Legislature:
Category:
Reset
Active:

Security officers — Ħruġ ta' liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji ta' security officers qed idum aktar minn normal wara li dawn ikunu għamlu l-eżamijiet kollha meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħala regola, l-applikazzjonijiet għall-liċenzji ta' Gwardjani Privati qed ikunu proċessati mill-Pulizija fit-termini ta' l-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389). Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif dwar xi każ speċifiku, nitolbu jagħtini aktar dettalji sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment.

Santa Venera — Għaqda festi esterni - permess għan-nar ta' l-ajru

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex din is-sena ma ngħatax permess lill-għaqda festi esterni Santa Venera biex jinħaraq in-nar ta' l-ajru tal-festa biswit l-inħawi tal-mini ta' Santa Venera meta snin oħra dejjem inħareġ dan il-permess f'dan il-post? X'konsultazzjonijiet saru mill-awtorita' dwar it-trasport ma' din l-għaqda tal-festa biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet ħalli ma ssirx ħsara lill-kultura f'din il-komunita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li s-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie spezzjonat mill-Kumitat dwar l-Esplossivi, kien ġie ddikjarat li minn dan is-sit ma setgħax jiġi maħruq in-nar ta' l-ajru kif mitlub, minħabba li ma kienx hemm distanza kif rikjest fir-Regolamenti. Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Marsa — Triq Aldo Moro - bus lane

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bus lane li saret fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa tistax tkun projbita għat-traffiku f'ċertu ħinijiet biss matul il-ġurnata u mhux kif inhi bħalissa sabiex jitnaqqas il-konġestjoni ta' traffiku fuq il-lanes l-oħrajn f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-bus lane jintuża mill-karozzi tal-linja kemm waqt perjodi fejn ikun hemm ħafna traffiku (peak hours) kif ukoll waqt perjodi oħra fejn it-traffiku jkun inqas. Ma nistax nara x'benfiċċju jista' jkollu l-użu tal-bus lane minn karozzi privati waqt il-ħinijiet li ma jkunx hemm ħafna traffiku.

Liċenzja dwar l-użu ta' riċevituri tas-satellita

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'mod ċar fejn waslu l-proċeduri li nbdew mill-istess dipartiment biex tinbidel il-liġi preżenti li tkopri l-liċenzja dwar l-użu ta' riċevituri tas-satellita anke fid-dawl tad-direttiva tal-Kummissjoni Ewropea (KE) fi ħdan l-UE (ref: IP/01/31 approvata fl-2001) li tispjega b'mod ċar li m'għandux ikun hemm ostakli imposti fl-użu ta' dan is-servizz? Jista' jgħidilna wkoll jekk il-KE (Internal Market DG) ġibditx l-attenzjoni dwar din l-anomalija li qed tikser xi artikli bażiċi tal-EC Treaty f'dak li għandu x'jaqsam ma' moviment ħieles ta' prodotti u servizzi (free movement of goods and services)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infuramt li minn imkien ma jiriżulta illi il-KE (internal market DG) jew xi direttorat ieħor ta' l-E.U. ġibed l-attenzjoni tal-gvern fuq ksur ta' xi artiklu tal-EC Treaty dwar moviment ħieles ta' prodotti jew servizzi.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — part-time clerks

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-part-time clerks impjegati fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ma ngħatawx it-termination of employment fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom? F'dan il-każ il-Ministru jista' jgħid min se jkun obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni soċjali (bolla) ta' dawn l-impjegati sabiex ma jitilfu l-ebda benefiċċju soċjali sakemm dan it-termination of employment jibqa' ma jingħatalhomx?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-Part-Time Clerks impjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma nagħtawx it-termination of employment fl-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom għar-raġunajiet li l-impjieg tagħhom ma ġiex terminat imma sempliċament sospiż mill-24 ta' Lulju sakemm dawn l-istess Part-Time Clerks jerġgħu jissejħu lura għax-xogħol fit-30 ta' Awissu 2004. Dan sar skond kif tipprovdi s-sejħa għall-applikazzjonijiet li taħtha kienu applikaw u ġew ingaġġati dawn il-Part-Time Clerks. F'każ li xi Part-Time Clerk tinsisti jew jinsisti għat-termination of employment, din tingħata u titqies bħala riżenja mill-post tax-xogħol. Informat ukoll li matul il-perjodu li l-ingaġġ ta' dawn il-Part-Time Clerks ikun sospiż, skond kif tipprovdi s-sejħa għall-applikazzjonijiet relattiva, u li matulu dawn il-Part-Time Clerks ma jitħallsux, lanqas ma titħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali.

Ħal Qormi — Ta' Farsina - Kmamar tal-gvern abbandunati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex iż-żewġt ikmamar tal-gvern li hemm abbandunati biswit Blokk 2, f'Ta' Farsina housing estate qed jitħallew mingħajr ebda użu? Jista' jgħid x'qed iżomm jew jistenna d-dipartiment ta' l-artijiet biex jagħti l-użu mill-ġdid ta' dawn il-kmamar li ilhom abbandunati għal aktar minn 25 sena? Jista' jgħid għaliex qed jiġu njorati t-talbiet ta' residenti biex jixtru jew jikru dawn il-kmamar mingħand id-dipartiment ta' l-artijiet? Jista' jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb u meta se jinħarġu xi offerti għall-użu ta' dawn il-kmamar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qed tieħu l-passi neċessarji sabiex fil-futur qarib il-kmamar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jinkrew.

Ħal Qormi — Ta' Farsina

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mit-Taqsima tal-Pollution Control fil-MEPA dwar diversi ilmenti persistenti li qed isiru minn residenti f'Ta' Farsina HE, Ħal Qormi minħabba tniġġiż u nugrufun li qed jiġi kkawżat minn stabbilimenti li qed joperaw fi Triq f'Tal-Ħlas (wara l-HE f'Ta' Farsina)? Jista' il-Ministru jgħid x'monitoring qed isir minn din it-taqsima dwar dan l-ilment u jista' jikkonferma jekk sarux xi testijiet ta' l-arja f'dawn l-inħawi? Jekk saru dawn it-testijiet, jista' jgħid x'kien ir-riżultat tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha it-taqsima tal-Pollution Control fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), din irċeviet ilment wieħed biss minn din l-area li kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn. Għaldaqstant, dan il-każ ġie segwit u fuq istruzzjonijiet tal-MEPA saru anke xogħolijiet biex jitwaqqaf it-tniġġis u in-nugrufun. Dan il-fatt kien ikkomunikat ukoll lill-Kunsill Lokali b' ittra datata 17 ta' April 2004. It-taqsima tal-Pollution Control ma rċeviet l-ebda ilment ieħor minn April 2004.

Qormi — subway

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija lili f'mistoqsija parlamentari 6679, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet u xogħlijiet ta' manutenzjoni u tindif ta' din is-subway matul din is-sena? Jista' jgħid jekk jinsabx informat tajjeb bl-istat ta' din is-subway għax milli jidher din is-subway teħtieġ manutenzjoni urġenti biex tiġi fi stat diċenti? Jista' jgħid skond il-work orders maħruġa mill-ADT kemm kienet tlaħħaq l-ispiża tal-manutenzjoni ta' din is-subway f'din l-aħħar sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fir-rigward ta' l-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija, jien informat illi wara li l-awtorita' dwar it-trasport bagħtet perit sabiex jispezzjona s-subway imsemmija mill-Onor. Interpellant, ġie deċiż li din għandha tiġi rrappurtata lill-cleansing services department sabiex tkun tista' issir il-manutenzjoni meħtieġa fi żmien qasir. Fir-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, jien informat illi l-ħlas għall-manutenzjoni tas-subways isir mid-diviżjoni tax-xogħlijiet. Għalhekk għal aktar informazzjoni, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.

MEPA — Area fi triq il-Bajjada Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk policy Q011 li kienet proposta fis-Central Zone Local Plan public consultation draft dwar area fi Triq il-Bajjad, Qormi hijiex se tinbidel wara li l-kunsill lokali ta' Ħal Qormi kien ressaq oġġezzjoni għaliha u wkoll kien ippropona li din l-area titħalla bħala buffer zone sabiex jitnaqqas l-impatt industrijali f'din l-area?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat ta’ l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħa nota ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill Lokali rigward l-area tal-Bajjada. Dan il-Pjan kif abbozzat għad irid jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Nitlob lill-Onor. Interpellant jeżamina jekk jarax li għandu kunflitt ta’ interess f’ din il-mistoqsija minħabba li l-oġġezzjoni saret meta huwa kien Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, u illum qed jagħmel mistoqsija dwar il-MEPA, u huwa wkoll impjegat ta’ l-istess MEPA.

Produzzjoni ta' ilma permezz tar-reverse osmosis

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6742 u ċioe' jgħid kemm hi l-ispiża għall-produzzjoni ta' l-ilma permezz tar-reverse osmosis għal kull metru kubu? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża globali għall-produzzjoni ta' l-ilma permezz tal-proċess ta' reverse osmosis għas-snin 2002 u 2003, u kemm minn din l-ispiża kienet sussidjata? Jista' jgħid ukoll kemm minn dan l-ilma li ġie prodott peremzz tar-reverse osmosis ġie mitluf?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ispiża għal-produzzjoni ta' l-ilma għax-xorb permezz tar-Reverse Osmosis tvarja minn impjant għall-ieħor. Bħala medja din l-ispiża fl-impjant hi 22c kull metru kubu. Dan ma jinkludiex l-ispejjeż tad-distribuzzjoni u overheads. L-ispiża globali għall-ilma prodott mill-impjanti tar-Reverse Osmosis hi hekk: 2002 - LM4,097,681 2003 - LM4,037,661 Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tirċievi sovvenzjoni mingħand il-Gvern għall-operat totali tagħha u għalhekk ma jeżisti ebda 'sussidju' speċifiku għal l-ilma prodott bir-Reverse Osmosis. Billi l-provvista' ta' l-ilma tad-distribuzzjoni tkun ġejja minn diversi sorsi apparti dik tar-Reverse Osmosis, mhux possibli li wieħed jikkalkula kemm mill-unaccounted for water ikun ġie prodott bir-Reverse Osmosis. Inżid ngħid illi din l-informazzjoni tinsab fid-diversi rapporti anwali tal-Korporazzjoni għas-Serviżżi ta' l-Ilma.

MEPA — Areas li nħakmu mill-Għargħar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6674 jgħid jekk il-MEPA ħaditx miżuri jew policies neċessarji fir-rigward tal-widien u l-areas li nħakmu mill-għargħar fil-15 ta' Settembru li għadda? Hemm ħsieb li jkun hemm xi pjan jew policy paper li tiggwida l-iżvilupp f'dawn l-areas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wahda mill-policies ta' l-abbozz tal-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta' Malta tirrigwarda il-kwestjoni ta' l-għargħar għaċ-ċentru ta' Birkirkara, u għall-Wied ta' Ħal Qormi. Il-Pjan jidentifika fejn żvilupp ma jistax isir minħabba din il-problema, u fejn żvilupp jista’ jsir imma soġġett għal ċerti kundizzionijiet li jiggarantixxu s-sigurta’ ta' l-iżvilupp u ta' l-okkupanti.

Ħal Qormi — Roundabout

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proġett li kien maħsub mill-Environmental Landscape Consortium biex tiġi rranġata r-roundabout ta' fejn l-Erbgħa Qaddisin f'Ħal Qormi kif hemm muri fis-site plan tar-roundabout li qed nibgħat separatament? Hemm xi ħjiel meta dan se jinbeda u meta se jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-roundabout imsemmija kienet ġiet imsebbħa mill-Gvern u mill Kunsill tul is-snin 2000-2002 qabel ma' ġie iffirmat il-Kuntratt ma' l-Environment Landscaping Consortium (ELC). Minn dak iz-zmien l-ELC għamlu diversi titjib u manutenzjoni f' din iż-żona sabiex illum din hija waħda mill-aħjar roundabouts fl-inħawi.

Toroq mhux asfaltati — Draft agreements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux se jiffirma d- draft agreements dwar toroq mhux asfaltati mal-Kunsilli Lokali kif għamel il-Ministru ta' qablu? Il-Ministru ma jarax li l-Gvern ikun qed imur lura minn kelmtu ma’ numru ta' Kunsilli Lokali filwaqt li jista’ jidher li jkun hemm diskriminazzjoni bejn dawk il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn dawn il-kuntratti u oħrajn li baqgħu b'xejn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżid ma l-aħħar parti tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6611.

Ħal Qormi — Triq Valletta - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se titwessa' u titranġa l-parti ta' Triq Valletta f'Ħal Qormi (biswit Zammit Nurseries Ltd.) li tibqa' sejra sa fuq Tal-Blat Housing Estate? Kien hemm xi każ ta' esproprjazzjoni dwar din it-triq sabiex tiġi rranġata skond il-linja proposta skond l-iskemi temporanji ta' l-iżvilupp?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi sa llum ma kien hemm l-ebda talba ta' esproprjazzjoni f'din it-triq. L-awtorita' dwar it-trasport mistennija tibgħat perit sabiex jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant u jara x'inhu l-aħjar li jsir. Jekk jirriżulta li hemm bżonn isir xi xogħol, dan ikun jista' isir iktar 'il quddiem skond il-prioritajiet tad-direttorat.

Kunsilli lokali — Servizz ta' bulky refuse

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il oġġett inġabar bis-servizz tal-bulky refuse mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex matul din l-aħħar sena u kemm kienet l-ispiża maħruġa minn kull kunsill lokali fuq dan is-servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Marsa — Power station - materjal ta' l-asbestos

Question

Jista' il-Ministru jgħid min ħa l-offerta jew tender sabiex jiġi mneħħi l-materjal ta' l-asbestos li jinsab fil-power station tal-Marsa? Jista' jgħid min hu responsabbli bħala konsulent li jara li x-xogħol isir skond proċeduri stabiliti ta' l-EU? Min qed jieħu ħsieb li jsiru t-testijiet neċessarji magħrufa bħala AFT (Airborne Fiber Tests) ġewwa u barra l-area ta' l-attivita'? Fejn qed jiġi storjat dan il-materjal li preżentement qiegħed jinqala'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Luqa — Triq Ħal Qormi - pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li fi Triq Ħal Qormi, f'Ħal Luqa jiġu stallati pelican lights (ħdejn l-entratura tal-WSC fl-inħawi ta' Ħal Farruġ) sabiex il-familji li jgħixu f'Ħal Farruġ ikunu jistgħu jaqsmu din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi x-xogħol ta' stallazzjoni tal-pelican lights imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa maħsub li jsir bħala parti mill-proġett finanzjat mill-fondi tal-Protokoll Taljan.

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - sular ta' fuq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu preżentement il-ħsieb tad-dipartiment tas-saħħa dwar l-arja eżistenti fis-sular ta' fuq iċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi? Id-dipartiment beħsiebu jestendi s-servizzi mediċi kif kien diġa' iddikjara jew li jagħti din l-arja lill-privat għall-bini ta' dar għall-anzjani skond permess ta' żvilupp (outline) approvat bin-numru 1818/02?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa sa issa m'għandna ebda ħsieb jew pjaniet sabiex testendi s-servizzi mediċi miċ-Ċentri tas-Saħħa ta' Ħal Qormi. Dwar applikazzjoni li saret lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, (Outline Development Plan 1818/02) minn Health Care Services Ltd u l-Fondazzjoni Qormi sabiex l-arja fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi tiġi żviluppata f'dar għall-anzjani, din ma tistax tkompli tiġi proċessata għax hemm problemi dwar it-titolu ta' l-art

Dipartiment ta' l-artijiet — Bdiewa li tteħdulhom l-għelieqi tagħhom f'Ħaġar Qim

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb minn naħa tal-ministeru li joffri post alternattiv lill-15-il bidwi li se jitteħdulhom l-għelieqi tagħhom li jinsabu fl-inħawi ta' Ħaġar Qim fl-Imnajdra wara sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fl-10 ta' Ottubru 2003 minn sidien privati kontra l-Kummissarju ta' l-Artijiet u dan wara li dawn il-bdiewa ġew imġegħla jevakwaw l-art sal-15 ta' Awissu 2004 wara li kienu ilhom joperaw fl-inħawi sa mill-1987 fuq ftehim ta' kirja li kien intlaħaq bejnhom u bejn id-dipartiment ta' l-artijiet? Qed nibgħat kopja tar-referenza tal-każ separatament.

Response (BORG, TONIO)

It-titolu li kellu il-Gvern fuq l-art in kwestjoni kienet ġejja bis-saħħa ta' esproprjazzjoni; dik l-esproprjazzjoni ġiet dikjarata nulla u għalhekk l-isgumbrament hu riżultat dirett u konsegwenzjali tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.

Ħal Qormi — Wied it-Tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla t-tindif ta' Wied it-Tiġieġ f'Ħal Qormi (Il-Wied li jinsab biswit Triq l-Imdina u Tal-Ħandaq), liema tindif kien inbeda wara l-għargħar tal-15 ta' Settembru li għadda u baqa' ma tlestiex għaliex il-ħaddiema tal-Public Works li kienu assenjati fuq dan ix-xogħol ittieħdu fuq xogħol fuq il-proġett ta' Paceville? Jista' jagħti l-konferma tiegħu jekk dan ix-xogħol hux se jitlesta qabel Settembru li ġej?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant għandu jiftakar li x-xogħol ta' tisbiħ ta' Paceville kien ipprogrammat qabel il-15 ta' Settembru, liema xogħol kien jitlob ħaddiema tas-sengħa. Rigward ix-xogħol fil-Water Course tal-Marsa/Qormi, ix-xoghol ta' tindif li kien ilu jinġema għal dawn l-aħħar 30 sena inbeda mmedjatament hekk kif għaddiet il-maltempata. Sussigwentement ġie mfassal programm ta' manutenzjoni, bini ta' mollijiet, twessiegħ tal-Water course u saħansitra twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' pontijiet, fost oħrajn, liema xogħlijiet fil-preżent għaddejjin kif ippjanati. It-tindif ta' Wied it-Tiġieġ, ta' Wied is-Sewda u ta' Wied il-Kbir huma parti minn dan il-programm estensiv ta' xogħlijiet.