Jista' il-Ministru jgħid għaliex diversi persuni li qed imorru l-ADT sabiex iġeddu l-liċenzja tas-sewqan li tkun skadiet qed jintalbu ħlas addizzjonali ta' Lm5 late payment minħabba li n-notifika minn naħa ta' l-ADT tkun intbagħtet f'indirizz antik għaliex id-data fid-dipartiment ma taqbilx ma' dak tar-reġistru elettorali?
Jista' jgħid għaliex każi ta' bdil ta' indirizz li jmur lura aktar minn sitt snin ilu għadu ma ġiex updated fid-database ta' l-ADT?
Ma jaħsibx li dan hu nuqqas serju li qed ibatu minnu inġustament ħafna nies?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Interpellant għandu japprezza l-fatt li l-liċenzja tas-sewqan għandha terminu ta’ snin li jiskadi. Dan hu viżibbli fuq l-istess liċenzja. Hu l-obbligu tal-persuna liċenzjata li tara li din il-liċenzja tiġi mġedda kif suppost.
L-ADT tiċċarġja ħlas ta’ Lm5 bħala late renewal fee biss fuq dawk il-liċenzji li ma jkunux mġedda matul l-ewwel tnax-il xahar wara d-data ta’ l-għeluq tagħha.
Naħseb li Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li ndividwi li jdumu sena biex iġeddu l-liċenzja skaduta tagħhom, jagħmlu dan għax ikunu naqsu li jonoraw l-obligu tagħhom li jżommu l-liċenzja tas-sewqan kurrenti u valida.
Matul l-aħħar tnax il-xahar kien hemm madwar 711 persuna biss li ġew mitluba jħallsu dan l-ammont. Meta wieħed jikkunsidra li ġew mġedda 26,938 liċenzja tas-sewqan matul l-istess perjodu, wieħed mill-ewwel jinduna li hi l-minoranza żgħira tal-pubbliku li jonqsu li jġeddu l-liċenzja tagħhom fil-ħin. Nixtieq nenfasiżża li huwa llegali li persuna jsuq vettura b’liċenzja tas-sewqan skaduta.
L-ADT m’għandha l-ebda obligu li trid tinnotifika persuni sabiex iġeddu l-liċenzja tagħhom, tagħmel dan biex tkun tista’ tgħin lill-pubbliku.
Huma ħafna dawk il-membri tal-pubbliku li jħossu d-dover li jinfurmaw l-ADT meta jbiddlu l-indirizz tagħhom. Dan jgħin ħafna lill-Awtorita’ fl-għoti tas-servizz tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi offrut post ġdid għal dawk l-SMEs li hemm fil-Floriana fl-inħawi fejn se ssir is-sistema tal-Park and Ride?
Jista' jgħid jekk għadux fil-ħsieb li dawn l-SMEs jiġu trasferiti fl-inħawi tal-Maltacom fil-Blata l-Bajda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18610 u jgħid għaliex il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma rċevietx id-deċiżjoni tal-bord tal-WSC dwar il-kontijiet għoljin li kienet qed tirċievi f'dawn l-aħħar xhur wara li rriżulta li kien hemm leakage ġewwa d-dar sabiex tkun f'pożizzjoni li tirregola l-kontijiet mal-WSC?
Jista' jgħid għaliex din il-familja li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita' ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni tas-surcharge ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-każ ġie mressaq quddiem l-Advisory Board tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-11 t'April 2006 u ġie approvat li għandu jsir tnaqqis mill-kont ta' l-ilma ta' Lm53.12. Il-konsumatur ser jiġi nfurmat bid-deċiżjoni.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19093, tista' il-Ministru tikkonsidra każi ta' persuni li għandhom income baxx fil-familja, bħal din il-koppja li qed tgħix b'pensjoni ta' l-invalidita' u għalhekk għajnuna permezz ta' dawn l-iskemi tkun indispensabbli għalihom? Ma taħsibx li għandhom isiru emendi fir-regolamenti f'dan is-sens?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant lill-Awtorita tad-Djar għall-konsiderazzjoni tagħha.
Jista' il-Ministru jara li ssir tindifa u qtugħ tal-ħaxix fl-inħawi ta' Horns Ditch il-Furjana (fejn kien hemm l-ex-uffiċċju tal-public works li llum jinsab abbandunat) minħabba l-ammont ta' ġrieden li ħerġin minn dawn l-inħawi u li jistgħu jkunu ta' periklu għall-persuni li jiffrekwentaw dawn in-naħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport qiegħda f’kuntatt mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet sabiex fil-futur qarib, isir it-tindif neċessarju fiż-żona msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ta' kull darba qed tirċievi kontijiet esaġerati tad-dawl u l-ilma li jammontaw għal mijiet ta' liri, u minkejja li informat lill-Water Services Corporation sal-lum għadhom sa sarux it-testijiet meħtieġa f'din id-dar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li nhar il-Ħamis 11 ta ' Mejju, intbgħatu uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex jinvestigaw dan l-ilment.
