Legislature:
Category:
Reset
Active:

Luqa — Triq Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fi Triq Qormi, Luqa - biswit id-daħla tal-qasam industrijali ta' Ħal Farrug - is-sinjali taż-żebgħa saru b'tali mod li l-bdiewa li għandhom il-vetturi u makkinarji ma jkunux jistġħu jidħlu fl-għelieqi tagħhom minħabba continuous double line tul it-triq? Jista' jgħid jekk tistax tiġi solvuta din il-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li skond ir-regolamenti dwar is-sinjali tat-traffiku u marki tal-karreġġata, Taqsima IV (i) u (ii) li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, continuous double line jista’ jinqasam għal fini ta’ aċċess għal propjeta sakemm tali manuvra ma tkunx b’mod perikoluż u ma jkunx hemm sinjal ta’ no right turn. Għaldaqstant bdiewa li għandhom il-vetturi u makkinarji m'għandhomx ikollhom problema biex jidħlu fl-għelieqi tagħhom.

Luqa — Triq Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fi Triq Qormi, Luqa ma sarx parkeġġ biżżejjed skond il-bżonnijiet tar-residenti fl-inħawi (fis-service road) biex is-central strip saret kbira għalxejn? Jista' jara li f'din il-parti tat-triq isiru traffic calmers, bħal road humps, minħabba l-periklu li qed jirriżulta fiha - kif muri fir-ritratti annessi - waqt li residenti jkunu qed joħorġu l-vetturi mill-garaxxijiet tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq l-Imdina - Każ dwar kanna ta' l-overflow

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ADT investigatx l-ilment tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, dwar kanna ta' l-overflow ta' l-ilma li kienet twaħħlet mhux skond is-sengħa waqt ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina b'konsegwenza li l-ilma tax-xita ma jistax joħroġ minn din id-dar? Jista' jgħid jekk tistax tiġi rranġata din il-problema ta' din il-familja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Wied is-Sewda — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati t-toroq mhux urbani f'Wied is-Sewda - bejn il-kamra tan-nar ta' San Ġorġ u l-pumping station ta' Tal-Ħlas - sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jgħaddu bil-vetturi taghom minn dawn l-inħawi? Jista' jgħid jekk dawn it-toroq jistgħux jiġu rranġati temporanjament permezz ta' patching jew tfiegħ ta' materjal ieħor?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-parkeġġ riżervat għal persuni b'diżabilita' li kien hemm faċċata taċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi tneħħa? Jista' jara li dan jerġa' jinżeba' mill-ġdid għall-użu tal-persuni b'diżabilita'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li ma nħarġet l-ebda struzzjoni sabiex jitneħħa l-parkeġġ riservat għal Disabled Blue Sticker Badge Holders minn faċċata taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Qormi.

Ħal Qormi — Triq in-Nassab

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14386 u jgħid għaliex waqaf ix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' Triq in-Nassab f'Ħal Qormi? Jista' jgħid meta se jitkompla u jitlesta dan ix-xogħol minħabba t-trabijiet u l-inkonvenjent li qed ibatu minnu r-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet ta’ Triq in-Nassab kienu waqfu minħabba problema bil-livelli tal-bini eżistenti li jinstabu f’din it-triq. Il-livelli qegħdin jinħadmu mill-‘Land Survey Unit’ tal-MEPA, meta jitlestew u jkunu mmarkati l-livelli, x-xogħol ta’ konstruzzjoni ta’ Triq in-Nassab jkun jista’ jitkompla.

Joint office — Iffirmar ta' kuntratt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta il-joint office se jibgħat għall-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jiffirmaw il-kuntratt tax-xiri taċ-ċens tal-proprjeta' tagħhom wara li dawn ilhom mill-2003 li applikaw u suppost li l-applikazzjoni diġa' ġiet ipproċessata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proċess sabiex jiġi finalizzat il-kuntratt ma' l-Uffiċċju Konġunt wasal fi stat avvanzat.

