Bord għall-kontroll ta' l-iżvilupp — Applikazzjonijiet tat-tip reconsiderations
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex hemm dewmien esaġerat sabiex applikazzjonijiet tat-tip reconsiderations jidhru quddiem il-bord għall-kontroll ta' l-iżvilupp?
Ma jaħsibx li dewmien ta' aktar minn erba' xhur biex applikazzjoni tingħata d-data wara li l-case officer ikun ħadem ir-rapport huma torturi żejda għall-applikanti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Fil-waqt li huwa minnu li Diviżjoni waħda minn tlieta (Diviżjoni B) għandha quddiemha numru ta' talbiet biex tirrikonsidra d-deċiżjoni oriġinali, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li din id-Diviżjoni tirrikonsidra kull applikazzjoni fiz-zona ta' żvilupp, u għalhekk għandha numru akbar ta' applikazzjonijiet mid-Diviżjonijiet l-oħrajn. Wieħed irid jinnota wkoll li f'dawn l-aħħar xhur l-management ta' l-Awtorità insista u wettaq miżuri biex tiġi osservata l-provvediment tal-liġi, li r-rapport għal rikonsiderazzjoni jkun lest fiż-żmien tletin ġurnata mit-talba u jiġi deċiż sa tlett xhur wara.
L-isforzi li saru biex jindirizzaw dan id-dewmien ħallew l-frott mixtieq għaliex issa r-rapport fuq talbiet għal rikonsiderazzjoni qed jitlesta fi żmien tletin ġurnata. Din l-effiċjenza fl-ipproċċessar issa rriżulta f'backlog temporanju quddiem id-Development Control Commission (DCC). Is-sitwazzjoni preżenti qed tiġi diskussa u ser jittieħdu miżuri oħra biex iħaffu aktar il-proċess tad-deċiżjoni quddiem il-Kummissjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jibni mill-ġdid Triq il-Qasam Sperimentali f'Ħal Farruġ, Luqa minħabba li ġratilha ħafna ħsara sakemm kien hemm devjazzjoni tat-traffiku waqt ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin fi Triq Ħal Qormi, Ħal-Luqa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17760 u jgħid jekk sarx xi progress fl-Enemalta dwar is-supply ta' l-arbli tat-toroq sabiex ikunu stallati linji ġodda minħabba li din il-korporazzjoni ma kelliex aktar arbli biex tkun tista' taħdem?
Jista' jgħid meta applikanti għal servizzi ġodda tad-dawl li jeħtieġu xi istallazzjoni ta' arbli, sej kunu moqdija wara li ilhom jistennew diversi xhur u wara li diġa' ħallsu l-applikazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ħarġet tender għall-ammont żgħir ta' arbli peress li t-tender il-kbira qiegħdha quddiem il-Bord ta' Appelli tal-Kuntratti wara li kien hemm oġġezzjoni.
L-arbli mistennija jaslu fi żmien xahrejn u x-xogħol ta' installazzjoni mistenni jirritorna għan-normal.
Imrieħel Industrial Estate — Triq il-Palazz l-Aħmar
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq il-Palazz l-Aħmar, fil-parti ta' l-industrial estate ta' l-Imrieħel, minħabba l-ħofor kbar li feġġew f'din it-triq?
Jista' jgħid jekk din it-triq hijiex responsabbilta' tal-kunsill lokali jew ta' l-ADT?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Sadanittant ser tiġi kkunsidrata l-possibilita' li jsir xi manutenzjoni temporanju.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fl-Enemalta dwar is-supply ta' l-arbli tat-toroq sabiex ikunu stallati linji ġodda minħabba li din il-korporazzjoni ma kelliex aktar arbli biex tkun tista' taħdem?
