Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi barra l-pajjiż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li marru jaħdmu fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea minn Mejju 2004 u f'liema kategorija ta' impjieg? Jista' jgħid kemm kienu dawk il-barranin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li ngħataw permess biex jiġu jaħdmu f'pajjiżna u f'liema kategorija ta' impjieg?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ta' Farsina housing estate

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ta' spiss qed jinqata' is-servizz ta' l-ilma fil-housing estate f'Ta' Farsina, Ħal Qormi? Jista' jgħid għaliex dawn ir-residenti kienu ilhom jumejn bla ilma, bejn l-20 u l-21 ta' Novembru 2005?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mir-records tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma ma jirriżultax li s-servizz tal-ilma qed jinqata' spiss f' Ta' Farsina Ħal-Qormi. L-aħħar darba li nqata' l-ilma f'dan il-lokal kien lejn nofs is-Sajf meta kienu għaddejjien xogħolijiet relatati ma' proġett tat-toroq li kien qed isir fil-viċinanzi. Fil-ġranet li semma l-Onorevoli Interpellant, inqalgħet ħsara fil-'control valve' tal-lokal li wasslet għal pressjoni baxxa fil-provvista tal-ilma u mhux għal qtugħ tas-servizz. Madanakollu, kien biss fit-22 ta' Novembru li r-residenti rrapurtaw li kellhom problema. Minnufih, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma investigat u sabet il-kagun tal-problema. Saru t-tiswijiet meħtieġa u l-provvista ta' l-ilma rritornat għan-normal ftit tal-ħin wara.

Skart iġġenerat fil-pajjiż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il tunnellata skart ġew iġġenerati f'pajjiżna kull sena għal dawn l-aħħar snin? Jista' jgħid kemm hija r-rata fiż-żieda ta' l-iskart f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Hazardous waste

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta' hazardous waste ġew iġġenerati f'pajjiżna f'din l-aħħar sena u kif qed jintrema'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hu stmat li bejn 15,000 u 16,000 tunnellata ta' hazardous waste ġew iġġenerati f'din l-aħħar sena. F'Malta għad m'hawnx il-faċilitajiet kollha meħtieġa għall-immaniġġjar ta' skart perikoluż. Il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd għandha applikazzjoni għand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal engineered landfill għal skart perikoluż, kif ukoll faċilità għall-ħażna, trattament u esportazzjoni ta' dawk it-tipi ta' skart li ma jistgħux imorru ġo landfill. Sakemm dawn il-faċilitajiet ikunu lesti, il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd qegħda tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-industrija sabiex jiġu identifikati alternattivi għall-immaniġġjar ta' dan it-tip ta' skart. Hemm ukoll kumpaniji privati li qed joffru servizzi għall-esportazzjoni ta' skart perikoluż. Fil-fatt, parti minn dan l-iskart ġie esportat, filwaqt li l-parti oħra qed tiġi maħżuna fil-post fejn ġiet iġġenerata.

Vapuri tal-Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk koppja Maltija (tgħix Malta) li għandha pensjoni ta' l-invalidita' Awstraljana tikkwalifikax għall-iskont normali li hemm fuq in-noll tal-vapuri tal-Gozo channel minħabba li kien hemm każi fejn dawn ġew imġiegħla jħallsu t-tariffi normali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nol sussidjat tal-Gozo Channel japplika biss għal dawk l-individwi li, skond il-Karta ta' l-Identita' tagħhom, għandhom ir-residenza tagħhom ġewwa Għawdex. U hemm noll ridott ieħor li japplika għal dawk li għandhom il-Karta Anzjan. Il-pensjoni ta' Invalidita' Awstraljana 'per se' ma tagħti l-ebda dritt li tikkwalifika għal xi roħs fin-nollijiet. F'każ ta' persuni b'diżabilita', dawn jagħaddu bla ma jħallsu (imma jridu jħallsu għall-vettura f'każ li jitilgħu biha), sakemm dawn ikollhom fil-pussess tagħhom il-Karta ta' Diżabilita' oriġinali (kopja mhix aċċettatata) u valida, maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita'.

