Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament irċeviet notifika li se jinqatalha s-servizz tad-dawl u l-ilma meta fil-preżent qed isiru testijiet bil-meters tal-Water Services Corporation fid-dar tagħha minħabba kontijiet esaġerati tad-dawl u l-ilma li ntbagħtu lilhom mill-istess korporazzjoni? Ma jaħsibx li huwa prematur li din il-familja tħallas il-kont qabel ma joħorġu r-riżultati ta' dawn it-testijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fis-6 ta' Marzu 2006, it-tifla tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, ċemplet l-uffiċini tagħna biex tikkontesta l-kont ta' l-ilma. Hija qablet verbalment li tħallas Lm50 fix-xahar biex jinqatgħu l-arretrati li mhix tikkontesta, imma dan il-ftehim baqa ma nżammx. Għaldaqstant il-Korporazzjoni bagħatet tavża lill-konsumatur sabiex iħallas il-pendenzi li m'humiex ikkontestati.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-pjani lokali ġew retroattiva fuq applikazzjonijiet pendenti fil-MEPA? Jista' għid għaliex saħansitra diversi applikazzjonijiet li nħarġulhom rapport mill-case officer u r-rakkmandazzjoni ġie informat biha l-applikant, reġgħu ġew re-assessed mill-ġdid? Ma jaħsibx il-Ministru li wara 15-il sena dewmien din id-deċiżjoni se taffetwa diversi persuni li laħqu għamlu l-investiment tagħhom fuq policies ta' dak iż-żmien? Ma jaħsibx li se jittieħdu deċiżjonijiet inkonsistenti mill-bordijiet tal-MEPA fuq dawn l-applikazzjonijiet pendenti u se ssir inġustizzja bla bżonn ma' dawn in-nies? Ma jaħsibx li kien ikun aktar opportuni li l-pjani lokali jiġu implimentati fuq applikazzjonijiet ġodda li daħlu wara d-data ta' l-approvazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li għall-policies BEN4 u BEN5 u SET 8 u SET9 tal-Pjan ta' Struttura, liema pjan għandu is-saħħa ta' Liġi. Dawn il-policies partikolari jitkellmu fis-sens ta' applikazzjonijiet fl-“interim period between the commencement date of the Structure Plan and the adoption of any particular Local Plan” għandhom jiġu rifjutati jekk ikunu ser “compromise the objectives of the review forming part of the Local Plan preparation “(BEN 4). Il-provvedimenti ta’ l-artikoli 18 u 33 ta’ l-Att Dwar l-Ippjanar ukoll jitkellmu car fis-sens li emenda għall-Pjan ta’ Struttura jew Pjan Lokali bl-ebda mod ma tistà tneħħi xi dritt vestit minhabba permess approvat qabel dik l-emenda. Għaldaqstant, applikazzjoni sottomessa qabel l-approvazzjoni ta’ Pjan Lokali, kuntrarju għall-permess, ma tagħti l-ebda dritt vestit lill-applikant. Il-Qrati tagħna, u b’mod partikolari l-Onorabbli Qorti ta’ l-Appell ukoll dejjem kienu ċari f’dan ir-rigward, u cioè illi l-policy applikabbli hija dik viġenti u valida fil-mument tad-deċiżjoni u mhux fil-mument ta’ l-applikazzjoni Huwa fatt magħruf u aċċettat illi kull Pjan Lokali li jsir kif ukoll kull Pjan Lokali li jiġi rivedut ser b’xi mod jbiddel xi aspetti u policies ta Pjani jew regolamenti preċedenti, u għaldaqstant kull persuna illi ħija sid tà propjetà taf illi l-istatus, mill-aspett tà Ippjanar tà dik il-propjetà, huwa dejjem suġġett għal dak li jistà jipprovdi Pjan Lokali jew reviżjoni tà l-istess Pjan Lokali. Il-Pjan Lokali huma proprju intiżi biex ikun hemm konsistenza, u għalhekk huwa importanti illi jkun hemm data preċiża minn meta jkun ser japplika il-Pjan Lokali il-ġdid. Certament illi fejn inbiddlu ċertu policies, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu determinati skond il- policies il-ġodda u għaldaqstant ma teżisti l-ebda inkonsistenza. Sadanittant il-Gvern qed isegwi s-sitwazzjoni anke mà l-istakeholders sabiex jeżamina soluzzjonijiet li filwaqt li jieħdu konjizzjoni tà l-aspetti legali jippruvaw itaffu l-impatt negattiv li setà kien hemm fuq ċertu applikazzjonijiet.