Dawn l-investigazzjonijiet għadhom ma wasslux għal konklużjoni definittiva dwar il-problema.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha toħroġ mill-ġdid sejħa oħra għall-applikazzjoni fl-iskema ta' l-irranġar tal-gallariji ta' l-injam? Ma jaħsibx li jkun għaqli jekk parti sostanzjali mill-fondi li qed jinġabru mill-urban improvement funds imorru direttament għal dan l-iskop?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sejħa oħra ta' l-iskema għall-irranġar tal-gallariji se titnieda f’qasir żmien. F'din l-iskema mistennija li jkunu offruti l-benefiċċji li toffri din l-iskema lir-residenti taż-Żejtun, is-Siġġiewi u r-Rabat (Victoria), Għawdex. Barra minn hekk jista' japplika ukoll kull min għandu bini skedat f'kwalunkwe lokalità. S'issa gawdew minn din l-iskema aktar minn 224 familja fi ħmistax-il lokalità differenti.
Dawn il-flus huma allokati kull sena meta jitfasslu l-estimi finanzjarji ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Din is-sena kienu allokati madwar Lm40,000 għal din l-iskema. Il-flus li qegħdin jinġabru fl-urban improvement fund jmorru għall-proġetti mnedija mill-kunsilli lokali.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-familja li applikat taħt Skema Z bir-riferenza li qed tintbagħat separatament ma ġietx aċċettata minħabba skema ta' self li kienu ħadu aktar minn 20 sena ilu?
Ma taħsibx li din il-familja qed issir inġustizzja magħhom meta dawn preżentement qed jiddependu fuq income ta' pensjoni ta' l-invalidita' u llum għadda żmien biżżejjed minn mindu kienu bbenefikaw mill-iskema biex isiru sidien ta' darhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hija waħda mill-kundizzjonijiet tal-Iskema Z li persuni li jkunu diġa bbenefikaw minn sussidju fuq il-loan sabiex jixtru r-residenza tagħhom jiġu skwalifikati għall-sussidju sabiex jirranġaw ir-residenza tagħhom.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex għalqet skema T min-naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar? Tista' tgħid x'forma ta' inċentivi jew għajnuna hemm għal sidien li jixtiequ jirranġaw il-proprjeta' tagħhom sabiex jinkluduha fis-suq tal-kera?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-iskema li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant għalqet għax fis-snin li kienet miftuħa ma kienx hemm konkorrenza għaliha mis-sidien privati.
Madankollu l-Awtorita' tad-Djar għandha skema oħra li tipprovdi għal għajnuna finanzjarja lill-inkwilini għall-irranġar u titjib ta' proprjeta' mikrija mingħand sidien privati.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma rċevietx id-deċiżjoni tal-bord tal-WSC dwar il-kontijiet għoljin li kienet qed tirċievi f'dawn l-aħħar xhur wara li rriżulta li kien hemm leakage ġewwa d-dar sabiex tkun f'pożizzjoni li tirregola l-kontijiet mal-WSC?
Jista' jgħid għaliex din il-familja li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita' ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni tas-surcharge ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-ADT tinvestiga l-ilmenti ta' residenti li jgħixu fi Triq in-Nassab f'Ħal Qormi dwar il-bankina ġdida li qed issir f'din it-triq li ġiet baxxa ħafna u mhux qed isservi ta' ilqugħ biżżejjed mill-vetturi u l-inġenji industrijali li jiffrekwentaw din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fi triq imsemmija kien waqaf għal xi żmien minħabba problema ta' livelli ħżina tal-bini li hemm f'din it-triq. Wara konsultazjonijiet li saru mall-MEPA u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali, ittieħdet deċiżjoni li biex jitranġaw id-differenzi li hemm bejn il-livelli tat-triq u tal-bini, il-bankina l-ġdida kellha titwessa' u tinbena b' "drop
kerb" tul din it-triq.
