Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet – Senior Manager – żieda fis-salarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda fis-salarji ta’ dawk kollha li nħatru Senior Managers fl-Awtorità tal-Artijiet meta kkumparat mas-salarju li kellhom qabel? Jista’ jagħti dan għal kull każ rispettivament?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Bejgħ ta’ post – energy performance certification

Question

Jista' l-Ministru jgħid mil-liema sena daħal fis-seħħ il-proviżjoni tal-Energy Performance Certification li għandu jiġi ppreżentat meta jinbiegħ post?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li fir-rigward ta’ postijiet magħrufa bħala Dwellings (postijiet t’abitazzjoni) il-ħtieġa taċ-Ċertifikat daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Jannar 2009 filwaqt li għal dawk li huma magħrufa bħala Non-Dwellings (dak li għandu x’jaqsam ma’ kull bini ieħor) din daħlet fl-1 ta’ Ġunju 2009.

lezzjonijiet tal-etika — studenti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2 jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk l-istudenti li qed jattendu għal-lezzjonijiet tal-etika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kors, jew Programm tal-Etika jiġi offrut lill-istudenti fl-edukazzjoni formali obbligatorja f’numru ta’ Skejjel Primarji u Sekondarji. F’dawk l-iskejjel fejn il-Programm tal-Etika mhux qed ikun offrut, l-obbligi leġislattivi ħierġa mill-Qafas għall-Kurrikulu Nazzjonali (National Curriculum Framework - NCF) qed jintlaħqu permezz tal-Programm tar-Reliġjon. Sal-lum, b’għażla mixtarra u meħuda b’mod kollettiv mill-Iskejjel tal-Knisja, il-Programm tal-Etika mhux qed jiġi offrut f’dan is-settur, għaldaqstant ma hemm l-ebda student, mit-total ta’ 15,240 (7,803 fil-Livell Primarju u 7,437 fil-Livell Sekondarju) li jattendu l-Iskejjel tal-Knisja, li qed jieħu l-Programm tal-Etika. Min-naħa l-oħra, it-total ta’ studenti fi Skejjel Indipendenti li jieħdu l-Programm tal-Etika jilħaq 1,235, b’mod aktar speċifiku 334 student fil-livell Primarju u 901 student fil-livell Sekondarju. Dan ifisser li minn total ta’ 3,569 student fi Skejjel Primarji Indipendenti, 9.4% qed jieħdu l-Programm tal-Etika, filwaqt li minn total ta’ 2,365 student fi Skejjel Sekondarji Indipendenti, 38.1% jieħdu l-Programm tal-Etika. Dan jissarraf f’perċentwal globali għas-settur Indipendenti ta’ 20.8% mit-total ta’ 5,934 student fil-Primarji u Sekondarji Indipendenti. Fuq livell nazzjonali (Skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti), attwalment it-total ta’ numru ta’ studenti li jattendu l-edukazzjoni obbligatorja huwa ta’ 46,975 student (26,173 fil-Livell Primarju, u 20,802 fil-Livell Sekondarju). Għaldaqstant, it-total ta’ 2,459 student li jieħu l-Programm tal-Etika fl-Edukazzjoni Obbligatorja fuq livell Nazzjonali (1,224-Skejjel tal-Istat; 0-Skejjel tal-Knisja; 1,235-Skejjel Indipendenti), huwa 5.2% tat-total ta’ studenti fil-Livell Primarju u Sekondarju.

Proprjetà tal-Gvern – Temporary Directum

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li kien hemm applikazzjonijiet taħt l-iskema tal-2012 biex jinxtara t-Temporary Directum Dominium (TDD) ta' proprjetà tal-Gvern, li iżda wara li ġew proċessati, ġew irtirati? Jista’ jgħid x'kienet ir-raġuni għal kull każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm tmien (8) applikazzjonijiet taħt l-iSkema tal-2012, li kienu ġew proċessati min-naħa tal-Uffiċċju Konġunt, u sussewgwentament ġew irtirati min-naħa tal-applikanti. Ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut kienu li jew l-applikanti ma qablux mal-prezz tal-fidi mitlub, ma kienux f’pożizzjoni finanzjarja sabiex jersqu għall-kuntratt jew inkella ma kienux baqgħu aktar interessanti fl-applikazzjoni tagħhom.

Skejjel primarji u sekondarji — studenti li ma jidħlux għat-tagħlim tar-Reliġjon

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti f’kull skola kemm primarja kif ukoll sekondarja f’Malta u Għawdex li ma jidħlux għat-Tagħlim tar-Reliġjon għaliex il-ġenituri tagħhom użaw il-klawsola tal-opting out?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. interpellant li t-tagħrif mitlub għall-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi: Lista 'A' - Skejjel primarji u sekondarji tal-Istat Lista 'B' - Skejjel primarji u sekondarji tal-Knisja u Indipendenti

Kors tal-Etika — attendenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk li qed jidħlu għall-kors tal-Etika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob l-Onor. interpellant jiċċara jekk hux qed jirreferi għall-għalliema li segwew il-kors 'Post Graduate Certificate in the Teaching of Ethics in Schools' jew għall-istudenti li jattendu l-lezzjonijiet tal-Ethics.

Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċertifikat dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija Energy Performance Certificate (EPC) huwiex neċessarju għal min ikun kiseb permess tal-iżvilupp iżda ma jkollux ħsieb li jikkonsma l-permess u lanqas ibiegħ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ċertifikat dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija Energy Performance Certificate (EPC) huwiex neċessarju għal min ikun kiseb permess tal-iżvilupp iżda ma jkollux ħsieb li jikkonsma l-permess u lanqas ibiegħ?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #32702 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ċertifikat dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija Energy Performance Certificate (EPC) huwiex neċessarju għal min ikun kiseb permess tal-iżvilupp iżda ma jkollux ħsieb li jikkonsma l-permess u lanqas ibiegħ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nformat mill-Building Regulation Office li tali Ċertifikat huwa meħtieġ.

