar għadu għoli ħafna u għalhekk wieħed għad irid jistenna sabiex isir il-kumplament tat- tindif.
Leg 12 PQ #10183 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Salini — bajja mhux imnaddfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-bajja ta' quddiem il-lukanda Coastline s-Salini għadha ma tnaddfitx mill-alka?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #10125 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Art agrikola f’ Ħad-Dingli — Tender

Question

Jista’ l-Prim Ministru jinvestiga min ta’ l-ordni li art agrikola f'Ħad-Dingli li l- d-dettalji dwar il-file tiegħu qed jinagħtaw separatament, toħroġ għal tender mingħajr ma kienu avżati s-sidien li kellhom it-titlu legali tal-art? Jista’ jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni u min ħa d-deċiżjoni li t-tender jitwaqqa' f'nofs il-proċess?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuntrarjament għal li qiegħed jgħid, l-art ġewwa Ħad-Dingli hija reġistarta f’isem il-Gvern u ħadd m’għandu xi titolu legali fuqha. Barra minn hekk din l-art taqa’ fiż-żona tal-Iżvilupp u allura mhiex ikkunsidrata bħala art agrikola kif qed jirreferi għaliha l-Onor Membru. Dwar it-tieni parti tad-domanda, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern informa lil kull min kellu interess fuq din permezz ta’ ittra datata 27 ta’ Mejju 2014. Is-Sejħa għall-Offerti għal 3 mill-4 sejħiet li saru fuq l-art ta’ Ħad-Dingli ġew irtirati mid-Dipartiment sabiex jerġa jikkunsidra l-posizzjoni tiegħu minħabba oġġezzjoni li ġiet reġistrata mir-residenti tal-madwar.

White Rocks — konċessjoni

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tnejn, 23 ta' Ġunju 2014 dwar sejħa ta' żvilupp għall-kumpless tal-White Rocks, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'tip ta' konċessjoni kien qed jirreferi għalih bħala titolu legali tal-art li se tingħata?

Response (CARDONA, CHRIS)

Rigward is-sejħa ta’ żvilupp tal-White Rocks Malta, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art ser tingħata b’titolu ta’ emfitewsi għal 65 sena.
Leg 12 PQ #9909 Sitting 166 2014-06-23 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kirjiet kummerċjali – applikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8607, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm mis-17-il applikazzjoni li ġew proċessati taħt l-iskema tal-kirjiet kummerċjali tal-Belt ġew milqugħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 11-il applikazzjoni ġew milqugħa taħt l-iskema tal-kirjiet kummerċjali tal-Belt.
Leg 12 PQ #9956 Sitting 166 2014-06-23 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Knisja tal-Balluta — parti mix-xatt ta' taħt il-promenade

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-parti tax-xatt taħt il-promenade quddiem il-knisja tal-Balluta ngħatatx lill-privat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-inħawi ndikati, ngħata permess għall-u\u ta’ kamra li tinsab taħt it-taraġ tal-promenade quddiem il-Knisja tal-Balluta.
Leg 12 PQ #9973 Sitting 166 2014-06-23 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett fid-daħla tal-Belt Valletta — strutturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'titolu għandhom l-istrutturi li tpoġġew fit-tarf tat-taraġ tal-proġett ta' Renzo Piano fid-daħla tal-Belt Valletta? Jista’ jinforma lill-Kamra meta ngħata tali permess u minn min ingħata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istruttura li hemm fit-tarf tat-taraġ fid-daħla tal-Belt Valletta ġiet impoġġija hemm temporanjament b’tolleranza minħabba x-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq il-bini tal-Parlament il-ġdid u sakemm l-okkupant jiġi rilokat għall-post ieħor fi żmien qasir.

Proġett fid-daħla tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jaħsibx li l-istrutturi li tpoġġew fit-tarf tat-taraġ tal-proġett ta' Renzo Piano fid-daħla tal-Belt Valletta jirrispettawx din il-binja mill-aspett ta' wirt kulturali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lil-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #9975 Sitting 166 2014-06-23 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġett fid-daħla tal-Belt Valletta — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġietx ikkonsultata fuq l-istrutturi li tpoġġew fit-tarf tat-taraġ tal-proġett ta' Renzo Piano fid-daħla tal-Belt Valletta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentri lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #9976 Sitting 166 2014-06-23 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Belt – kumpens lill-ħwienet ta’ taħt it-Teatru l-Imwaqqa’

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9758 dwar kumpens għar-rilokazzjoni lill-ħwienet ta' taħt it-Teatru l-Imwaqqa', jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux ser ikun possibbli għal dawk li ngħataw kumpens, li jerġgħu jingħataw post taħt it-Teatru l-Imwaqqa'?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim li kien hemm mal-operaturi tal-ħwienet ta’ Taħt it-Teatru l-Imwaqqa’ kien biss dwar kumpens ta’ flus ex gratia li l-Gvern ħallas minħabba li n-negozju tagħhom mill-ħwienet imsemmija ma kienx se jkun aktar possibli minħabba l-proġett ta’ Bieb il-Belt. Dan il-ftehim ma kienx jinkludi li l-istess operaturi jerġgħu jingħataw post taħt it-Teatru meta jkun lest. Barra min hekk is-sit fejn qabel kien hemm it-Teatru l-Imwaqqa’ issa jifforma parti miċ-ċens li ngħata lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament.