MEPA — Predominat Height Limitation

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-policy tal-MEPA dwar il-predominat height limitation f'diversi toroq mhux qed tiġi attwata fis-ċentral zone Malta local plan kif finalizzat, filwaqt li fi pjani lokali oħrajn qed tiġi attwata? Ma jaħsibx li din hija ikkonsistenza meta f'diversi każi hemm commitments ċari min-naħa tal-MEPA li ma jistgħux jiġu injorati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kunċett ġenerali fil-pjanijiet lokali kollha kien li jiddipartixxi mill-kunċett tal-predominant height. Biss kien hemm ċirkostanzi fejn kellha ssir referenza għall-predominant height minħabba s-sitwazzjonijiet partikolari li żviluppaw matul is-snin. Dan ġara l-aktar fl-Urban Conservation Areas ta' xi pjanijiet lokali. Minkejja dan, il-proviżjonijiet tal-pjanijiet lokali jagħmlu referenza għall-għoli ta' bini partikolari fuq il-mapep bħala punt ta' referenza. Il-pjan lokali jirriflettu is-sitwazzjonijiet differenti ta' nħawi differenti kif abbinati mas-sitwazzjonijiet partikolari ta’ l-ippjanar kif żviluppaw matul is-snin. Għalhekk kien pertinenti li dawn il-varjazzjonijiet jiġu riflessi fil-pjanijiet lokali differenti. Hemm ukoll pjan lokali li jagħmlu eċċezzjonijiet jew varjazzjonijiet fl-istess pjan lokali biex jirriflettu ċ-ċirkustanzi tal-lokalità jew lokalitajiet partikolari.

Industrija tat-Turiżmu — Skart Solidu

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart solidu li nġabar mill-industrija tat-turiżmu matul is-sena li għaddiet? Jista' jagħti klassifikazzjoni ta' minfejn inġabar dan l-iskart, eżempju lukandi, cruiseliners, eċċ.?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' skart solidu li nġabar mill-industrija tat-turiżmu minn lukandi u ristoranti matul is-sena li għaddiet kien ta' 11,705 tunnellata. Fir-rigward ta' cruise liners l-ammonti huma inklużi ma’ dawk ta’ l-iskart solidu li jinġabar mid-djar. Dan peress li l-kuntrattur li jiġbor dan l-iskart jagħmel dan bħala parti mid-distrett fejn għandu kuntratt ta' ġbir.

Dokument dwar Marine Discharges in Malta

Question

Jista' il-Ministru jippreżenta kopja tad-dokument fuq cd "Assessing the Impact of Compliance with CD 76/464/EEC and other related water quality directives with reference to marine discharges in Malta" li kien sar għall-Ministeru ta' l-Ambjent fit-30 ta' Novembru, 2000?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan id-dokument kemm xejn voluminuż jinsab aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Pazjent mibgħut barra għal kura

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li ntbagħat għal kura minn Malta fi sptar ġewwa Londra minħabba li kien weġġa' serjament, kellu jħallas saħansitra l-passaġġ ta' l-ajru minn Malta u lura? Jista' jgħid jekk dan il-pazjent jistax jikkwalifika għall-għajnuna fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru minħabba li se jkollu jerġa' imur għal kura mill-ġdid f'dan il-pajjiż? Jekk iva, kif jista' jibbenefika minn din l-għajnuna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 13567 f'Seduta 235 tal-leġislatura preċedenti.

Ħal Qormi — Appartament tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-lift ġdid li ġie stallat fi block 5, Triq id-Deheb Fin, Qormi qed ikun kontinwament bil-ħsara? Jista' id-dipartiment jara li dan il-lift jitranġa biex ikun jista' jintuża mir-residenti ta' dan il-block?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ħsara fil-lift indikat mill-Onor. Interpellant kienet qed tiġi u tmur u għalhekk kien diffiċli biex jiġi identifikat x’kienet l-oriġini tagħha. Madankollu l-Awtorita’ tad-Djar baqgħet tinsisti mal-kuntrattur biex dan isir u rriżulta li din il-ħsara kienet fis-switch manjetiku, li issa ġie aġġustat. Ninsab infurmata wkoll li, għalkemm issa l-lift qed jaħdem normali, l-Awtorita’ avżat lill-kuntrattur biex jagħmel moniteraġġ kostanti fuqu.

Għaqdiet dwar l-annimali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba bejn l-1996 u l-2006 il-ministeru jew rappreżentanti tiegħu ġew mistednin minn għaqdiet u NGOs barranin dwar l-annimali? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kien l-iskop ta' dawn l-istediniet u liema kienu r-rappreżentanti Maltin li attendew għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onorevoli Membru jkun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.

