Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kont ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirriferi l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, lill-Bord tad-WSC minħabba li saru t-testijiet meħtieġa f'din id-dar u nstab li kien hemm xi leakage ta' l-ilma u issa saru t-tiswijiet kollha meħtieġa? Jista' jara li dan il-każ ikun ikkonsidrat b'mod soċjali minħabba li l-aktar kont riċenti kien wieħed eżorbitanti komparat mal-bqija tal-kontijiet li kienu ntbagħtu lil din il-familja u għaliex ukoll li l-familja għad għandha suspett li l-leakage żgħir li nstab ma jistax ikun il-kważa ta' dan il-kont esaġerat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-konsumatur inkwestjoni diġa kienet mitluba permezz ta’ ittra biex tinforma l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma meta t-tiswijiet fis-sistema interna tal-plumbing ikunu lesti, iżda din baqgħet ma għamlitux. Qabel ma’ l-Korporazzjoni tirrevedi l-kontijiet tal-konsum ta’ l-ilma f’każi bħal dawn, trid taċċerta ruħa li jkunu tassew saru t-tiswijiet neċessarji biex meta issir tali reviżjoni din tkun waħda finali. Meta jinħarġu kontijiet bi stima tal-konsum, din l-istima tinħadem bil-kompjuter u tkun ibbażata fuq konsum passat u għalhekk il-konsum mhux normali jkun rifless anki f’dawn l-istimi. Dawn l-istimi jkunu newtralizzati meta jinħareġ il-kont ibbażat fuq qari attwali. Il-każ inkwestjoni se jkun riferut lill-Advisory Board tal-Korporazzjoni biex isir ir-reviżjoni li hemm bżonn.

Development Control Policy Guidelines

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu japprova l-emendi l-ġodda għad-development control policy guidelines ta' l-2005 wara li ntemm il-perijodu ta' konsultazzjoni pubblika minħabba li hemm numru ta' applikazzjonijiet fil-MEPA li jinsabu pendenti u qed jistennew li jiġu approvati dawn ir-regolamenti l-ġodda biex jitilgħu għad-deċiżjoni finali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika għalaq għad hemm diskussjoni għaddejja mal-Kamra tal-Periti. Huwa maħsub li ladarba din id-diskussjoni tingħalaq, fl-inqas żmien possibbli ssir l-evalwazzjoni ta' kull risposta li rċeviet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). L-emendi li jsiru sussegwentement jinħtieġu l-approvazzjoni tal-bord ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u tal-Ministru ta' l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.

Bini ta' ħajt tas-sejjiegħ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22355, jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jitlesta x-xogħol ta' bini tal-ħajt tas-sejjiegħ li kien iġġarraf fl-għargħar ta' l-2003 skond kif ippjanat f'WD 519/03 fl-inħawi mmarkati fil-pjanta li qed tintbagħat separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nerġa nfakkar lill-Onor. Interpellant għar-risposti li jiena tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 22355 u 22037, jiġifieri li l-file konċernat m'għandu x'jaqsam xejn maż-żona inkwistjoni. Rigward il-ħajt imsemmi jien infurmat li d-Diviżjoni tas-Servizzi ser tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa u, wara li jiġi vverifikat minn hu responsabbli mill-ħajt tal-għalqa msemmija, jittieħdu l-passi meħtieġa.

Apparat għal skop domestiku — Skema ta' refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se taħdem l-iskema tar-refunds imħabbra fil-Budget 2007 fuq apparat għal skop domestiku li jkunu ċertifikati li huma effiċjenti fl-użu ta' l-elettriku? Jista' jgħid minn liema data se japplikaw dawn ir-refunds?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-metodoloġija ta’ l-applikazzjonijiet għar-rifuzzjonijiet imsemmija ssegwi l-linji ġenerali wżati fuq rifuzzjoniiet oħra diġa in vigour. Qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet konċernati biex, qabel ma joħrog l-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, ikunu wkoll finalizzati d-dettalji kollha tekniċi u amministrattivi, neċessarji għat-tħaddim sewwa ta’ din l-iskema. Kif ħabbart fid-Diskors tal-Bagit għall-2007, id-data effettiva għar-rifużżjonijiet, skond l-Avviz li ser joħrog fil-Gazzetta tal-Gvern, ser tkun l-1 ta’ Novembru 2006.

