Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16556 u jgħid kemm ġew rifonduti ammonti ta' spejjeż mill-Unjoni Ewropea li ntnefqu f'safar, inklużi allowances, mill-ministeru u d-dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħtu minn Mejju 2004? Kemm kienu jammontaw dawn il-fondi u x'persentaġġ huma mill-ispiża totali li saret mill-ministeru fuq safar f'dan il-perijodu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16882.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadu ma twaqqafx bord kompost mill-MEPA sabiex jisma' numru ta' każi li kienu ġew ri-ġudikati mill-qorti? Jista' jgħid meta beħsiebu li jaħtar dawn il-bordijiet u jibdew jinstemgħu dawn il-każi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema bord qed jirreferi. Ċerti każijiet jidhru quddiem il-Qorti ta' l-Appell wara li jkunu deċiżi mill-Bord ta' l-Appelli. Meta l-appell quddiem il-Qorti ta' l-Appell ikun mirbuħ, il-każ jiġi mibgħut quddiem il- Bord ta' l-Appelli biex dan jerġa’ jisma’ l-każ skond id-deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell. Il-Bordijiet ta' l-Appell li jisimgħu dawn il-każijiet huma kostitwiti skond il-liġi u bħalissa jeżistu tnejn minn dawn il-Bordijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il numru ta' bordijiet komposti nħatru sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin fil-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' Bordijiet li nħatru fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'dawn l-aħħar ħames snin huma kif jidher hawn taħt :
HAC Panel - Cultural Heritage (2005)
Natural Heritage (2005)
Ornis Committee (2005)
Biosafety Committee (2004)
Integrated Pollution Prevention and Control Committee (2004)
Environment Fund (2003)
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il ittra ntbagħtet mill-MEPA matul l-2005 lill-applikanti jew il-periti tagħhom għall-permessi ta' żvilupp fejn titlob aktar żmien stipulat mil-liġi minħabba l-iskuża ta' konsultazzjoni/informazzjoni relatata mal-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità tibgħat konsultazzjonijiet ma’ diversi istituzzjonijiet li jitolbu li jiġu kkonsultati mill-Awtorità waqt l-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni. Skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità l-"Case Officers" bagħtu 3,384 ittra ta' din in-natura.
L-Awtorità tikkonsulta wkoll mal-Periti u tinfurmahom b'tibdil li jistgħu jagħmlu fil-proposta sabiex din tkun skond ir-regolamenti ta’ l-Ippjanar. Dan isir bl-intenzjoni li d-Direttorat ta’ l-Ippjanar ikun jista’ jirrakkomanda lill-Board li l-applikazzjoni tiġi aċċettata. Skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità l-"Case Officers" bagħtu 5,618 ittra ta' din in-natura.
Ċertament li konsultazzjoni ma tistax titqies bħala ħela ta’ ħin jew “skuża”. Nispera li l-Onor. Membru mhux favur li tonqos il-konsultazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' santwarju għal ħarsien ta' annimali domestiċi li kellu jitlesta aktar minn ħames snin ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-Society for the Protection and Care of Animals (SPCA) issottomettiet applikazzjoni għal ċentru ta’ l-annimali f’Marzu 2004 fuq art li identifika l-Gvern. L-Outline Application ġiet approvata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit-2 ta’ Diċembru 2005.
Għaldaqstant ma nafx għall-liema santwarju ieħor qed jirreferi l-Onor. Interpellant li kellu jitlesta aktar minn ħames snin ilu.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-animal welfare council? Dan għadu jiffunzjona? Jista' jgħid min huma r-rappreżentanti f'dan il-kunsill?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Animal Welfare Council għadu jiffunzjona u jiltaqa’ regolarment.
Il-Kunsill huwa kompost kif hemm indikat f'Aritklu 4 ta’ l-Animal Welfare Act (Cap 439) jiġifieri:
Direttur tas-Servizz Veterinarju
Rappreżentant mill-Ministeru responsabbli mis-Servizz Veterinarju
Veterinarju mis-Settur Pubbliku, b-esperjenza fis-saħħa mediċinali ta' l-annimali (animal health medicine)
Veterinarju mis-Settur Pubbliku, b'esperjenza f'materja ta' l-annimali tal-farm (Farm animals' matters)
Żewġ persuni li jirrappreżentaw l-interessi tal-Gruppi tal-Ħarsien ta' l-Annimali (Animal Welfare Groups)
Żewġ persuni li jirrappreżentaw l-interessi tar-raħħala u gruppi sportivi ta' l-annimali (breeders and animal sports groups)
Uffiċjal mid-Dipartiment
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proġett tal-kmamar ta' l-Armier wara li l-gvern kien wiegħed qabel l-elezzjoni ta' l-2003 li kien se jasal għal soluzzjoni dwar dawn il-kmamar? Jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jonora l-commitment li ta lil Armier Development Limited fit-3 ta' April permezz tal-Viċi Prim Ministru Tonio Borg dwar dan il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li saret applikazzjoni mill-Armier Development Limited lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u din qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-park and ride fil-Furjana, minħabba li jidher ċar li x-xogħol marbut ma' dan il-proġett waqaf ħesrem? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol tat-tarmac fi Triq in-Nassab, Ħal Qormi waqaf ħesrem diversi xhur ilu meta l-istess Ministru qal fi tweġiba parlamentari li dan kien se jitkompla wara li l-MEPA tati l-liveli f'din it-triq?