Protokoll ta' Kyoto — Emmissjonijiet ta' l-arja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jinnegozja l-ammont ta' emmissjonijiet ta' l-arja żejda li allokat l-Unjoni Ewropea bħala parti mil-protokoll ta' Kyoto? Jekk iva, jista' jgħid kemm beħsiebu jdaħħal fondi minn dan it-trading?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Deċiżjoni dwar bejgħ jew xiri ta’ allokazzjonijiet biex jagħmlu tajjeb għal emmissjonijiet minn installazzjoni li tipparteċipa fl-iskema kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea dwar emmissjonijiet ta’ gassijiet serra skond id-Direttiva 2003/87/EC, tittieħed mill-operatur ta’ l-istallazzjoni. Id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq il-kriterji tad-Direttiva, u tittieħed skond is-sitwazzjoni tas-suq fir-rigward tad-domanda għal konċessjonijiet u l-prezzijiet tal-konċessjonijiet, u n-neċessitajiet ta’ l-istallazzjoni.

Vapuri tal-Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk koppja Maltija (tgħix Malta) li għandha pensjoni ta' l-invalidita' Awstraljana tikkwalifikax għall-iskont normali li hemm fuq in-noll tal-vapuri tal-Gozo channel minħabba li kien hemm każi fejn dawn ġew imġiegħla jħallsu t-tariffi normali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Luqa — Triq Qormi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14654 u jgħid għaliex fi Triq Qormi, Luqa ma sarx parkeġġ biżżejjed skond il-bżonnijiet tar-residenti fl-inħawi (fis-service road) biex is-central strip saret kbira għalxejn? Jista' jara li f'din il-parti tat-triq isiru traffic calmers, bħal road humps, minħabba l-periklu li qed jirriżulta fiha - kif muri fir-ritratti annessi - waqt li residenti jkunu qed joħorġu l-vetturi mill-garaxxijiet tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmnat li l-wisa’ tas-central strip ta’ bejn il-main road u s-service road f’Qormi Road, Luqa kienet determinata mill-linjament tat-triq, mis-servizzi li kellhom jgħaddu fil-wisa’ tagħha u minn xi street furniture li twaħħlu jew ser jitwaħħlu fuqha. Fir-rigward tat-traffic calmers li għalihom irrifera l-Onorevoli Interpellant, qed tiġi evalwata l-possibilita’ li jiġu nkorporati dawn ir-road humps minn uffiċjali tal-Awtorita' tat-Trasport u f’każ li dawn jirriżultaw neċessarji, jiġu nstallati f’pożizzjonijiet u f’għamla hekk kif imniżżel fil-Guidelines tat-Traffic Management Directorate fi ħdan l-istess Awtorita’ dwar it-Trasport.

Dipartiment tal-manutenzjoni

Question

Minħabba li fil-fond indikat separatament ġew stallati twieqi ġodda, tista' il-Ministru ġentilment titlob lid-dipartiment tal-manutenzjoni biex jagħmlu x-xogħol ta' tikħil wara li tlesta dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed nassumi li l-bdil tat-twieqi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant sar mill-inkwilini. Jekk dan hu l-każ, ix-xogħol relatat li qed jintalab li jsir mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar hu wkoll responsabbilta’ ta’ l-inkwilini.

Dipartiment tat-tiswija u manutenzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk id-dipartiment tat-tiswija u manutenzjoni jistax jipprovdi xi forma ta' arranġament dwar tindif tal-komun fil-blokki ta' l-appartamenti tal-gvern meta jkun hemm nuqqas ta' qbil bejn l-inkwilini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma narax li r-raġuni msemmija mill-Onor. Interpellant hi waħda valida biex id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar jassumi r-responsabbiltajiet ta’ l-inkwilini kif qed jiġi suġġerit.