Ħaddiema tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-workshops eżistenti u l-ħaddiema manwali tal-gvern li hemm f l-inħawi ta' Sta. Luċija u li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent se jiġu trasferiti lejn Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema manwali u l-workshops li hemm fl-inħawi ta' Santa Luċija ser jiġu trasferiti lejn Ta' Qali biex ix-xogħol tad-dipartiment ikun kollu ċentralizzat.

Ħal Qormi — File WD519/03

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ippjanat skond każ tal-Works Department File WD519/03 fl-area ta' Tas-Sidra f'Wied il-Kbir, Qormi li sal-lum għadu ma tlestiex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22037, ninsab infurmat li l- file li qiegħed jirreferi għalih, jiġifieri WD 519/2003 m’għandu x’jaqsam xejn max-xogħol f’Wied il-Kbir, Qormi. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant hu ġentilment mitlub biex jispeċifika għal liema żona/ area /lok/sit qiegħed jirreferi.

Ħal Qormi — Triq is-Sebh

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21833, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' dan il-footway bridge propost fi Triq is-Sebh, Ħal Qormi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-footway bridge propost fi Triq is-Sebħ, Ħal Qormi.

Mrieħel Bypass — Footway bridge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21137, 21329 u 21565 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-ADT qegħda tipprepara d-dokumenti sabiex tiġi ppublikata sejħa għall-offerti għall-bini ta' dan il-pedestrian bridge. Hu ppjanat li sejħa għall-offerti tiġi ppublikata f'Jannar u x-xogħol jitlesta sa Awissu ta' l-2007.

Qormi — Wied il-Kbir

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jinbeda u jitlesta x-xogħol li suppost kellu jsir bħala parti mill-ħsarat ta' l-għargħar ta' l-2003 fl-area tas-Sidra f'Wied il-Kbir, Qormi, skond kif ippjanat f'file WD519/03?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi x-xogħol li kellu jsir biex jitranġaw il-ħsarat ikkawżati mill-għargħar ta' l-2003 f'Wied il-Kbir, Qormi, diġa' tlestew. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar tlett snin, apparti x-xogħlijiet li saru, jsir tindif regolari tal-wied minn xi materjal li jinġabar bl-ilma u minn skart li jintrema llegalment.

Ħal Qormi — Triq il-Marsa

Question

Jista' il-Ministru jara li jitranġa l-ħajt tas-sejjiegħ li ġġarraf fi Triq il-Marsa, Ħal Qormi biswit il-Maltapost minħabba li kien hemm inċident tat-traffiku ftit tax-xhur ilu u din it-tiswija baqgħet ma saritx b'konsegwenza li għad hemm periklu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Mrieħel Bypass — Footway bridge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21137, 21329 u 21565 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Imrieħel Bypass — Footway Bridge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21137 u 21329 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Budget 2006 — Nefqa Kapitali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali li saret u ġiet minfuqa mill-gvern fil-qasam ta' l-ambjent minn dik li kien hemm allokata fil-budget għas-sena 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Budget 2006 — Proġetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk il-proġetti mħabbra fil-budget 2006 li ġew finalizzati u tlestew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Interpellant ikun aktar speċifiku billi jindika għall liema settur qed jirreferi.

