Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Triq Dun Alwig Psaila

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-WSC qed tirrifjuta li tagħti s-servizz lil diversi residenti li applikaw għalih fi Triq ġdida fi Triq il-Wied (Triq Dun Alwig Psaila) Qormi wara li saħansitra nħarġilhom compliance certificate mill-MEPA?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Hal Qormi — Triq Pietru Felici

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl tal-lampi ta' Triq Pietru Felici f'Ħal Qormi qed jinqata' ta' spiss u ta' sikwit ir-residenti li jgħixu f'din it-triq jisfaw fid-dlam?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet l-Enemalta ma jidhirx li hemm problema ta’ street lighting fit-triq imsemmija.

Qormi — Tal-Blat Housing Estate

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq l-installazzjoni ta' lift fil-blokki A,B,C u D fuq Tal-Blat housing estate Qormi wara li r-residenti diġa' ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom u l-applikazzjoni tal-MEPA ilha approvata mis-26 ta' Ġunju 1998?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar għandha żewġ applikazzjonijiet għal stallar ta' lift fi blokki C u D fil-binja ndikata mill-Onor. Interpellant. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet saru f'Novembru 2006. Ninsab infurmata wkoll li ż-żewġ siti ġew spezzjonati mill-perit u l-konsulent dwar il-lifts ta' l-Awtorita' u qed jitħejjew il-pjanti tal-partijiet komuni tal-blokki biex jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għall-permessi lill-MEPA. Dwar l-applikazzjoni approvata mill-MEPA fl-1998, li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li din kienet dwar bini ta' sular ieħor fuq il-blokki A, B, C u D, liema proġett qatt ma ġie mwettaq.

Ġnien l-Indipendenza — Funtana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-funtana ġdida li ġiet inawgurata riċentement fi Ġnien l-Indipendenza f'Tas-Sliema? Jista' jgħid xi kriterji ambjentali huma assoċjati ma' dan il-proġett infrastrutturali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-funtana l-ġdida li ġiet inawgurata riċentement f'Tas-Sliema ġiet tiswa madwar Lm8,000. Permezz ta’ din il-funtana rridu nwasslu l-messaġġ li “d-dinja ma ġietx mogħtija lilna minn ta’ qabilna iżda ġiet mislufa lilna minn uliedna”.

Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' rapporti li ġew ikkummissjonati matul din is-sena? Jista' jgħid liema kienu dawn ir-rapporti u kemm ġew jiswew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Apparat domestiku — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jagħti data meta l-Ministeru tal-Finanzi se jibda jagħti r-refunds tal-ħlas fuq xiri ta' apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija hekk kif kien imwiegħed fil-budget 2007 wara li diversi familji applikaw għal dan ir-refund?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għajnuna supplimentari

Question

Jista' l-ministru jgħid għaliex din il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għall-għajnuna supplimentari sal-lum għadha ma rċeviet l-ebda risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Pensjoni ta' l-irtirar

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li applika għall-pensjoni ta' l-irtirar għadu ma rċieva xejn mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Żebbuġ, Triq is-Siġġiewi — Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jiġu nstallati bus shelters fi Triq is-Siġġiewi f'Ħaż-Żebbuġ wara li issa ilhom li tlestew ix-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-kuntrattur Faces Ltd qed jistenna konsenja ta’ Bus Shelters f’Ġunju. Għaldaqstant, il-Bus Shelters fi Triq is-Siġġiewi ser jiġu installati meta tasal din il-konsenja.

Ħal Qormi — Sqaq l-Għadira

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat Sqaq l-Għadira fil-Wied ta' Ħal Qormi wara li issa ġiet iffurmata din it-triq ġdida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm it-triq imsemmija ma kinetx tifforma parti mill-lista tax-xogħlijiet uffiċjali ta' l-ADT, ser tkun inkluża wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji. Il-lista uffiċjali tat-toroq għandhom jitlestew sa l-aħħar ta' l-2008.

Apparat domestiku — Refund

Question

Jista' l-Ministru jagħti data meta se jingħataw ir-refunds tal-ħlas fuq xiri ta' apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija hekk kif kien imwiegħed fil-budget 2007 wara li diversi familji applikaw għal dan ir-refund?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Luqa — Triq Anton Falzon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25771 u 25539 u jgħid x'irriżulta mit-testijiet li saru fuq il-main tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Hal Luqa? Jista' jgħid jekk dan il-main hux se jinbidel qabel ma jsiru x-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għandu jinbidel parti mill-main tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Luqa. Dan ser isir fil-futur qarib meta jkunu nħarġu l-permessi neċessarji.

