Sptar Mater Dei — Nursing Aide trasferita għall-Uffiċċju Elettorali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11159 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ nurses u nursing aides, jista’ l-Ministru jiġġustifika għalfejn il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ngaġġata bħala nursing aide fl-Isptar Mater Dei, ġiet trasferita biex isservi bħala l-assistent tal-kap tal-uffiċċju elettorali? Jikkonferma li l-abilitajiet tagħha mhumiex qegħdin jintużaw tajjeb f’mument meta hemm tant bżonnha fl-Isptar Mater Dei?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ilha numru ta’ snin taħdem fil-qasam amministrattiv u loġistiku.
B’referenza għall-istqarrija tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tat-13 ta’ Ottubru, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x’inhuma dawn il-50 miżura li saret referenza għalihom intenzjonati sabiex titnaqqas il-burokrazija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-50 miżura jikkonċernaw it-tigdid kollu maħsub għas-servizz pubbliku. Ma jikkonċernawx kollha kemm huma t-tnaqqis fil-burokrażija.Kieku l-Onor Interpellant issegwi iktar, jinduna li dan hu proċess li nbeda minn Marzu li għadda biex is-servizz pubbliku jirrispondi iktar u aħjar għaċ-ċirkustanzi ta’llum.L-Onor Interpellant se jkun jaf iktar dwar dak li sar biex titnaqqas il-burokrazija fiż-żmien li ġej.
B’referenza għall-istqarrija tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tat-13 ta’ Ottubru, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-50 miżura li saret referenza għalihom intenzjonati sabiex titnaqqas il-burokrazija ġew implimentati? Liema kienu dawn il-miżuri?
B’referenza għall-istqarrija tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tat-13 ta’ Ottubru, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra b’kemm se titnaqqas il-burokrazija bil-50 miżura li saret referenza ghalihom?
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 10758, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern huwiex se jmexxi bil-proġett ta’ estensjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
Response (MIZZI, KONRAD)
Kif ġie rriferut fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10758, l-applikazzjoni mal-MEPA għall-ħruġ tal-permess għall-bini tal-oqbra fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, kellha ssir mill-ġdid mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika minħabba li l-applikazzjoni ta’ qabel skadiet fis-sena 2012.
Is-Supretedent qed issegwi l-applikazzjoni l-ġdida sabiex malli joħroġ il-permess ikunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-widien li tnaddfu fix-xhur tas-sajf bi preparazzjoni għall-ilmijiet tax-xita fix-xitwa?
Response (MIZZI, JOE)
Is-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Widien twettaq diversi interventi fil-widien li jinkludu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni ekoloġika, ħarsien tal-infrastrutura rurali fil-korsi tal-ilma, u kontroll ta’ speċi aljeni u invażivi. Matul is-sajf li għadda ġie imneħħi ammont kbir ta’ qasab minn ‘Wied Qannotta’, Burmarrad li kien qed joħnoq il-passaġġ kollu tal-ilma. Dan l-intervent se jgħin wkoll biex jiġi deċiż x’interventi ta’ restawr hemm bżonn f’dan il-wied kif ukoll sabiex tiġi mikxufa trejqa antika għall-bdiewa tal-lokal. Sar ukoll tħammil ta’ ħofra fiż-żona magħrufa bħala ‘Il-Wilġa tal-Ħemsija’ fil-limiti tal-Imdina biex jinġabar l-ilma li jgħaddi minn ‘Wied ta’ Ġnien Ħira’ u li jista’ jintuża mill-bdiewa tal-lokal. Fl-aħħar xhur, saru xogħlijiet f’widien li huma suxxettibli għal volumi mdaqqsa tal-ilma. Dawn jinkludu tneħħija ta’ qasab minn ‘Wied il-Kbir’, Ħal- Qormi u tindif minn skart goff li jista’ jostakola l-korsa tal-ilma f’’Wied iċ-Ċawsli’, Ħal-Qormi. Ġew ukoll implimentati xogħolijiet ta’ manutenzjoni ta’ siġar u arbuxelli mħawwla f’ ‘Wied il-Għasel’, Mosta u f’ ‘Wied Għajn Żejtuna', Mellieħa.
Proġett tas-Sikka l-Bajda – applikazzjoni għal Wind Farm
Question
Peress li f’ġurnal lokali qed jingħad li l-proġett tas-Sikka l-Bajda twaqqaf, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk irtirax l-applikazzjoni li kien hemm quddiem il-MEPA fuq dan is-sit ħalli jiġi żviluppat wind farm ta’ 90MW?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Sptar Mater Dei — Nursing Aide trasferita għall-Uffiċċju Elettorali
Question
Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ nurses u nursing aides, jista’ l-Prim Ministru jiġġustifika għalfejn il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingaġġata bħala nursing aide fl-Isptar Mater Dei, ġiet trasferita biex isservi bħala l-assistent tal-kap tal-Uffiċċju Elettorali? Jikkonferma li l-abbiltajiet tagħha mhumiex qegħdin jintużaw tajjeb, f’mument meta hemm tant bżonnha fl-Isptar Mater Dei?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinvestiga għalfejn l-iffirmar tal-kuntratt tax-xiri ta’ qabar mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fiċ-ċimiterju tal-Addolorata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika skedat għall-20 ta’ Awwissu 2013 ġie mħassar fl-aħħar minuti? Jista’ jagħti data oħra għall-iffirmar tal-konvenju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat li minħabba dewmien mill-amministrazzjoni preċedenti, il-permess tal-MEPA għall-estensjoni tal-Addolorata kien waqa’.
