Legislature:
Category:
Reset
Active:

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-main l-antik tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon f'Hal Luqa hux se jinbidel filwaqt li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-bdil tal-kanen ta' l-ilma mill-Kunsill Lokali u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma peress li din it-triq se tingħata t-tarmac mill-ġdid? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol minħabba li riċentement reġa' kien hemm żbroff tad-drenaġġ fid-djar tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma se tagħmel survey bis-CCTV fi Triq Anton Falzon, Luqa , it-Tnejn 30 t’April biex tiġi nvestigata l-kundizzjoni tal-main

Benefiċċju tal-mard

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-ilment ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet għajnuna tal-mard minħabba l-kundizzjoni tagħha ta' food intolerancekif ċertifikata minn kliniċi barranin minħabba li f'Malta ma jsirx dan it-tip ta' test? Tista' tinvestiga għaliex din il-persuna ma ngħatatx l-għajnuna meta qed ikollha tgħaddi fuq dieta speċjali li qed tiswielha ħafna flus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Unjoni Ewropea — Breeding programme

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24906, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-programm? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' għasafar ta' l-għana li rnexxilhom jiġu mrobbija s'issa skond l-ispeċi differenti tagħhom? Jista' jagħti indikazzjoni kemm hu l-ammont ta' għasafar li s'issa jistgħu jintefgħu fis-salvaġġ minn dan il-programm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan il-proġett issa wasal fit-tieni sena tiegħu. Ir-riżultati miksuba s’issa huma għas-sena li għaddiet, u għalhekk ir-riżultati huma parzjali. Ta’ min iżid li l-ispeċi jinsabu fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli u l-programm jirrikjedi dedikazzjoni u kapaċità fit-trobbija tal-għasafar kif ukoll riċerka u esperimentazzjoni, speċjalment fl-ispeċi tal-ġojjini, l-isponsuni u taż-żebbuġ. L-Onorevoli Membru diġà ġie mistieden iżur dan il-programm. Dan il-proġett m’huwiex maħsub biex l-għasafar li jitfaqqsu fil-magħluq jintelqu fis-selvaġġ.

Kummissjoni Ewropea — Infringements relatati mal-kaċċa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24905, jista' l-Ministru jwieġeb id-domanda kif suppost, cioe' li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza uffiċjali li ntbagħtet mill-Unjoni Ewropea lill-Gvern Malti dwar l-infringements relatati mal-kaċċa u l-insib?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Insib ta' l-għasafar ta' l-għana

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fl-aħħar tas-sena 2007 humiex se jerġgħu jinfetħu l-liċenzji ġodda għall-insib ta' l-għasafar ta' l-għana, kif kien imwiegħed mill-Gvern Nazzjonalista f'ittri personalizzati mibgħuta lin-nassaba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li liċenzji ġodda għall-insib fuq l-għasafar tal-għana ilhom ma jingħataw sa minn Lulju 2002. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema korrispondenza qiegħed jirreferi.

Reġistrazzjoni ta' l-imnasab

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji kif qed isir il-proċess tar-reġistrazzjoni ta' l-imnasab li tħabbret dan l-aħħar b'avviż legali u li l-gvern huwa obbligat li jagħmel skond il-ftehim li għandu ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Kumitat Ornis ħatar sotto-kumitat biex jistudja liema hu l-aħjar mod kif dawn is-siti għandhom jiġu rreġistrati. Id-dettalji jingħataw meta s-sotto-kumitat ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kumitat Ornis.

Reġistrazzjoni ta' l-imnasab

Question

Fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' l-imnasab, jista' l-Ministru jgħid x'għandu wieħed jagħmel biex jassigura li l-imnasab tiegħu jidhru li huma reġistrati? Jista' jgħid sa meta hemm żmien biex l-imnasab jiġu reġistrati u x'se tkun il-pożizzjoni ta' dawk li jkunu jixtiequ jagħmlu xi mnasab wara li jintemm il-perijodu tar-reġistrazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 25214.