Luqa — Triq Anton Falzon

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25539, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mit-testijiet li saru fuq il-main tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Hal Luqa? Jista' jgħid jekk dan il-main hux se jinbidel qabel ma jsiru x-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Infringements tal-kaċċa u nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25192 u 24905, cioe' li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza uffiċjali li ntbagħtet mill-Unjoni Ewropea lill-Gvern Malti dwar l-infringements relatati mal-kaċċa u l-insib?

Response (PULLICINO, GEORGE)

M’għandix x’inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru 24905.

Apparat energy saving

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fil-ħlas tar-refunds għal dawk il-persuni li applikaw fuq xiri ta' apparat energy saving tad-djar hekk kif imħabbar fil-budget ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi skond l-avviż legali numru 1026 tal-2006, waħda mir-rekwiżiti biex appliance tkun eleġibbli għal-għotja hija li l-prodott jiġi rreġistrat mill-importatur. Id-dewmien li kien hemm biex jitħallsu l-applikanti sar prinċiparjament minħabba li l-maġġoranza ta' l-importaturi damu ma rreġistraw il-prodotti tagħhom skond kif mitlub mill-avviż legali u kif miftiehem mal-bejjiegħa permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Liċenzji ta' l-insib

Question

Peress li skond il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea l-gvern Malti għamel moratorium fuq il-liċenzji ta' l-insib u li dan il-moratorium jispiċċa fl-aħħar tas-sena 2007, jista' l-Ministru jgħid jekk wara l-aħħar ta' l-2007 humiex se joħorġu liċenzji ġodda għall-insib ta' l-għasafar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ebda liċenzja ta’ l-insib ma ħarġet mill-2002 ‘l hawn. Ma hemmx intenzjoni għalissa li din il-pożizzjoni tkun riveduta.
Leg 10 PQ #25818 Sitting 521 2007-05-07 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta mhix se tonora l-ftehim milħuq minnha stess ma' l-instructors mislufin mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, fosthom il-ħin abbinat mas-servizz li qed jagħtu lill-aġenzija wara li dawn kienu ġew assigurati mis-CEO ta' qabel li kien intlaħaq ftehim magħhom? Jista' jgħid kif dawn il-persuni kienu notifikati b'ittra reġistrata mingħajr ma ħadd indenja jiltaqa' magħhom biex jistħarreġ is-sitwazzjoni? Ma jaħsibx li jekk dawn l-instructors imorru lura mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, Heritage Malta se titlef is-servizz tagħhom li f'dan il-każ huwa b'xejn u se jkollha timpjega aktar nies, cioe' tiżdied l-ispiża kurrenti ta' l-aġenzija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi fid-19 ta’ Settembru 2005 wara li saru l-emendi meħtieġa fil-Cultural Heritage Act li permezz tagħhom dak li kien magħruf bħala ċ-Ċentru Malti għar-Restawr (CMR) kellu jiġu assorbit ma’ Heritage Malta kif fil-fatt seħħ, l-instructors kollha mislufa mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ma’ Heritage Malta irċevew ittra mill-aġenzija li permezz tagħha ġew mistiedna jagħtu s-servizzi tagħhom lil din l-agenzija. Ittri simili għal dawn harġu għal dawk kollha li kienu qed jaħdmu fiċ-Ċentru għar-Restawr. Fl-istess ittra l- instructors ġew mistiedna biex jissieħbu b’self ma’ Heritage Malta u jzommu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Heritage Malta ġiet ricentement mgħarrfa li fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni dawk l- instructors li x-xogħol tagħhom mhux fit-tagħlim imma fl-uffiċċju isegwu l-ħinijiet ta’ l-uffiċċju. Kull ma għamlet Heritage Malta dan l-aħħar kien li allura aġġornat ruħha mar-regoli jew prassi eżistenti għal dawk kollha li huma instructors . Iktar minhekk fl-ittra li l- instructors irċivew dan l-aħħar mhux biss ġie spjegat dan kollu imma wkoll ġew mgħarrfa li dan l-aġġornament se jsir b’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2007. Heritage Malta hija konxja mill-fatt li jista jkun hemm minn jiddeċiedi li jitlaq lura lejn id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u għaldaqstant l-aġenzija qed tagħmel l-arranġamenti alternattivi. Irrid infakkar li l-emendi għall- Cultural Heritage Act li rriferejt għalihom kienu għaddew minn dan il-Parlament bl-approvazzjoni unanima taż-żewġ naħat tal-Kamra.
Leg 10 PQ #25819 Sitting 521 2007-05-07 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta m'għadhiex tagħti xogħol ta' tagħlim lill-instructors mislufin mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-instructors mislufa minn mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ma’ Heritage Malta dejjem kellhom xogħol li iktar hu tekniku. Dik hija l-pożizzjoni wkoll ta’ l-instructors li sabet Heritage Malta meta din assorbit dak li qabel kien magħruf bhala ċ-Ċentru Malti għar-Restawr f’Ottubru 2005.