Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mis-sejħiet għall-promozzjonijet fil-MEPA li kienu nħarġu qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u li waqfu ħesrem? Jista' jgħid jekk dawn hux se jitkomplew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, hekk kif titħabbar l-Elezzjoni Ġenerali jieqaf kull proċess għal reklutaġġ mal-Gvern. Sabiex dan il-proċess ikun jista’ jitkompla wara l-Elezzjoni, ikun hemm bżonn ta’ approvazzjoni minn naħa ta’ l-Amministrazzjoni Ċentrali kif fil-fatt sar f’dan il-każ.
Ninsab infurmat ukoll li issa dan il-proċess tkompla billi bdew isiru l-interviews.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi saru fuq il-bini tat-triq ġdida fi Triq Valletta, li hemm ippjanata u tinsab faċċata ta' Triq il-Ħammieri, f'Ħal Qormi, minħabba li hemm diversi residenti ma jistgħux jidħlu jgħixu fid-dar tagħhom minħabba dan l-inkonvenjent?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan id-dewmien kollu biex jinbeda x-xogħol fuq din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-proċess biex tingħata ċ-Children's Allowance lil koppji li dan l-aħħar kellhom it-tieni tarbija jinsab on hold? Ta' min ifakkar li din kienet miżura li tħabbret aktar kmieni din is-sena (u kkonfermata bħala wegħda elettorali tal-Gvern) biex kull koppja tingħata dan il-benefiċċju irrispettivament minn numru ta' ulied li għandhom taħt is-16-il sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-allegazzjoni li qed jagħmel fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hi assolutament infondata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati li qed igawdu għall-benefiċċju ta' teleworking (xogħol mid-dar) fil-MEPA? Jista' jgħid għaliex din is-sistema ta' teleworking mhux qed tkun applikata għall-ħaddiema fil-gradi tekniċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Preżentament l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha tnax-il impjegat li qed igawdu mill-benefiċċju ta’ teleworking, fosthom hemm impjegata waħda li għandha grad tekniku. Preżentament l-Awtorità qegħda tikkunsidra kif il-kunċett ta’ teleworking jista’ jitħaddem dejjem b’mod li ma jintlaqtux ħażin l-operat u l-esiġenzi ta’ l-Awtorità u l-livell ta’ servizz li l-Awtorità hija mistennija li toffri lill-pubbliku.
Jista' l-Ministru jara li t-tappiera tal-ħadid ta' l-Enemalta fi Triq il-Vittorja, Hal Qormi li tinsab quddiem il-post li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tiġi rranġata minħabba l-ħsejjes li qed tikkawża?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tappiera indikata mill-Onor Interpellant ma taqax taħt ir-responsabilita tal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan il-post vojt li jinsab f'Hal Qormi, u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qed jintbagħtu fih kontijiet tad-dawl u l-ilma meta s-servizzi ilhom maqtugħa sa mill-1990? Jista' jara li s-sid ma jibqax jirċievi dawn il-kontijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fuq dan il-kont m’hemm xejn li jindika li l-meters tad-dawl u l-ilma inqalgħu mill-post. Għalhekk il-kirjiet tal-meters huma applikabbli. Il-persuna indikata mill-Onor Interpellant tist' titlob li ssir spezzjoni tal-post mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex diversi persuni li applikaw għal compliance certificate f'diversi distretti mhumiex ikunu moqdija minħabba li m'hemmx enforcement officer li qed jaħdem fuqhom u għalhekk mhumiex qegħdin jinħarġu?
Ma jaħsibx li din il-problema qed tikkawża inkonvenjent kbir lil diversi familji?
Jista' jgħid x'passi qed jittieħdu f'dan ir-rigward?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejja tilwima industrijali bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-Awtorità' ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn l-Enforcement Officers ġew mogħtija direttiva biex jaħdmu biss żoni tagħhom. L-Awtorita' qiegħda tesplora soluzzjonijiet biex tkun f'pożizzjoni li s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal mill-aktar fis possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' care and repair ta' anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-biża ta' periklu infrastrutturali li reġa' feġġ wara x-xita li għamlet dan l-aħħar? Tista' tgħid meta se tiġi determinata din l-applikazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-post indikat mill-Onor. Interpellant ġie spezzjonat mit-tekniċi ta' l-Awtorita' tad-Djar u issa qed isiru l-pjanti meħtieġa biex tkun tista tiġi preparata u ppublikata s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet. M'hemmx indikazzjoni ta' periklu strutturali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Mons. Gerald Frendo f'Ħal Qormi li nbniet f'dawn l-aħħar xhur għadu ma ġiex installat dawl tat-triq kif ukoll lampi ġodda, bil-konsegwenza li f'partijiet minnha għad hemm ħafna dlam?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tad-dawl pubbliku jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali u mhux ta' l-Enemalta.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-applikazzjoni, li r-referenza tagħha qed tintbagħat separatament, sal-lum għadha ma ġietx ipproċessata tant li r-riċerki ħadu aktar minn 7 xhur? Tista' tara li din l-applikazzjoni tiġi deċiża minħabba li titratta persuna b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li r-riċerki mitluba mill-Awtorita' tad-Djar, dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant, issa waslu u qed jiġu verifikati.