MEPA — Laqħat

Question

Jista' il-Ministru jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra tal-minuti tal-bord tal-MEPA tal-laqgħat li saru f'dawn l-aħħar erba' ġimgħat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma nistax nifhem għaliex l-Onorevoli Interpellant qed jagħmel din il-mistoqsija anki għax kif jaf l-Oppożizzjoni għandha rappreżentant tagħha fuq il-Bord ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li ovvjament għandu aċċess għall-minuti. Ma jidhirlix li għandi nippubblika l-minuti ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għax minuti tal-Bord ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikunu jinkludu l-materji kollha mqajmin quddiem l-istess Bord matul dawn is-seduti u liema materji jistgħu jinkludu kwestjonijiet amministrattivi u affarijiet li għadhom fi stadju ta’ tfassil. M’huwiex opportun li informazzjoni daqshekk sensittiva fuq materji amministrattivi u materji li għadhom qegħdin jiġu mfassla tkun rilaxxata qabel ma l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tkun ikkonkludiet dawn l-istess materji. Inkella nkun qed nipperikola l-interessi ta’ l-istituzzjoni nazzjonali fil-konfront ta’ persuni li jaf għandhom interessi oħra.

Marsa — Triq Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat il-ħajt li waqa' wara inċident tat-traffiku fi Triq Qormi, Marsa, biswit il-Maltapost minħabba l-periklu li hemm fl-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-ħajt msemmi hu propjeta’ privata. Peress li hemm periklu u t-triq hija waħda distributorja l-ADT ser tagħmel ix-xogħol ta’ manutenzjoni meħtieġa u tirkupra d-danni mingħand min għamel l-imsemmija ħsara.

Enemalta — Kont bil-fuel surcharge

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex din il-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita', reġa' intbagħtilha kont bil-fuel surcharge minkejja li riċentement emendat in-numru tal-persuni li kienu għadhom qed jidhru fuq il-kont tagħha f'din id-dar biex dan jirrifletti r-realta' tal-familja tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Għas-Servizzi ta' l-Ilma ma rċeviet l-ebda kommunikazzjoni mingħand is-Sigurta' Soċjali li l-familja msemmija hija ntitolata għall-benefiċċju li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Jekk il-konsumaturi diġa applikaw għal dan il-benefiċċju, għandhom iressqu l-ilment tagħhom lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Ħal Qormi — Pjazza San Franġisk - irwejjaħ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-problema ta' irwejjaħ qawwija ta' drenaġġ li kien hemm f'dawn il-jiem fi Pjazza San Franġisk , Ħal Qormi u jekk din tistax tiġi solvuta minnufih minħabba l-inkonvenjent li qed jinħoloq lir-residenti, b'mod partikolari waqt il-ġimgħa tal-festa ta' San Ġorġ, f'Ħal Qormi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien nfurmat li it-Taqsima tal-Wastewater Unit fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, iċċekjat is-sistema tad-drenaġġ fi Pjazza San Franġisk u ma nstab xejn irregolari u ma kien hemm l-ebda rwejjaħ ta' drenaġġ.

WSC — Kontijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18998, jista' il-Ministru jgħid kif se tibqa' din il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament wara li l-uffiċjali tal-WSC għamlu żjara fid-dar tagħha u suppost li kellhom jistallaw xi apparat sabiex jaraw minn fejn hi ġejja l-problema? Jista' il-Ministru jgħid għaliex din il-familja ma semgħet xejn aktar dwar il-każ tagħha minn dakinhar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma issa stallat 'smart meter' biex ikun jista jsir paragun mal-konsum li qed ikun registrat fuq il-meter tal-post. Dan ix-xoghol ma sarx qabel għax għal xi żmien il-Korporazzjoni ma kellhiex 'smart meter' li ma kienx qed ikun użat f'xi banda oħra. Normalment 'smart meter' idum stallat madwar erba' xhur biex tkun tista tinġabar l-informazzjoni meħtieġa biex twassal għal konklużjoni definittiva.

WSC — Kontijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18998, jista' il-Ministru jgħid kif se tibqa' din il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament wara li l-uffiċjali tal-WSC għamlu żjara fid-dar tagħha u suppost li kellhom jistallaw xi apparat sabiex jaraw minn fejn hi ġejja l-problema? Jista' il-Ministru jgħid għaliex din il-familja ma semgħet xejn aktar dwar il-każ tagħha minn dakinhar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