Jista' jgħid meta dan ix-xogħol beħsiebu jitkompla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq is-substation il-ġdida ta' Triq ix-Xitwa f'Ħal Qormi sabiex tiġi eliminata l-problema ta' vultaġġ baxx fl-inħawi ta' Farsina f'Ħal Qormi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rifonduti ammonti ta' spejjeż mill-Unjoni Ewropea li ntnefqu f'safar, inklużi allowances, mill-ministeru u d-dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħtu minn Mejju 2004? Kemm kienu jammontaw dawn il-fondi u x'persentaġġ huma mill-ispiża totali li saret mill-ministeru fuq safar f'dan il-perijodu?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li daħħal il-gvern minn bejgħ u kiri ta' artijiet jew proprjeta' pubblika matul din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern minn bejgħ u kiri ta' artijiet jew proprjeta' tal-Gvern fis-sena 2005 huwa ta' erbatax-il miljun, sitt mija u disa` t'elef u tlett mitt Lira Maltin (Lm14,609,300) kif ġej:-
Kiri - Lm8,991,500
Bejgħ - Lm5,617,800
____________
Lm14,609,300
____________
Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jiġi rranġat il-culvert li sar f'Ta' Qali, quddiem id-daħla tal-padiljun nazzjonali tal-basketball u l-ground tal-football, minħabba li nqala' it-tarmac u qed ikun ta' perikolu għas-sewwieqa li jgħaddu minn hemm?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-culvert imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet spezzjonata minħabba li kienu saru rapporti dwara. Ix-xogħlijiet meħtieġa ġew ikkunsidrati f’program ta’ xogħol li qed ihejji d-direttorat. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid jekk tistax tiġi rranġata t-triq f'Ta' Qali - biswit il-crafts village - minħabba l-ammont ta' ilma li ta' kull darba jinġemgħa f'din il-parti tat-triq u li joħloq inkonvenjent qawwi għat-traffiku u l-pedestrians? Ma jaħsibx li din il-parti tat-triq għandha tingħata priorita' minħabba t-turisti u l-Maltin li jżuru dan il-post?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta m'għandiex provvista ta' arbli għas-servizz ta' dawl b'konsegwenza li xi konsumaturi li rrikorrew għal xi spejjeż baqgħu mingħajr is-servizz? Jista' il-Ministru jgħid meta l-enemalta se jkollha dawn l-arbli ġodda? Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta ma tużax l-arbli żejda li twaħħlu f'postijiet oħra u ma ntużawx biex tipprovdi servizz għal min qed jistennih?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li bħalissa l-Enemalta għandha numru żgħir ta' arbli għad-dispożizzjoni tagħha.
Huwa mistenni li jkollha aktar arbli ġodda fi żmien erba' xhur mill-ħruġ tal-"Letter of Acceptance" lil "supplier" prospettiv. Arbli li diġa twaħħlu jiffurmaw parti minn xogħol li huwa diġa programmat u allura ma jkunx xieraq li dawn jinqalgħu.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ħaddiema tal-kumpannija Air Malta qed jiġu msejħa biex jidhru quddiem bord mediku għaliex ħadu numru ta' ġranet sick leave, li huma intitolati għalih bil-liġi bħala benefiċċju soċjali, matul din l-aħħar sena?
Jista' jgħid jekk din hijiex proċedura normali jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kumpanija nnotat li n-numru ta' ġranet ta' sick leave meħuda minn numru ta' impjegati huwa ħafna ogħla mill-average ta' sick leave meħud fuq bażi nazzjonali u għalhekk qiegħda titlob lill-konsulenti mediċi tagħha sabiex jeżaminaw lill-impjegati in kwistjoni sabiex kemm jista' jkun jaraw x'hini l-kawża ta' dan is-sick leave u sabiex jagħtu opinjoni dwar jekk dawn l-impjegati humiex tajbin biex ikomplu fl-impjieg. Naturalment, dan kollu qiegħed isir skond l-parametri tal-liġi u l-etika professjonali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' dazju miġbur fl-aħħar sena qabel Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammont ta’ dazju miġbur fl-aħħar sena qabel Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġifieri minn Mejju 2003 sa April 2004, kien ta’ Lm56,810,419.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta m'għandiex provvista ta' arbli għas-servizz ta' dawl b'konsegwenza li xi konsumaturi li rrikorrew għal xi spejjeż baqgħu mingħajr is-servizz? Jista' il-Ministru jgħid meta l-enemalta se jkollha dawn l-arbli ġodda? Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta ma tużax l-arbli żejda li twaħħlu f'postijiet oħra u ma ntużawx biex tipprovdi servizz għal min qed jistennih?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14779 u jgħid jekk l-ADT investigatx l-ilment tal-familja li dettalji dwarha ntbagħtu separatament dwar kanna ta' l-overflow ta' l-ilma li kienet twaħħlet mhux skond is-sengħa waqt ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi b'konsegwenza li l-ilma tax-xita ma jistax joħroġ minn din id-dar? Jista' jgħid jekk l-ADT tistax tirranġa din il-problema għal din il-familja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.