Suldati – stennija biex jingħataw żarbun ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn numru ta’ suldati li qed jistennew biex jingħatalhom żarbun ġdid (boots), ilhom ġimgħat u xhur jistennew bil-konsegwenza li qed ikollhom jilbsu żarbun personali fuq l-uniformi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li riċentament ħarġet tender sabiex jinxtara lot żraben ġodda għall-membri kollha. Din it-tender ġiet konkluża u ser tibda l-fażi ta’ implimentazzjoni. Fil-frattemp il-Branka tal-Loġistika ħasbet sabiex sakemm għalqet din it-tender u sakemm jaslu dawn iż-żraben il-ġodda, jinxtraw numru adekwat ta’ żraben oħra, f’ammonti żgħar, sabiex ifornu lil min kellu bżonn u dan, dejjem skont il-regolamenti finanzjarji.

Is-Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – numru tad-Djar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12218, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tan-numerar tad-djar fi Triq Dun Manwel Zammit is-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – Ħal Luqa – Triq San Tumas — bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex beħsiebha tistalla bus shelters fi triq arterjali msemmija Triq San Tumas Ħal Luqa? Jista’ jgħid ukoll jekk Transport Malta rċevietx talbiet mill-kunsill sabiex jiġu stallati tali bus shelters?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għaż-żewġ bus stops li jġibu l-isem ta’ “Tumas” li jinsabu fi Triq San Tumas ġewwa Ħal-Luqa. Transport Malta ser tkun qed tinstalla żewġ bus shelters, wieħed fuq kull naħa tat-triq, fl-imsemmija triq. Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4819, fejn kien indikat li kien il-kunsill lokali ta’ Ħal- Luqa li kien għamel it-talba sabiex jiġu installati dawn il-bus shelters fuq dawn il-bus stops.

Ħal Luqa – Kunsill Lokali — applikazzjonijiet għall-bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill ta' Ħal Luqa applikax mal-awtoritajiet konċernati sabiex jiġu stallati bus shelters matul it-triq arterjali msejħa Triq San Tumas f'Ħal Luqa?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa li fl-2014 kien issottometta applikazzjoni (DNO 568/14 u DNO 572/14) sabiex isiru bus shelters fi Triq San Tumas fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Dawn ġew validati matul din is-sena iżda matul dan iż-żmien kien hemm problema dwar il-ftehim li kien hemm bejn is-supplier Faces Display u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li ostakola li jsiru dawn il-bus shelters. Infurmat mill-Kunsill li riċentament kien infurmat li ħarġu tenders ġodda lejn tmiem is-sena l-oħra minn Transport Malta u huwa previst li dawn isiru fiż-żmien li ġej.
Leg 12 PQ #32328 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Luqa – Triq l-Iskola — art

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-art li d-dettalji dwarha qed tingħata separatament u li hi mmarkata b'kaxxa ħamra li tmiss ma' Triq l-Iskola Ħal Luqa u li hija proprjetà tal-Gvern ngħatatx lill-privat jew kienx hemm talba biex tingħata lill-privat jew jekk hemmx il-ħsieb li tingħata lill-privat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat mid-Dipartiment tal-Artijiet li l-art in kwestjoni hi tal-privat, fejn ittieħdu proċeduri ta’espropriajzzjoni separati biex tinfetah triq u għall estenzjoni tal-l-iskola primarja. Parti mill-art li giet esproprijata b’GN 399 dtd.23/7/94 għas-spejjez ta terzi biex tigi iffurmata triq. Din giet rilaxxata bil-Gazzetta tal-Gvern Nru.467 datata.14/7/94. Parti ohra ġiet esproprijata b’GN 397 dtd.23/7/94 ghall-estenzjoni ta l-iskola. Din ġiet rilaxxata bil-Gazzetta tal-Gvern Nru.244 datata.28/5/1982. Parti ohra esproprijata b’GN 397 dtd.23/7/94 u b’Dikjarazzjoni tal-President 263 datata 10/3/2004 ukoll għall-estenzjoni ta l- iskola Skond informazzjoni fil-file is-sidien qed jitolbu biex din tigi irrilaxxata. Id-dipartiment għadu qed jistenna risposta mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni rigward it-talba tas-sidien. Parti ohra mill-art indikata qatt ma giet esproprijata.

Għalliema tal-braille għall-persuni neqsin mid-dawl kif ukoll mis-smiegħ

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31301, jista' l-Ministru jwieġeb jekk hawnx għalliema li jgħallmu l-braille lill-persuni li jkunu neqsin kemm mid-dawl kif ukoll mis-smiegħ, għaliex it-tweġiba li ngħatat tittratta biss dawk li huma neqsin mid-dawl biss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent hemm tliet għalliema li jagħtu sapport professjonali fl-iskejjel lil studenti li huma neqsin mid-dawl. Dan jinkludi wkoll it-tagħlim tal-Braille. Fejn ikun hemm każijiet ta’ tfal li jkunu neqsin kemm mid-dawl kif ukoll mis-smigħ, dawn l-istudenti jiġu segwiti kemm mill-għalliema għal studenti neqsin mid-dawl kif ukoll minn tim ta’ għalliema ta’ studenti neqsin mis-smigħ (Teachers for the Hearing Impaired). Bħalissa f’dan id-dipartiment hemm tlettax-il għalliem ta’ studenti neqsin mis-smigħ.