Dan sar biex ikun hemm aċċess tajjeb bejn it-triq u residenzji u garaxxijiet li hemm f'din it-triq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex minkejja li l-Awtorita' tad-Djar kitbet diversi drabi lill-Estate Management Department dwar il-bejgħ ta' appartamenti tal-gvern fi Triq Dun Anton Vella, Siġġiewi u ntbagħtu diversi reminders sal-lum għadhom ma ngħatawx tweġiba, b'konsegwenza li applikanti ilhom aktar minn sena u tliet xhur jistennew dwar l-applikazzjoni tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fi Triq Dun Anton Vella s-Siġġiewi hemm 11-il blokk tal-Gvern b'total ta' tmienja u sebgħin appartament. Sa issa t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern diġa' ttrasferiet lill-Awtorita' tad-Djar erbgħin minn dawn l-appartamenti u dan fuq talba tal-istess Awtorita'. Ma jirriżultax li t-Taqsima għandha xi talbiet pendenti biex tittrasferixxi appartamenti oħra fl-istess triq lill-imsemmija Awtorita'.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex it-talba ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma ġietx aċċettata biex tkun tista' taħdem bix-shift matul il-lejl fl-isptar Sir Paul Boffa, peress li dan il-ġuvni għandu ommu rikoverata fl-isptar San Vincenz de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Management ta' l-Isptar Sir Paul Boffa ma kellu ebda talba mill-persuna kkonċernata biex taħdem bix-shift matul il-lejl. Barra minn hekk, ma hemmx post vakanti għal xogħol bil-lejl biss.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema ta' l-awżiljarji, li llum huma mpjegati mal-gvern, hux se jingħataw l-arretrati fil-paga taż-żmien li huma damu fl-iskema ta' l-awżiljarji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-ex membri ta’ l-Awżiljari li ngħataw ħatra fis-Servizz Pubbliku ħadu drittijiet u kundizzjonijet tax-xogħol, identiċi ma’ dawk ta’ impjegati tal-Gvern fl-istess gradi. Għaldaqstant ma nifhimx għal-liema arretrati, dovuti lil dawn il-persuni qabel dawn saru impjegati tal-Gvern, qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jista’ jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu, jew jindika xi każ partikulari?
Jista' id-dipartiment tas-saħħa pubblika jinvestiga l-ilmenti tar-residenti li jgħixu fi Triq Nikol Baldacchino f'Ħal Qormi dwar ilma li ħiereġ minn katusa li hemm imwaħħla ma' ħajt tal-fabbrika f'din it-triq minħabba l-inkonvenjent li qed jgħaddu minnu dawn ir-residenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nvestigazzjonijiet neċessarji kienu diġa saru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dwar l-ilment fi Triq Nikol Baldacchino f'Ħal Qormi. Dan id-Dipartiment kien ordna li jsiru diversi tiswijiet meħtieġa permezz ta' nuisance report mibgħut fit-23 ta' Marzu 2006. Wara spezzjoni li saret nhar il-Ħamis 30 ta' Marzu 2006 ġie vverifikat li tali tiswijiet ġew finaliżżati.
Tista' l-ADT tinvestiga l-ilmenti ta' residenti li jgħixu fi Triq in-Nassab f'Ħal Qormi dwar il-bankina ġdida li qed issir f'din it-triq li ġiet baxxa ħafna u mhux qed isservi ta' ilqugħ biżżejjed mill-vetturi u l-inġenji industrijali li jiffrekwentaw din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f'seduta oħra
Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jibni mill-ġdid Triq il-Qasam Sperimentali f'Ħal Farruġ, Luqa minħabba li ġratilha ħafna ħsara sakemm kien hemm devjazzjoni tat-traffiku waqt ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin fi Triq Ħal Qormi, Ħal-Luqa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ser issir spezzjoni fuq il-post sabiex isir rapport fuq l-istat tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex f'xi każi il-meter readers tal-water services corporation mhux qed jagħtu rċevuti lill-familji meta dawn imorru jaqrawlhom l-arloġġ tad-dawl u l-ilma minħabba ħsara fl-apparat?
Jista' jara li tissolva din il-problema minħabba li l-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma qed jiġu aktar għoljin minħabba s-surcharge?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li xi wħud mill-Meter Readers ma kienux qed jagħtu rċevuti għax kien hemm ħsara teknika fil-"Hand Held Computers" li jipproduċu l-irċevuti. Din il-problema ġiet solvuta.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-proġett ta' landscaping tal-HE ta' Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa li kien inbeda diversi xhur ilu, jinsab fi stat mitluq? Tista' tara li bejn il-passaġġi tal-blokki ta' l-appartamenti jkun hemm aċċess adegwat għal okkażjoni ta' emerġenza bħal ambulanza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett indikat mill-Onor. Interpellant waqaf għal xi żmien għax il-kuntratt għax-xogħlijiet skada u ried jinħareġ ieħor ġdid mill-Kunsill Lokali. Il-kuntratt il-ġdid issa ngħata u x-xogħol mistenni jerġa jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Dwar is-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li l-passaġġi bejn il-blokki ta’ l-appartamenti hu ntiż bħala żona pedonali u mhux aċċessibbli għall-vetturi. Madankollu s-suġġeriment ser jiġi diskuss bejn id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar u l-perit tal-Kunsill biex jaraw jekk dan is-suġġeriment ikunx jista’ jitwettaq.
Tista' il-Ministru tara li meta jitkompla l-proġett ta' madwar il-blokki ta' l-appartamenti tal-gvern f'Ħal Farruġ isir xi forma ta' dawl minħabba l-vandaliżmu u problemi oħra li jeżistu f'dawn l-inħawi? Tista' tgħid meta beħsiebu jitlesta dan il-proġett minħabba l-periklu li hemm għal dawn il-familji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17825 f’din l-istess Seduta, nżid li ninsab infurmata li l-proġett, li ser jinkludi stallar ta’ dawl dekorattiv, mistenni jkun lest sa’ l-aħħar ta’ Awissu li ġej.