Jista' jgħid meta applikanti għal servizzi ġodda tad-dawl li jeħtieġu xi istallazzjoni ta' arbli, sej kunu moqdija wara li ilhom jistennew diversi xhur u wara li diġa' ħallsu l-applikazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14779 u 16353 u jgħid jekk l-ADT investigatx l-ilment tal-familja li dettalji dwarha ntbagħtu separatament dwar kanna ta' l-overflow ta' l-ilma li kienet twaħħlet mhux skond is-sengħa waqt ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi b'konsegwenza li l-ilma tax-xita ma jistax joħroġ minn din id-dar? Jista' jgħid jekk l-ADT tistax tirranġa din il-problema għal din il-familja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li dan il-każ ġie spezzjonat minn uffiċjal tad-direttorat fejn ġie stabbilit li ma jidhirx ħruġ ta' overflow taħt il-bankina. Għalhekk ser tkun investigata kif u jekk dan l-overflow jistax jiġi mwassal sax-xifer tal-bankina, skond il-livelli stipulati għal din it-triq biex din il-problema tiġi solvuta.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-direttorat għal ħarsien ta' l-ambjent fil-MEPA għadu sal-lum mingħajr direttur wara aktar minn sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħalissa l-funzjonijiet ta' Direttur ta' l-Ambjent huma moqdija mid-Direttur Generali ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Kienu nħarġu diversi applikazzjonijiet għal dan il-post, u wara li kien intgħażel persuna addatta, dan irrifjuta l-pożizzjoni. Bħalissa hemm proċeduri għaddejjin sabiex terġa’ tinħareġ sejħa pubblika.
Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni school leaving certificate minħabba li xtaqet iġġib liċenzja ta'
gwardjan lokali?
Jista' jgħid għaliex minkejja li din il-persuna għandha edukazzjoni f'livell avanzat permezz ta' ċertifikati ma jistax jinħarġilha xi forma ta' school leaving jew ċertifikat ta' rikonoxximent għall-edukazzjoni li għandha? Ma jaħsibx li l-Ministru qed iċaħħad persuni bħal dawn milli jsibu mpjieg alternattiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress il-persuna konċernata ma għamlitx il-Form 5 ta' l-iskola sekondarja, kien hemm diffikulta biex joħroġ l-School Leaving Certificate. Tajt struzzjonijiet biex jinħareġ ċertifikat ta' rekord ta' l-iskola tal-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jara li jsir dawl jew lampa ġdida fit-triq li tagħti għad-daħla taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata min-naħa ta' Triq Ħal-Luqa, Santa Luċija?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16983, ninforma lill-Ministru li l-bord li qed nirriferi għalih huwa bord ġdid ta' l-appell li jrid jisma' każi li ġew riġudikati mill-qorti, li minnhom jidher li hemm numru żgħir, u li jisma' il-każi li ma jistgħux jinstemgħu mill-bord ta' l-appelli minħabba li l-membri eżistenti diġa' esprimew l-opinjoni tagħhom dwar il-każi. Jista' il-Ministru jgħid kemm dawn il-każi se jdumu jistennew biex jinstemgħu quddiem dan il-bord li jrid jinħatar apposta mill-Ministru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru l-arranġamenti biex jitwaqqaf Bord ta’ l-Appell ad hoc biex ikun jista’ jisma’ ħames każijiet.
Jista' il-Ministru jgħid hijiex ħaġa normali li każi bħal proġett ta' l-impjant ta' Sant'Antnin se jkollhom jinstemgħu quddiem bord ta' l-appell kompost? Kemm-il bord kompost bħal dawn semgħu każi fil-MEPA sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond l-Artikolu 14(1) ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp, il-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar huwa kompost minn Avukat li jippresedi l-Bord, persuna esperta fl-ippjanar u persuna oħra. Il-Bord jista’ jkollu fergħat u bħalissa jeżistu żewġ fergħat tal-Bord.
L-istess Artikolu tal-liġi jipprovdi li meta ċ-Chairman, jew membri tal-Bord ma jkunx jista’ jisma’ appell partikolari minħabba li jastjeni jew jiġi rikużat skond is-sub-titolu II ta’ Titolu II tat-Tielet Ktieb tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, dak l-appell jista’ jiġi riferut b’ordni tal-Bord għal fergħa oħra. Meta membri fiż-żewġ fergħat ma jkunux jistgħu jisimgħu l-appell, ikun hemm il-bżonn li jsir Bord Kompost. F’dan il-każ, membru wieħed mill-lista taċ-Chairman u membri maħtura mill-President ta’ Malta jissostitwixxi lil dak iċ-Chairman jew membru, skond il-każ, li jkun astjena jew ġie rikużat ħalli jkun hemm fergħa tal-Bord ta’ l-Appell li tkun tista’ tisma’ dak l-appell kif jipprovdi l-Artikolu 14(3) ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp.