Ninsab infurmata wkoll li, hekk kif isiru dawn il-verifiki, il-persuna konċernata tiġi nfurmata bl-ammont ta' l-għotja u biex tersaq għall-kuntratt.
Tista' l-Ministru tikkunsidra l-applikazzjoni ta' l-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba raġunijiet soċjali u ta' saħħa li għandha din il-persuna li jkomplu jżidu l-bżonn ta' l-għajnuna mill-Awtorita' tad-Djar għal xogħlijiet fid-dar ta' din l-anzjana?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma tistax tiġi aċċettata peress li l-persuna konċernata ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti ta’ l-iskema relevanti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29189 u jekk jogħġbu, jgħidli min hu responsabbli mill-għajnuna li kienet tingħata lill-ommijiet li jkollhom numru ta' trabi f'daqqa aktar min normal, bħal fil-każ ta' quadruplets, f'assistenza li kienet tingħata fi ħrieqi u mediċini lil dawn l-ommijiet?
Staqsejt lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' (PQ 28929) u qalli biex nirriferi l-mistoqsija lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali u meta staqsejt lill-Ministru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali (PQ 29072) din qaltli biex nirreferi l-mistoqsija lill-ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29073 u jgħid għaliex familji li għandhom tfal żgħar li qed isofru mill-marda tad-dijabete mhux qed jingħataw labar tas-siringi size 4mm iżda qed jingħataw sizes akbar li mhux addattati għalihom? Jista' jgħid għaliex dawn il-familji mhux qed jingħataw glucose sticks li huma meħtieġa għalihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li siringi ta' l-Insulina 0.5cc u 1.00cc huma ta' qies standard ta' 13mm.
Il-quota għal glucose sticks għal dijabetiċi dipendenti fuq l-insulina taħt l-eta' ta' 35 sena hija ta 50 strips fix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jinġiebu l-fondi li l-MEPA se tagħti lill-Awtorita' tat-Trasport dwar l-inizjattiva li ġiet imħabbra għal żmien il-Milied dwar l-użu tat-trasport pubbliku? Jista' jgħid minn liema fond se tingħata din l-għotja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) se tagħi lill-Awtorità għat-Trasport għall-inizjattiva pożittiva li tħabbret għal żmien il-Milied dwar l-użu tat-trasport pubbliku ser jitħallsu mill-Commuted Parking Payment Scheme.
Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 28857 minħabba li hija ta' interess ġenerali għall-konsumaturi ta' l-Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-għajnuna li tagħti l-Korporazzjoni Enemalta f'dawn il-każijiet huma r-refund ta' applikazzjoni. It-talba għar-refund trid ssir meta japplikaw għas-servizz ta' l-elettriku.
Qabel is-sena 2005 Solar Water Heater kellu ikun installat qabel ma l-Korporazzjoni Enemalta tinstalla l-meter. Din l-iskema ġiet irranġata fis-sena 2005 u beda jingħata perjodu ta' 3 xhur mid-data ta' l-applikazzjoni biex jiġi nstallat Solar Water Heater. Din l-iskema l-ġdida involvit aktar spejjeż lill-Korporazzjoni għax l-ħaddiema jridu jmorru darbtejn għand il-konsumatur.
Ir-Refund li tagħti l-Korporazzjoni Enemalta hija l-fee li titħallas ma l-applikazzjoni. Dan ir-refund ma jistax jibqa pendenti għal tul taż-żmien u l-Korporazzjoni hija ta' l-opinjoni li tlett xhur huwa biżżejjed sabiex wieħed jagħmel it-talba tiegħu għar-refund.
Il-Ministeru tiegħi madankollu m'huwiex kuntent bil-perjodu ta' tlett xhur li fil-preżent qed jingħata mill-Korporazzjoni u ser jagħti direzzjoni lill-istess Korporazzjoni sabiex testendi dan il-perjodu.
Jista' l-Ministru jara li t-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jingħata l-għajnuna ta' facilitator minħabba diffikultajiet li qed ikollu waqt it-tagħlim ta' l-iskola u kif ċertifikat mic-Child Development Assessment Unit?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li l-każ jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħlas ta' reġistrazzjoni fuq vetturi tat-tip battery operated cars? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas ta' din ir-reġistrazzjoni fuq dawn il-vetturi u t-taxxi relatati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29151.
B'referenza għat-twegiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 28913, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm offerti ta' anqas minn Lm 10,000 jiġifieri l-ammont massimu stipulat f'dan it-tender skond paragrafu 3.5 f'dan id-dokument?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Le, ma nikkonfermax għax l-ammonti ta' l-offerti, inkluża l-VAT, jaqbeż l-Lm10,000.