Park and ride system

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se tkun ir-rata ta' parkeġġ għall-ħaddiema li jaħdmu fil-Furjana bis-sistema ta' park and ride?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r-rati ta’ ħlas għal min juża l-parkeġġ tal-park and ride se jkunu maqbula ma’ l-operatur ta’ din il-faċilità meta jintgħażel. Is-sejħa għall-offerti stabbiliet il-mira ta’ ħlas ta’ 60c li jkun ikopri parkeġġ mingħajr limiti għall-karozza matul ġurnata sħiħa u l-vjaġġ bir-ritorn għall-Belt Valletta għas-sewwieq u min ikollu riekeb miegħu jew magħha. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li s-sejħa għall-offerti tippermetti prezzijiet imraħħsa għal min jixtri biljetti f’daqqa bill-quddiem. Din l-iskema għandha tinteressa lil dawk li jaħdmu fil-Belt u l-Floriana u li jixtiequ li jmorru kuljum għax-xogħol bil-karozza tagħhom.

Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta' sussidju għall-kumpanniji li jkunu beħsiebhom jiftħu xi dar ta' l-anzjani? Jekk iva, liema huma l-kriterji stabiliti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn naħa tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' m'hemm l-ebda forma ta' sussidju għal kumpaniji li jkunu beħsiebhom jiftħu xi dar ta' l-anzjani.

Furjana — SMEs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14489 dwar l-SMEs fil-Furjana, jista' il-Ministru jindika fuq site plan is-sit li saret applikazzjoni dwaru mal-MEPA u li qed jirriferi għalih il-Ministru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Site plan tas-sit li saret applikazzjoni dwaru mall-MEPA qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Għajnuna tal-mard

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tneħħitilha l-għajnuna tal-mard meta għadha kemm għamlet l-operazzjoni tal-bypass?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ tagħha bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Ħal Farruġ — Żbroff tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba li wara li sar ix-xogħol fi Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ kien hemm żbroff tad-drenaġġ tat-triq għal ġod-dar tagħha fl-aħħar maltempata? Jista' jindaga jekk saritx ħsara fis-servizzi tad-drenaġġ waqt dawn ix-xogħlijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġie mgħoddi l-każ lill-Awtorita' dwar it-Trasport sabiex tinvestiga l-iżbroff tad-drenaġġ.

Luqa — Triq Qormi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14654 u jgħid għaliex fi Triq Qormi, Luqa ma sarx parkeġġ biżżejjed skond il-bżonnijiet tar-residenti fl-inħawi (fis-service road) biex is-central strip saret kbira għalxejn? Jista' jara li f'din il-parti tat-triq isiru traffic calmers, bħal road humps, minħabba l-periklu li qed jirriżulta fiha - kif muri fir-ritratti annessi - waqt li residenti jkunu qed joħorġu l-vetturi mill-garaxxijiet tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14779 u jgħid jekk l-ADT investigatx l-ilment tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, dwar kanna ta' l-overflow ta' l-ilma li kienet twaħħlet mhux skond is-sengħa waqt ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina b'konsegwenza li l-ilma tax-xita ma jistax joħroġ minn din id-dar? Jista' jgħid jekk tistax tiġi rranġata din il-problema ta' din il-familja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Manutenzjoni ta' appartament tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga l-ilment tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'appartamnet tal-gvern, dwar bżonnijiet ta' manutenzjoni minħabba problema serja ta' umdita' li għandha f'dan il-post? Tista' il-Ministru tara li din il-persuna tingħata l-għajnuna min-naħa tad-dipartiment f'manutenzjoni minħabba l-każ urġenti tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar m’għandu ebda talba dwar l-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant, għaddejt dan l-ilment lid-Dipartiment imsemmi għall-azzjoni meħtieġa.