Skart Goff

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif saret l-għażla tas-siti magħżula fejn se jitpoġġa l-iskart goff f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ma' min saret konsultazzjoni u liema huma s-siti magħżula?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-għażla tas-siti fejn fihom il-pubbliku se jkun jista’ jiddisponi minn skart goff saret wara li ġiet evalwata d-densita` tal-popolazzjoni ta’ l-irħula tagħna ħalli dawn is-siti jkunu mferxin b’mod li kull lokalita` jkollha access konvenjenti għal xi wieħed minn dawn is-siti. Kunsiderazzjoni oħra kienet li s-siti jitpoġġew kemm jista’ jkun f’żoni industrijali u, fejn jeżistu, f’siti li diġa fihom jilqgħu, jew inkella ser jibdew jilqgħu, l-iskart fihom bħall-facilita` fil-Magħtab (Malta) u dik Tal-Kus (Għawdex) rispettivament. Dan il-process kien f’konsultazzjoni kontinwa mal-MEPA u l-Joint Office u, kull meta gie identifikat xi sit, saru l-analiżi kollha skond kif mitluba mill-awtoritajiet ikkoncernati fuqu. Is-siti magħzula huma: · Magħtab · Mrieħel · Ħal Far · Luqa · Tal-Kus, Xewkija (Għawdex)

Tindif minn Skart Goff

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jara li titnaddaf il-parti tat-triq rurali fil-pjanta mill-iskart goff li hemm f'dawn l-inħawi ta' l-area li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi t-triq rurali indikata mill-Onor. Interpellant ma taqax taħt ir-responsabilita’ tal-Gvern Ċentrali iżda taħt il-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsijja lill-Ministru kkonċernat.

Imrieħel Bypass — Footway Bridge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21137 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Higher Secondary — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-ġejjieni hemmx il-ħsieb li l-istudenti li jattendu l-iskola Higher Secondary jingħataw xi forma ta' stipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-maġġoranza ta' l-istudenti li jattendu l-Iskola Sekondarja Għola Giovanni Curmi diġa' jieħdu Għotja ta' Manteniment l-istess bħalma jieħdu l-istudenti li jattendu l-MCAST, il-Junior College u 6th Forms privati. Informat ukoll li f'din l-iskola, hemm faxxa ta' studenti li qed jagħmlu dak li jissejjaħ Revision Course, li m'humiex intitolati għall-Għotja ta' Manteniment. Dawn huma studenti li għad ma għandhomx kwalifiki biżżejjed biex jibdew kors post sekondarja iżda din l-istituzzjoni qed toffrilhom l-opportunita' billi għalqu s-16-il sena, li jibqgħu jistudjaw u tippreparahom biex ikunu jistgħu jiksbu l-kwalifiki meħtiega fil-livell ordinarju tas-Sec biex jibdew kors post sekondarju u allura huma wkoll, eventwalment ikunu ntitolati għall-Ghotja ta' Manteniment.

Mrieħel Bypass — Footway bridge

Question

Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #20670 Sitting 430 2006-09-26 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mis-sejħa pubblika li ħarġet fis-16 ta' Lulju, 2006 biex timtela' il-vakanza ta' chief executive officer f'Heritage Malta? Kemm applikaw għal din is-sejħa u kemm kienu l-persuni li ġew intervistati? Ġie magħżul xi ħadd minn dawn l-applikanti? Jekk iva, meta se tingħata l-ħatra uffiċjali? Jekk le, x'hemm ippjanat li jsir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kien hemm 36 applikazzjoni u minn dawn ġew intervistati 18. Minħabba li l-Board ta' l-għazla ma rrakkomanda lill-ħadd, u minhabba li s-sejħa kienet ghadħa miftuha fuq il-website ta' ETC ġew ikkunsidrati u ntervistati erba' applikanti oħra li l-applikazzjoni tagħhom waslet wara d-data tal-għeluq oriġinali. Minn dawn ġiet rakkomandata applikazzjoni waħda u l-Board ta' Heritage Malta fil-laqgħa tas-16 ta' Settembru approva r-rakkomandazzjoni tal-Board ta' l-għazla. Hu mistenni li din il-persuna tibda x-xogħol tagħha fi żmien qasir.