Tined għaż-żwiemel

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-tined taż-żwiemel f'Misrah il-Palazz fil-Belt Valletta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Proġett Park and Ride

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-rilokazzjoni ta' l-SMEs li hemm fis-sit fejn qed isir il-proġett ta' park and ride system? Jista' jgħid x'alternattiva ġiet offruta lis-sidien ta' dawn l-SMEs?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport issottometiet applikazzjoni għal żvilupp lill-MEPA għall-bini ta’ tliet workshops biex jintużaw mill-SMEs li bħalissa qed jokkupaw l-ispazju fis-sit maħsub biex jintuża għall-iskema park and ride. Is-sit li dwaru saret l-applikazzjoni lill-MEPA jinsab fl-inħawi magħrufa bħala Crown and Hornworks.

Mrieħel Bypass — Bini ta' underpass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13776 u jgħid x'qed iżomm lill-ADT milli tibni underpass fi Triq is-Sebħ, (Mrieħal bypass), fejn seħħ inċident fatali riċentement, hekk kif kienet proposta fis-central zone Malta Local Plan mill-MEPA u wkoll wara diversi talbiet li kien ressaq il-kunsill lokali ta' Ħal Qormi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 13896 li ngħatat fis-seduta numru 296.

Ħal Qormi — Triq Imdina - bus shelter

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaħħal mill-ġdid il-bus shelter li kien hemm ftit 'l isfel mill-KIA showroom fi Triq Imdina f'Ħal Qormi (direzzjoni lejn il-Belt Valletta) minħabba li dan kien inqala' waqt ix-xogħlijiet f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li dan il-Bus Shelter ser jerġgħa jitwaħħal fil-futur qarib.

Ġnien l-Avukat Ġorġ Zammit — Siġar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14005 u jgħid meta se jerġgħu jitħawlu s-siġar tal-palm li kien hemm fi Ġnien l-Avukat Ġorġ Zammit li kienu tneħħew waqt ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina? Jista' jgħid meta se jiġi rranġat il-finishing f'din il-parti tat-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ivverifikat illi ma nqalawx siġar tal-palm minn Ġnien l-Avukat Ġorġ Zammit waqt ix-xogħlijiet li saru fi Triq l-Imdina. Matul ir-rotta kollha li ġiet kostruwita fil-proġett tal-Protokoll Taljan fadal xi xogħlijiet żgħar x'jitlestew u dawn ser ikunu kompluti fil-ġranet li ġejjin.

Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14007 u jgħid kemm impjegati ġodda ġew ingaġġati fid-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm huwa preżentament in-numru ta' l-impjegati f'kull dipartiment u awtorita' rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2005 sal-lum ġew impjegati sitt (6) ħaddiema ġodda mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, li fosthom hemm tliet (3) Casual Substitute Clerks. B’kollox mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jaħdmu elf, mitejn u tnejn u tmenin (1,282) ħaddiem ikkomparat maċ-ċifra ta’ elf, mitejn u sebgħa u tletin (1237) tas-sena l-oħra. Ta’ min iżid, però, li sebgħin (70) impjegati li kienu mal-Public Cleansing Department tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ġew ttrasferiti ma’ dan il-Ministeru b’seħħ mill- 1 ta’ Jannar 2005. Meta tqis dan, iċ-ċifra totali ta’ impjegati fil-Ministeru naqas effettivament b’sebgħa u għoxrin (27). Matul is-sena 2005, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) daħħlet sitt (6) impjegati fil-grad ta’ Secretarial Assistants, sitt (6) impjegati fil-grad ta’ Environment Protection Officers, u wieħed (1) fil–grad ta’ Senior Research Officer. L-Awtorità offriet ukoll impjieg temporanju għall-perjodu tas-sajf (matul it-18 ta’ Lulju sas-16 ta’ Settembru) lil sittax (16)-il student. Fil-preżent l-Awtorità tħaddem erba’ mija u sbatax (417)-il impjegat. Sena ilu l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet timpjega erba’ mija u għoxrin (420)-il impjegat. Ninsab infurmat ukoll li matul is-sena 2005 ġew ingaġġati ħames (5) full-timers ġodda mall-kumpannija WasteServ Malta Limited. Ġie ingaġġat ukoll driver li ġie ttrasferit mis-settur pubbliku, u tliet (3) studenti (żewġ (2) apprentisti u student Universitarju). Ġew ukoll ingaġġati għoxrin (20) part-timer li l-fondi għall-pagi tagħhom huma ġejjin mill-Unjoni Ewropea taħt il-fondi hekk imsejħa European Social Fund (ESF). Il-kumpanija WasteServ Malta Limited b’kollox timpjega tlieta u sittin (63) persuna u sena ilu kienet timpjega sitta u tletin (36)-il persuna, iżda kif ġie spjegat fuq, għoxrin (20) huma part-timers li s-salarji tagħhom huma mħallsin minn fondi ta’ l- European Social Fund (ESF).