Għalhekk, kif jirriżulta minn dak li ngħad hawn fuq, hija prassi normali li tiġi addottata meta jinqala’ l-każ li tinħatar fergħa ad hoc biex tisma’ appell.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ma tinżammx statistika dwar in-numru ta’ appelli li nstemgħu minn Bord Kompost.
Tista' il-Ministru, permezz tad-dipartiment għal manutenzjoni u tiswija tad-djar, tagħti għajnuna ta' manutenzjoni fis-soqfa ta' l-appartament ta' din il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-qagħda soċjali li tinsab fiha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jispezzjona u jivverifika t-talba'.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-ADT beħsieba tirranġa u tlesti Triq Alfons Meli u Triq Ġuże' Maria Camilleri f'Ħal Qormi li huma responsabbilta' tal-gvern ċentrali u wara li r-residenti ħallsu l-ispejjeż neċessarji tat-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u
dawn ix-xogħlijiet se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16687 u jgħid għaliex ix-xogħol tat-tarmac fi Triq in-Nassab, Ħal Qormi waqaf ħesrem diversi xhur ilu meta l-istess Ministru qal fi tweġiba parlamentari li dan kien se jitkompla wara li l-MEPA tati l-liveli f'din it-triq?
Jista' jgħid meta dan ix-xogħol beħsiebu jitkompla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq din it-triq mistenni jitkompla fil-gimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16562 u jgħid fiex wasal il-proġett tal-park and ride fil-Furjana, minħabba li jidher ċar li x-xogħol marbut ma' dan il-proġett waqaf ħesrem? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol mill-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiġi stabbilit sistema ta’ “Park and Ride” minn “Horn Works” u “Crown Works” mill-Furjana għadu għaddej. Ix-xogħol fuq il-junctions ġie konkluż bit-tħaddim tas-sistema tat-traffic lights. Inħarġet ukoll sejħa għall-offerti għal xogħol ta’ asfaltar tas-sit, bini ta’ bankini, tqegħid ta' sistema ta’ culverts għas-servizzi, kif ukoll tqegħid ta’ sistema għad-drenaġġ ta’ l-ilma tax-xita mill-parkeġġ.
Dawn ix-xogħlijiet jammantow għal madwar Lm 250,000 u seba’ kuntratturi tefgħu l-offerti tagħhom. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti sottomessi. L-evalwazzjoni teknika ġiet kompluta u għalhekk qiegħed jiġi mistenni biex jinfetħu l-offerti finanzjarji mid-Dipartiment tal-kuntratti, sabiex jintaghżel kuntrattur għal dawn ix-xogħlijiet. Ix-xogħol irid jitlesta f’għaxar ġimgħat.
Kuntratt tal-konċessjoni (concession of contracts)
Erbgħa kuntratturi ssottomettew l-offerti tagħhom biex iħaddmu il-“Park and Ride” għal għaxar snin. L-Awtorita' dwar it-Trasport aġġudikat dan it-tender fil-bidu ta’ Diċembru 2005, iżda kien hemm żewġ appelli u għalhekk il-kuntratt ma' l-operatur kellu jitwaqqaf sakemm tingħata ruling mill-arbitraġġ.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16559 u jgħid jekk tistax tiġi rranġata t-triq f'Ta' Qali - biswit il-crafts village - minħabba l-ammont ta' ilma li ta' kull darba jinġemgħa f'din il-parti tat-triq u li joħloq inkonvenjent qawwi għat-traffiku u l-pedestrians? Ma jaħsibx li din il-parti tat-triq għandha tingħata priorita' minħabba t-turisti u l-Maltin li jżuru dan il-post?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti konsiderevoli minn din it-triq dik li mit-Triq tar-Rabat twassal għall-Parking tal-Crafts Village ingħatat wiċċ tarmac xi xhur ilu. Il-ħsarat li rriżultaw riċentament huma 'l hinn mill-Crafts Village. L-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tara kif dawn il-ħsarat jiddaħħlu fil-programm ta' manutenzjoni li ser jibda dalwaqt.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16555 u jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq is-substation il-ġdida ta' Triq ix-Xitwa f'Ħal Qormi sabiex tiġi eliminata l-problema ta' vultaġġ baxx fl-inħawi ta' Farsina f'Ħal Qormi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol fuq is-Substation fi Triq ix-Xitwa, Qormi huwa lest u jien infurmat illi din diġa bdiet tissuplixxi l-elettriku fl-inħawi tal-madwar.