EU — Ftehim dear l-Insib

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi ftehim kien iffirmat ma' l-Unjoni Ewropea dwar l-insib f'Malta wara s-sena 2008? Jista' jippreżenta kopja lill-Kamra ta' din il-ftehim iffirmat ma' l-Unjoni Ewropea bħala parti mis-sħubija ta' pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-ftehim li kien iffirmat ma’ l-Unjoni Ewropea dwar l-insib jagħmel parti mit-trattat għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim jinkludi l-arranġament speċjali f’sezzjoni ‘D’ dwar il-Protezzjoni tan-Natura b’referenza għal artiklu 5, 8 u Skeda IV tad-Direttiva 79/409/EEC. Kopja tal-parti rilevanti ta’ dan il-ftehim qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Awtorita' tad-Djar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19227, tista' il-Ministru tgħid jekk il-każ li rriferejt għalih u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ġiex ikkonsidrat mill-ġdid hekk kif ingħatat it-tweġiba, minħabba li l-awtorita' tal-housing reġgħet talbet lil din il-familja sabiex tħallas it-terminu ta' din l-applikazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel ir-riċerki meħtieġa biex tistabbilixxi jekk il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jikkwalifikax taħt l-iskema li dwara saret it-talba.

Floriana — SMEs

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi offrut post ġdid għal dawk l-SMEs li hemm fil-Floriana fl-inħawi fejn se ssir is-sistema tal-Park and Ride? Jista' jgħid jekk għadux fil-ħsieb li dawn l-SMEs jiġu trasferiti fl-inħawi tal-Maltacom fil-Blata l-Bajda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li f’Marzu li għadda l-MEPA rrifjutat l-applikazzjoni sottomessa mill-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta għar-riallokazzjoni ta’ garaxxijiet industrijali mis-sit propost li fih se jsir il-proġett tal-Park and Ride u għal garaxxijiet ġodda ppjanati li jinbnew fil-viċinanza tat-Telgħa ta’ Spencer. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta talbet l-għajnuna tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex jiġu identifikati mħażen fil-viċinanzi, li huma proprjetà tal-Gvern u li jistgħu jkunu battala bl-iskop li jiġu użati bħala garaxxijiet industrijali. Peress li s’issa ma ġiex identifikat l-ebda sit alternattiv għal dawn il-garaxxijiet industrijali, ma jistax jingħad meta se ssir din ir-riallokazzjoni.

Kors BTec, national Diploma in early years

Question

Peress li studenti li ggradwaw mill-kors tal-BTec, National Diploma in early years organizzat mill-MCAST sabu diffikultajiet kbar, tant li meta applikaw sabiex jidħlu bħala kindergarten assisstants mad-diviżjoni ta' l-edukazzjon l-kwalifika tagħhom lanqas biss ġiet rikonoxxuta minħabba xi teknikalita' li nqalgħet dwar il-kontenut tal-kors, u issa dan il-kors ġie modifikat sabiex il-gradwati l-ġodda ma jkollhomx dawn id-diffikultajiet, imma dawk li laħqu ggradwaw spiċċaw ibatu l-konsegwenzi mingħajr m'għandhom tort, jista' il-Ministru jgħid meta l-MCAST se torganizza part-time conversion course għal dawk li laħqu ggradwaw, sabiex id-diploma tagħhom tiġi aġġornata skond il-kriterji mitluba mid-diviżjoni u b'hekk huma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għax-xogħol li suppost ikkwalifikaw għalih, dak ta' kindergarten assistants, u b'hekk issir ġustizzja ma' dawn l-individwi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn xhur ilu, l-MCAST beda jaħdem ma' uffiċjali tal-Education Division biex jinstabu mezzi kif il-kwalifiki addizjonali meħtieġa għal dawk li ggradwaw mill-kors tal-BTEC National Diploma in Early Years fl-Lulju 2005 jingħataw opportunita oħra biex jaġġornaw il-kwalifika tagħhom. Dawn l-istudenti kollha dalwaqt jiġu msejħa biex ikunu informati fuq dan il-provediment.

Skema ta' Irranġar tal-Gallariji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskema l-ġdida ta' l-irranġar tal-gallariji tinkludix ukoll mill-ġdid lil Belt Valletta jew din id-darba se tkun limitata għal dawk il-lokalitajiet imsemmija biss?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-iskema għar-restawr tal-gallariji ta' l-injam ta’ l-2006 inħarġet fuq il-lokalitajiet taż-Żejtun, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex. Minbarra dawn il-lokalitajiet, l-iskema tapplika ukoll għal proprjetajiet skedati li għandhom gallarija ta' l-injam fil-lokalitajiet kollha l-oħra ta' Malta u Għawdex. Fis-snin ta' qabel, l-istess skema kienet inħarġet darbtejn fuq il-Belt Valletta u l-Furjana, tliet darbiet fuq il-Kottonera, kif ukoll darba fuq NGOs u clubs f'Malta u f’Għawdex kollha.