Ħal Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14387 u jara li l-culvert li hemm quddiem l-International sales direct fi Triq l-Imdina f'Ħal Qormi jiġi rranġat ħalli ma jibqax jagħmel ħsejjes u jikkawża inkonvenjent lir-residenti ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-culvert imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ser tiġi rrapurtata lill-Works Division biex din tkun tista' tiġi kkunsidrata biex isiru x-xogħlijiet neċċessarji.

Ta' Farsina HE Qtugh fil-provvista tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi kumpens min-naħa ta' l-Enemalta għal dawk il-familji li jgħixu fil-housing estate ta' Farsina u li ġarrbu ħsarat fl-appliances tad-dar tagħhom minħabba li kien hemm qtugħ fil-provvista tad-dawl u bdil qawwi fil-vultaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet dwar dan il-kas ghadhom ghaddejjin u ghalhekk ghadu kmieni biex wiehed jasal ghal xi konkluzjoni, li finalment tigi mwassla lill-konsumaturi ikkoncernati.

Ħal Qormi — Triq ix-Xitwa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq is-substation il-ġdida fi Triq ix-Xitwa f'Ħal Qormi jinsabx lest peress li minn mistoqsija parlamentari dan ix-xogħol kellu jieħu madwar erba' xhur? Jista' jgħid jekk din is-substation bdietx tikkontribwixxi fil-provvista tad-dawl fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-bini tas-substation fi Triq ix-Xitwa f'Ħal-Qormi tlesta u qed isir xogħol biex jiġi stallat l-apparat neċessarju. Bħalissa wkoll hija mistennija konsenja ta'cable tal-vultaġġ għoli biex din is-substation titqabbad mas-sistema tad-distribuzzjoni wara li jsiru t-trinek neċessarji. Huwa maħsub li x-xogħol kollu jitlesta fi żmien tliet xhur oħra.

Sistema tal-park and ride

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġejja l-ispiża totali biex tibda titħaddem il-park and ride system fil-Belt Valletta? Jista' jgħid kif qed ikun iffinanzjat dan il-proġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-park & ride hu maqsum fit-tlett partijiet. Hemm ix-xogħol fuq il-tlett junctions li ħa jiswa madwar Lm250,000, xogħol fuq is-sit biex jiġi rranġat, li ħa jiswa madwar Lm270,000 u x-xogħol finali li jrid jiffinanzja l-Operatur biex is-sistema tibda taħdem. Bħalissa għaddej il-proċess ta' aġġudikazzjoni tat-tender għall-operat ta' dan is-servizz u għalhekk mhux possibli li jingħad kemm ħa tiġi tiswa' din il-parti finali. Ix-xogħlijiet li ser jiffinanzja l-Gvern jiġifieri x-xogħlijiet tal-junctions u x-xogħol fuq is-sit qed jiġu ffinanzjati minn fondi tal-Commuted Parking Payment Scheme tal-Awtorita' dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (Lm270,000) u l-bqija minn fondi tal-Awtorita' dwar it-Trasport.

Ħal Qormi — Triq in-Nassab

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex waqaf ix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' Triq in-Nassab f'Ħal Qormi? Jista' jgħid meta se jitkompla u jitlesta dan ix-xogħol minħabba t-trabijiet u l-inkonvenjent li qed ibatu minnu r-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jara li l-culvert li hemm quddiem l-International sales direct fi Triq l-Imdina f'Ħal Qormi jiġi rranġat ħalli ma jibqax jagħmel ħsejjes u jikkawża inkonvenjent lir-residenti ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Qormi — Triq Pietru Felice

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-residenti ta' Triq Pietru Felice f'Ħal Qormi ilhom erba' ġimgħat mingħajr dawl fit-triq, minkejja li dawn għamlu rapporti lill-korporazzjoni Enemalta u lill-kunsill lokali dwar din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa saret fis-06/09/2005 fl-istess jum li l-Customer Care ta' l-Enemalta irċieva r-rapport mingħand il-Kunsill Lokali.