Sptar San Luqa — Food Intolerance Test

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar San Luqa jsirx test għall-Food Intolerance magħruf bħala Anti Gladian Test-IgG?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-Tissue Transglutaminase Antibody Testing qiegħed isir minflok l-Anti Gliadin Antibodies skond DH Circular No. SLH/57/06.

Liċeo tal-Ħamrun — Eżamijiet ta' nofs is-sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-riżultati ta' l-eżamijiet ta' nofs is-sena fil-Liċeo tal-Ħamrun għadhom ma ntbagħtux lil familji tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kap ta' l-iskola qassam ir-rizultati ta' l-ezamijiet ta' nofs is-sena waqt il-Parents Day nhar il-Ħamis 29 ta' Marzu 2007. Ir-rizultati ta' dawk l-istudenti li l-ġenituri tagħhom m'attendewx għall-Parents Day intbagħtu immedjatament bil-posta.

Nuqqas ta' Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx nuqqas ta' Kindergarten Assistants u jekk fl-affermattiv, x'inhu l-ammont sabiex taqdi l-ħtiġijiet li għandha d-diviżjoni llum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni ta' Supply Kindergarten Assistants.

Sejħa għall-Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li d-diviżjoni tagħmel sejħa għall-Kindergarten Assistants regolari minflok sejħiet għal dawk supply?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sejħiet għall-Kindergarten Assistants regolari jsiru meta jinħass il-ħtieġa li jkun hemm bzonn sejħiet ta' din ix-xorta. Informat li billi r-rata tat-twelid hi dik li hi, għad m'hemmx il-ħtieġa li toħroġ sejħa għall-Kindergarten Assistants regolari.

Shared Ownership Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-Awtorita' tad-Djar beħsiebha toħroġ sejħa oħra għal djar taħt l-iskema ta' shared ownership u kemm se jkun l-ammont ta' units li se jinħarġu bl-offerta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li għad ma ġietx stabbilita data għal ħruġ ta' sejħa oħra taħt l-iskema ta' Shared Ownership.