Investigazzjoni tal-pulizija dwar allegata korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-investigazzjoni tal-pulizija fuq l-allegat korruzzjoni fil-każ ta’ bailout ta’ €4.3 miljun għall-entità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx konkluża sad-data li fiha tkun inwieġba din id-domanda?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li in kwistjoni, għandu jingħad li l-investigazzjoni tal-Pulizija ġiet konkluża fil-bidu ta’ Lulju 2014, u ma’ nstabet ebda indikazzjoni li thallsu xi ‘commissions’ sabiex jiffaċilitaw jew jinfluwenzaw fix-xiri ta’ l-enfitewsi rimanenti fuq l-entita’ li l-isem tagħha ġie mgħoddi separatament.
B’referenza għal rapporti fil-mezzi tax-xandir, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi kopja tal-ittra tar-riżenja sottomessa mill-Kummissarju tal-Artijiet li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra msemmija.
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwaru ingħataw separatament qatt m’avviċina lis-Segretarju Permanenti Ewlieni dwar id-diffikultajiet li allega li kien qed isib, qabel ma kiteb l-ittra li tpoġġiet fuq il-medja tal-kamra.
Fl-istess ħin iżda, wara li bagħat din l-ittra, l-persuna li d-dettalji dwaru qed ingħataw separatament, wassal messaġġ lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, permezz ta’ terzi persuni, dwar il-gejjien tiegħu fi ħdan ic-civil.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjan ta’ zuntieri ġodda, il-Gvern hux beħsiebu jinkludi wkoll iz-zuntier tas-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-talba qed tiġi ikkonsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Fid-dawl li l-pjanti għaz-zuntier tas-Siġġiewi tlestew mill-Gvern preċendenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dan jkun mibni mill-ġdid mill-Gvern, hekk kif qed jiġu rranġati numru ta’ zuntieri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-passat kien sar xi xogħol fuq pjanti u stimi relatati maz-zuntier tal-Knisja Parrokjali tas-Siġġiewi. Jien infurmat li kien sar dan ix-xogħol preparattiv:
Fl-2007 kienu saru pjanti tal-4 turġien zgħar tondi ta’ mal-portiku tal-Knisja.
Fl-2012, saret talba mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fuq iz-zuntier kollhu. Minħabba li l-istima preliminarja biex isir il-proġett kollhu bil-ġebel tal-qawwi kienet waħda konsiderevoli, kien ġie deċiż li jsiru stimi tat-taraġ ta’ fuq biss, li kien ġie stmat li jiswa madwar €133, 594.
Minn dawn l-pjanijiet jirriżulta li qatt ma mmaterjaliżża xejn .
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjan ta’ zuntieri ġodda, il-Gvern hux beħsiebu jinkludi wkoll iz-zuntier ta’ Ħal Luqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda talba biex isir xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Luqa. Kull talba li ssir tiġi kkunsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-possibiltà li s-Siġġiewi Scouts Group jingħata post alternattiv fis-Siġġiewi hekk kif dak preżenti fl-iskola primarja tas-Siġġiewi sar żgħir għal ħtiġijiet ta' din l-organizzazzjoni volontarja?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tas-Siġġiewi Scouts Group tkun tista’ tiġi kkunsidrata kemm il-darba jiġi identifikat post vakant fis-Siġġiewi li jkun jista’ jaqdi l-ħtieġa ta’ din l-għaqda volontarja.
Ħal Qormi – Triq l-Imdina — Għeluq ta’ karreġġjata
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra ma' min ikkonsulta meta ddeċieda li jagħlaq il-karreġġjata li tagħti għar-roundabout fil-bidu ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kien il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi u ċittadini oħra li ressqu l-problema ta' saħħa w sigurtà fl-inkroċju bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa) għall-attenzjoni tal-Awtorità tat-Trasport sabiex tiġi ndirizzata tali problema mill-istess Awtorità minħabba li t-toroq huma arterjali w distributorji.
Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Għeluq ta’ karreġġjata
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għandux il-ħsieb li jiftaħ mill-ġdid il-karreġġjata li tagħti għar-roundabout fil-bidu ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi, li ngħalqet ftit tal-ġimgħat ilu u li ġiet ikkritikata mis-Sindku ta' Ħal Qormi
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-operat tal-miżuri ta' sigurta’ li ttieħdu fir-roundabout ta' Ħal-Qormi ġie immoniterat u rriżulta li l-problema ta' sigurtà ġiet indirizzata u kien hemm titjib fl-andament tat-traffiku kif kien previst għax mhux qed jiġu kkrejati konġestjonijiet minħabba kolliżjonijiet spissi u t-traffiku ta' madwar ir-roundabout u dak li ġej minn Triq Manuel Dimech mhux qed jiġi ostakolat. Din il-problema kienet ikkrejata minħabba li d-disinn ta' dan l-inkroċju ma kienx skont standards stabbiliti għal disinn ta' roundabout minħabba l-angolu akut ħafna ta' bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa).