Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajn Tuffieħa — Esperti Hawtree

Question

Jista' il-Ministru jgħid min ħallas lill-esperti Hawtree għar-rapport li għamlu għas-sit ta' Għajn Tuffieħa u kemm ġie jiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħallset lil Hawtree Ltd is-somma ta' EUR 7,219.83 għall-produzzjoni ta' rapporti fuq sitt siti proposti biex ikunu utilizzati bħala korsa tal-golf.

Ħal-Luqa — Triq l-Imgieret

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex filwaqt li Triq Ħal Qormi f'Ħal-Luqa tinsab magħluqa fil-parti t'isfel ta' Ħal Farruġ, Triq l-Imgieret ġiet magħluqa għat-traffiku wkoll matul dawn l-aħħar jiem, bil-konsegwenza li nħoloq inkonvenjent żejjed għar-residenti ta' Ħal Luqa, fosthom ta' Ħal Farruġ li jridu jduru minn Triq Garibaldi, il-Marsa? Jikkonferma l-Ministru li seta' sar ippjanar aħjar u minflok ma nbdew ix-xogħlijiet fiż-żewġ toroq arterjali, l-ADT setgħet stenniet li jitlesta x-xogħol fil-parti t'isfel ta' Ħal Qormi u wara tingħalaq Triq l-Imgieret?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minħabba x-xogħlijiet estensivi ta’ kostruzzjoni tal-Ħames Protokol Taljan li għaddejjin bħalissa f’Ħal Luqa, Triq San Tumas, Triq Ħal Luqa u Triq l-Imgieret saru one way fid-direzzjoni lejn Hal Qormi. Triq l-Imgieret hija one way fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi bl-eċċezzjoni għall-pubbliku li għandu bżonn jasal l-Imgieret u d-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura. Ir-residenti ta’ Ħal Farruġ jistgħu jużaw Triq Ħal Qormi u Triq San Vinċenż de Paola fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa. Minħabba n-natura tax-xogħlijiet estensivi ta’ servizzi li qed jitlestew fi Triq Ħal Luqa, Qormi u li dawn iridu jingħaqdu mas-servizzi li ġejjin minn Triq Ħal Qormi, Luqa, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorita’ dwar it-Trasport ippjanat l-aħjar arranġament possibli għat-traffiku f’dawn l-inħawi.

Ħal Kirkop — Aviation park

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-gvern iwettaq l-aviation park fl-inħawi ta' Ħal Kirkop? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti xi informazzjoni dwar jekk kienx hemm xi talba minn terzi persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Malta Enterprise f'dawn l-aħħar xhur reġgħet iddiskutiet ma' diversi awtoritajiet, fosthom l-Armed Forces u l-Malta International Airport, il-possibilta' li parti minn art li tinsab viċin ta' l-airport tista' tintuża għal proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-avjazzjoni u li jkollhom bżonn aċċess immedjat għal 'runway'. Sa issa ma kienx hemm talbiet konkreti minn terzi persuni għalkemm il-Malta Enterprise temmen li jekk din l-opportunita' tiġi immarkitjata jista' jinħoloq interess biżżejjed biex operaturi barranin jew Maltin jistgħu jkunu mħajra jagħmlu dan it-tip ta' proġett f'Malta.

Enemalta — 31st March depot

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12575, u jgħid jekk sarx xi studju mill-Enemalta dwar siti alternattivi għat-31st March depot? Jekk iva, jista' jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru talab lill-Enemalta biex tagħmel dawn l-istudji u dawn qegħdin fil-proċess li jsiru.

Golf course site selection study

Question

Minħabba l-interess nazzjonali, jista' il-Ministru jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra tal-golf course site selection study li sar mill-MEPA xi xhur ilu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ir-rapport preliminari qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern u ser jiġi kkomunikat fi żmien qasir.

Marsa — Ċmieni tal-power station

Question

Jista' il-Ministru jipprovdi din l-informazzjoni dwar kull waħda mill-erba' ċmieni tal-power station tal-Marsa (jiġifieri ċmieni nri. 1, 2, 7 u 8 rispettivament) - chimney stack height, chimney stack diameter, flue gas exit temperature u flue gas exit velocity?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ħal Kirkop — Żvilupp fuq art fi Triq il-Ħawħ

Question

B'riferenza għal permess PA 1559/04 f'Ħal Kirkop, tista' il-Ministru tgħid jekk b'dan l-iżvilupp li se jseħħ minn naħa ta' l-awtorita' tad-djar fuq l-art tal-joint office fi Triq il-Ħawħ hux se jibqa' jiġi ggarantit l-aċċess għal ġirien li għandhom l-appoġġ ma' din l-għalqa biex jieħdu l-ilma mill-bir eżistenti li hemm f'dan il-post, peress li dan l-aċċess, li preżentement jinsab miftuħ mid-djar ta' dawn il-ġirien li għandhom l-appoġġ ma' din l-għalqa, ilu jitħalla għal aktar minn 50 sena mill-knisja u mill-joint office?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-art in kwistjoni għad ma ġietx trasferita lill-Awtorita' tad-Djar mill-Joint Office. B'dan kollu, l-Awtorita' ser tindaga mall-Joint Office dwar l-aċċess li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12526 u jinvestiga għaliex il-kont tad-dawl u l-ilma li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, baqa' jiġi għoli ħafna wara li l-istess familja biddlet il-meter tad-dawl u ħadet il-passi neċessarji meħtieġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fl-24 ta' Mejju 2005, irriżulta li l-konsumatur kellu leakage fil-flushing. Għalkemm il-konsumatur hu responsabbli għal din il-ħela ta' l-ilma, l-każ tiegħu se jiġi mgħoddi lil Advisory Board intern tal-Korporazzjoni biex jikkonsidra jsirx roħs biex il-konsumatur ma jsofrix tbatija żejda.

Ta' Ħandaq — Tabelli

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12465, u jgħid jekk intalabx permess min-naħa tal-MEPA biex jitwaħħlu tabelli tal-ministeru dwar l-industrial estate f'Tal-Ħandaq fit-traffic island li hemm fid-daħla ta' Handaq Road? Jista' jgħid jekk intalabx il-permess tal-kunsill lokali skond il-bye-law dwar l-għamara fit-toroq maħruġa mill-kunsill lokali, Qormi? Ma jaħsibx li din it-tabella ġiet perikoluża għall-pedestrians li jaqsmu minn dawn l-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-permessi u l-proċeduri neċessarji sabiex ikunu jistgħu jitwaħlu tabelli ġewwa ż-żona industrijali ta' Ħal Qormi ġew osservati. Ittieħdet ukoll konsiderazzjoni sabiex dawn it-tabelli ma jkunux perikolużi għal-pedestrians.

Awtorita' tad-djar — Skema Z

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk xebba li tkun sfat waħedha u m'għandhiex xi ammonti kbar ta' flus il-bank u tgħix bil-pensjoni, tikkwalifikax għax xi forma ta' għajnuna finanzjarja fi skema Z ta' l-awtorita' tad-djar sabiex tirranġa d-dar li ħallielha missierha u li għandha 'il fuq minn mitt sena? Jekk le, tista' il-Ministru tgħid għaliex persuni bħal dawn mhumiex inklużi fi skema bħal din?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kriterji biex persuna tibbenefika taħt Skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar huma: li l-assi kapitali ma jridux jaqbżu Lm4,000; u id-dħul annwali ma jridx ikun aktar minn Lm5,286. Persuna li tikkwalifika taħt din l-Iskema tingħata għajnuna f'forma ta' grant, sa massimu ta' Lm3,500 f'każ li l-post ikun perikoluż u sa massimu ta' Lm2,500 f'każ li l-post ikun substandard, skond id-dħul annwali.

Dipartiemnt ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Rekwiżizzjoni ta' post

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali ressaqx ordni ta' rekwiżizzjoni fuq il-post tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' tgħid għaliex saret din l-ordni meta l-persuna tinsab rikoverata l-isptar? X'tista' tagħmel din il-persuna biex titneħħa din l-ordni ta' rekwiżizzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-fatt id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jinvestiga l-każ biex jara tistax titneħħa l-ordni ta' rekwiżizzjoni li kien hemm fuq il-post indikat mill-Onor. Interpellant u mhux tressaq tali ordni.

Dipartiment għal kura ta' l-anzjani — Helpers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mis-sejħa li kien għamel id-dipartiment għall-kura ta' l-anzjani dwar helpers nisa li kienu applikaw matul is-sena li għaddiet? Jista' jgħid x'ġara mill-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, wara li kienet attendiet għall-interview u aċċettat il-kundizzjonijiet li offrilha d-dipartiment, u wara li ma semgħat xejn aktar għal diversi xhur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara sejħa u interviews li saru għall-Part Time Social Assistants, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' irċieva l-lista ta' l-applikanti skond l-order of merit fis-16 ta' Settembru 2004. Is-sezzjoni tal-Home Help jibgħat għal dawn il-Part Time Social Assistants skond din il-lista meta tinħoloq xi vakanza jew ikun hemm aktar domanda għas-servizz fil-komunita'. Wara talba mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' lill-Employment and Training Corporation il-validita' ta' din il-lista ġiet estiża sat-12 ta' Lulju 2005. Il-persuna li l-Onor. Interpellant irrefera għaliha ġiet offruta xogħol bħala Part Time Social Assistant fl-24 ta' Mejju 2005.

Enemalta — 31st March depot

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12621, u jgħid għaliex fl-utilities topic paper maħruġa mill-MEPA madwar sentejn ilu kien hemm indikat li l-istorage eżistenti f'Ħas-Saptan kien biżżejjed biex issir ir-relocation tat-31st March depot u issa saret applikazzjoni ta' estensjoni għall-ħażna akbar ta' fuel f'dan il-post? Jista' jagħti r-raġunijiet għaliex l-Enemalta dan l-aħħar biddlet il-pjani tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi lill-MEPA għaliex għamlet id-dikjarazzjoni ċitata minnu, ninfurmah illi l-Enemalta ma biddlet ebda pjan iżda trid issib alternattiva għall-impjant eżistenti f'Birżebbuġia.

Enemalta — 31st March depot

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12576, u jgħid jekk sarux laqgħat mal-MEPA dwar il-proposta biex jiġi rilokat it-31st March depot? Jekk iva, jista' jgħid x'kien l-eżitu ta' dawn il-laqgħat? Kien hemm xi siti proposti li l-MEPA qablet fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ma saru l-ebda laqgħat bejn l-Enemalta u l-MEPA dwar il-proposta biex jiġi rilokat it-31st March depot.

Enemalta — 31st March depot

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12575, u jgħid jekk sarx xi studju mill-Enemalta dwar siti alternattivi għat-31st March depot? Jekk iva, jista' jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12527 u ġentilment jinvestiga għaliex il-kont tad-dawl u l-ilma ta' familja ta' tnejn min-nies li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, ġie għoli ħafna madwar Lm160?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, irriżulta li l-konsumatur kien qiegħed jilmenta fuq il-kont ta' l-ilma. F'Settembru tal-2004, kien irriżulta li kien hemm leak fil-kantina tal-konsumatur u sabiex tkun evitata tbatija żejda l-Advisory Board intern tal-Korporazzjoni naqqas Lm634.79 mill-kont tal-konsum ta' bejn Mejju 2004 u Settembru 2004. L-Onor Interpellant japprezza li l-Korporazzjoni ma kellha ebda obbligu legali li tagħti dan ir-roħs. Barra minn dan se jittieħdu passi biex il-meter ta' l-ilma jinbidel. Ta' min jinnota li l-konsumatur għandu diversi arretrati u għandu ftehim mal-Korporazzjoni biex iħallas pagamenti akkont kull xahar.

Ħal Qormi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' talba għall-ħruġ ta' offerti ta' art f'Ħal Qormi li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid meta se jinħarġu dawn l-offerti?

Response (BORG, TONIO)

Fil-każ tat-talba għal ħruġ ta' offerti ta' art f'Ħal Qormi ninsab infurmat illi bħalissa qegħdin jiġu konklużi il-pjanti u s-sejħa għall-offerti ser tiġi ippublikata dalwaqt.

Siġġiewi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' talba għal ħruġ ta' offerti ta' art fis-Siġġiewi li d-dettalji tal-każ qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid meta se jinħarġu dawn l-offerti?

Response (BORG, TONIO)

Fil-każ ta' talba għal ħruġ ta' offerti ta' art fis-Siġġiewi ninsab infurmat li bħalissa qegħdin jiġu konklużi l-pjanti u s-sejħa għall-offerti ser tiġi pubblikata dalwaqt.

Ħal Kirkop — Aviation park

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-gvern iwettaq l-aviation park fl-inħawi ta' Ħal Kirkop? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti xi informazzjoni dwar jekk kienx hemm xi talba minn terzi persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.