Children's allowance

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-ilment tal-koppja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għamlet talba għall-benefiċċju taċ-children's allowance diversi ġimgħat ilu u sal-lum għadha ma bdiet tirċievi l-ebda għajnuna finanzjarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Luqa — Triq Anton Falzon - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mainl-antik tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon f'Ħal-Luqa hux se jinbidel filwaqt li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-bdil tal-kanen ta' l-ilma milll-kunsill lokali u l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma peress li din it-triq se tingħata t-tarmac mill-ġdid? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol minħabba li riċentement reġa' kien hemm żbroff tad-drenaġġ fid-djar tar-residenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Kaċċa u nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24612 u jgħid kemm-il darba, minn mindu Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, il-gvern Malti talab deroga fir-rigward tal-kaċċa u insib fir-rebbiegħa u jekk intalbet deroga, f'liema snin intalbet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Malta, bħala Stat Membru għandha d-dritt li tapplika d-deroga mogħtija taħt l-Artiklu 9 tad-Direttiva ta' l-Għasafar u m'hemmx għaliex issir talba minn qabel għal din id-deroga. Dan kif joħroġ mil-linji ta’ gwida “Guidance document on hunting under Council Directive 79/409/EEC on the Conservation of Wild Birds” f’paragrafu 3.1.1. fejn jintqal li “Member States do not need to consult the Commission before applying derogations but are obliged to report all derogations to the European Commission in annual derogation reports.” Minn meta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea Malta applikat erba' derogi għall-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa. Dawn ġew applikati darba kull rebbiegħa bejn l-2004 u l-2007.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 24619 u jikkonferma jekk hux minnu dak li qal il-kummissarju għall-ambjent ta' l-Unjoni Ewropea Stavros Dimas li mhux veru li tul in-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea l-gvern Malti nnegozja xi deroga għall-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-deroga taħt id-Direttiva ta’ l-Għasafar tista’ tiġi applikata minn kull Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea skond parametri stabbiliti mill-istess Direttiva. Fil-każ ta’ Malta il-po¿izzjoni tal-Gvern Malti fin-negozjati kienet imfissra permezz ta’ dak li hemm iswed fuq l-abjad fid-dokument tal-Pożizzjoni Komuni ma’ l-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ l-ittra mibgħuta nhar it-23 ta’ Marzu 2007 lill-President tal-Kummissjoni mill-Onorevoli Ministru għall-Affarijiet Barranin. Nikkwota Paragrafu 3.1.1 tal-Linji Gwida: “Derogations are ‘exceptions’ which allow for some flexibility in the application of a law. A limited number of activities normally prohibited under the Birds Directive (Articles 5-8) are permissible by way of such derogations, where particular problems or situations exist or may arise. The possibilities for use of these derogations are constrained. They must be justified in relation to the overall objectives of the Directive and comply with the specific conditions for derogations described in Article 9. Member States do not need to consult the Commission before applying derogations but are obliged to report all derogations to the European Commission in annual derogation reports.” Dwar l-insib fuq is-seba’ speċi ta’ l-għana, il-Gvern Malti nnegozja perjodu ta’ deroga kif joħroġ mit-Trattat ta’ Adeżjoni.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24614 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar il-kaċċa u l-insib li kien għamel ma' l-Unjoni Ewropea fit-trattat tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument li huwa qiegħed jitlob diġà huwa pubbliku bħad-dokumenti l-oħrajn kollha relatati man-negozjati.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24617 u jgħid x'inhi r-raġuni li twaqqaf l-insib għall-għasafar ta' l-għana (finches) fir-rebbiegħa meta l-gvern Malti ilu ħafna jgħid u anke ntbagħat materjal governattiv lin-nassaba Maltin, li bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien assigurahom li t-tradizzjoni ta' l-insib fir-rebbiegħa kienet se tibqa'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-interpretazzjoni min-naħa Maltija tal-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea rigward l-insib fuq is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana minn dejjem kienet li l-insib f’Marzu kellu x’jaqsam ma’ l-insib ta’ għasafar li jqattgħu x-xitwa fil-Mediterran. Il-kwistjoni dwar l-insib fir-rebbiegħa fuq għasafar ta' l-għana qamet wara żjara li kienet għamlet f'Malta delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Wara dik iż-żjara kien spjegat li Malta kienet qed tinterpreta ħażin il-proviżżjonijiet tat-Trattat t'Adeżjoni dwar l-insib għall-għasafar tal-għana li jgħid “Il-miżuri li jittieħdu matul il-miżura transitorja għandhom jaqblu fl-intier tagħhom mal-prinċipji li jirregolaw iż-żminijiet tal-kaċċa ta’ l-ispeċi ta’ għasafar tal-passa kif imniżżel fid-Direttiva 79/409/KEE.” Fid-dawl ta' dan kollu u fin-nuqqas ta' ġustifikazzjoni legali biex jaġixxi mod ieħor, il-Kumitat Ornis ma kellu ebda triq ħlief li jirrakkomanda li l-istaġun ma jiftaħx, liema rakkomandazzjoni ġiet aċċettata mill-Gvern. Irrid ngħid ukoll li l-Kumitat Ornis irrakkomanda wkoll li għandhom jintlaħqu l-miri stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni, anke bis-sehem tan-nassaba. Fid-dawl ta' dan, intenni l-impenn tal-Gvern li jonora l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u fl-istess waqt jiddefendi dak li kien innegozjat.

Kummissjoni Ewropea — Infringements relatati mal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra uffiċjali li ntbagħtet mill-Kummissjoni Ewropea lill-Gvern Malti dwar l-infringements relatati mal-kaċċa fir-Rebbiegħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-istqarrija pubblika li għamlet il-Kummissjoni Ewropea.