Bdiewa full-time — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jingħata l-pagament tas-sussidju li jmiss lill-bdiewa full-time mogħti fuq ir-raba’ maħdum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nisab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bħal ma ġara fis-snin preċedenti, il-pagamenti inkwistjoni huma mistennija li jsiru f’Diċembru li ġej.

Bdiewa full-time — sussidju

Question

Jista’ jgħid għalfejn is-sussidju tal-bdiewa full-time għall-ħxejjex li ddaħħlu l-pitkalija matul is-sena 2013 għadu ma ngħatax? Jista’ jgħid meta dan se jingħata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minkejja li l-vot tal-Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) fl-2013 kellu l-fondi neċessarji (€2.3 miljun) sabiex ikopri s-sussidji għas-setturi tat-tadam, dwieli, frott u ħxejjex, dawn il-fondi ntużaw mill-amministrazzjoni preċedenti fil-perjodu Jannar - Frar - Marzu 2013 (qabel l-elezzjoni ġenerali), sabiex jagħmlu tajjeb għall-infieq u arrear payments f’setturi oħra li ma kienx hemm flus ivvutati għalihom, fosthom: Arretrati dovuti lis-settur tal-ħalib - €171,538 Pagamenti ta’ ħlasijiet dovuti lill-Ta’ Qali Producers Group lill-bdiewa membri tagħhom - €203,824 Drafting tad-Dokument (National Agricultural Policy) - €90,100 Part payment għall- pig vaccination scheme dovut lill-K.I.M. - €40,000 Ħlas ta’ sussidju ta’ 1.75% fuq bejgħ mill-pitkalija - €103,753 Ħlas ta’ sussidju ta’ 1.75% fuq bejgħ mill-FCCS - €22,547 Ħlasijiet dwar studji fuq bio-digester - €108,808 Ħlasijiet lid-ditta EUROPA (4th and final installment) - €30,208 Arretrati ta’ sussidji dovuti fl-2011 fuq tkabbir ta’ dwieli - €415,030 Arretrati ta’ sussidji dovuti fl-2011 fuq ħxejjex u frott - €170,068 Għajnuna għat-tadam għall-iproċessar dsovuti għas-sena 2012 - €573,491 Spejjes Mixxelani - €194,059.82 Total ta’ €2,123,426.82 B’riżultat ta’ din l-amministrazzoni ħażina ta’ fondi, mill-flus allokati (€2.3 miljun) għas-sussidju li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, kien baqa’ biss bilanċ ta’ €176,573 biex jagħmlu tajjeb għal: 1. pagamenti dovuti għas-sussidji fuq frott u ħxejjex tal-2012 (€737,000). Dan il-pagament issa tħallas mill-voti allokati fil-Baġit 2014. 2. għajnuna addizzjonali tal-2012 fuq dwieli (€760,000) u 3. sussidju ta’ 1.75% lill-Pitkali (€170,000), u 4. is-sussidju dovut fuq ħxejjex u frott, tas-sena 2013 (li huwa stmat li jlaħħaq il-fuq minn €700,000) Qegħdin isiru bosta taħdidiet mal-Ministeru tal-Finanzi bil-għan li jsir provvediment adekwat għall-baġit għas-sena 2015. Din hija s-sitwazzjoni u il-wirt li ħallewlna l-amministrazzjoni preċedenti. Hija ta’ mistħija kif l-Oppożizzjoni trid tagħmel kapital minn sitwazzjoni li ħalliet warajha hija stess.
Leg 12 PQ #9758 Sitting 164 2014-06-17 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Belt – kumpens lill-ħwienet ta’ taħt it-Teatru l-Imwaqqa’

Question

Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ħwienet ta’ taħt it-Teatru l-Imwaqqa’ ngħatawx kumpens jew allokazzjoni finanzjarja minħabba l-proġett ta’ Renzo Piano? Jekk tħallsu kumpens, jista’ jagħti l-ammont li ngħata lil kull inkwilin b’mod separat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpens finanzjarju li rċevew l-ex inkwilini tal-ħwienet ta’ taħt it-Teatru Imwaqqa’ huwa kif ġej: Inkwilin tal-ħanut Nru 1 €150,000 Inkwilin ta’ħanut Nru 5 €150,000 Inkwilin tal-ħwienet Nri 2 u 4 €200,000 Inkwilin tal-ħanut Nru 3 €75,000