Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir is-seminar li kellu jsir fl-ewwel jiem ta' Lulju fil-Palazz tal-Verdala, liema seminar ġie pospost minħabba hekk imsejħa "raġunijiet loġistiċi"?
Malta Racing Club – assistenza mill-Kunsill Malti għall-Isport
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-assistenza li ngħatat lill-Malta Racing Club min-naħa tal-Kunsill Malti għall-Isport bejn Jannar 2009 u Awwissu 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar l-assistenza li ngħatat lill-Malta Racing Club qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10305, jista’ l-Ministru jgħid jekk meta stqarr “li l-ebda ħaddiem mhu se jitlef postu”, kienx qed jirreferi wkoll għall-ħaddiema part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-unika ħaddiema part-time li għandha l-KMS huma marbuta b’kuntratt ta’ sena.
Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li waqt li jkun qed isir ix-xogħol ta’ bini fuq l-iskola l-ġdida tal-Isport l-istudenti mhux se jkunu esposti għal inkonvenjent waqt li jkunu għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom matul is-sena skolastika 2014/2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha fl-iskola l-ġdida tal-isport biex l-istudenti ma jkunux esposti għal inkonvenjent waqt li għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom. F'dan ir-rigward, xogħol ta' skavar u twaqqiegħ huwa previst li jsir qabel ma tibda l-iskola u ser isir hoarding madwar iż-żona fejn ser isir ix-xogħol biex tiġi mħarsa s-sigurta' kemm tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema. Għal dan il-għan ġie kkummissjonat Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sigurta'.
Jista’ l-Ministru jgħid x’użu se jkollhom matul is-sena skolastika 2014/2015 il-klassijiet tal-iskola tal-isport li kienet qed tintuża sa ftit jiem ilu f’Ħal Kirkop?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru ta’ kmamar li kienu jintużaw mill-iskola tal-isport fil-bini tal-Iskola Sekondarja f’Ħal Kirkop se jintużaw għall-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu li għal ftit tas-snin se tkun parti mill-bini tal-Iskola Sekondarja Kirkop.
In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10302 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10219, jista’ jgħid fiex se jkunu qed jikkonsistu x-xogħlijiet fil-proġetti msemmija (wieħed wieħed) għal-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Medja tal-Kamra. Mal-proġetti elenkati fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10219, kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u tan-Naxxar, l-Onor. Interpellant għandu wkoll lista tal-proġetti kif provduta issa mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa s-sitwazzjoni ta’ din it-tweġiba fid-dawl tat-tweġiba oriġinali li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien ta għall-mistoqsija parlamentari 10219.
In-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10301 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10219, jista’ jelenka kemm se jkunu qed jiġu jiswew (wieħed wieħed) il-proġetti msemmija li se jsiru fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar, liema proġetti ġew identifikati fl-istess risposta?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Medja tal-Kamra. Mal-proġetti elenkati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10219, kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u tan-Naxxar, l-Onor. Interpellant għandu wkoll lista tal-proġetti kif provduta issa mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa s-sitwazzjoni ta’ din it-tweġiba fid-dawl tat-tweġiba oriġinali li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien ta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10219.
Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-kumpanija u/jew persuna responsabbli mill-manutenzjoni tal-apparat elettroniku, inkluż l-apparat tal-arja kundizzjonata tal-vapuri proprjetà tal-kumpanija Gozo Channel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l- manutenzjoni tal-apparat elettroniku u tal-apparat tal-arja kundizzjonata jsir mill-membri ta’ l-ekwipaġġ stess. Kull vapur barra minn enġiniera jġorr wkoll electrician. Dawn huma megħjuna minn żewġ electronics engineers u engineering manager li jigwidaw u jissorveljaw il-manutenzjoni tad-diversi apparat fuq il vapuri. F’kazi fejn iktar informazzjoni tkun meħtieġa l-manifatturi tal-apparat jiġu kkuntattjati u tiġi diskussa s-soluzzjoni koretta. Ċerti electronic cards jintbagħtu għand il-manifatturi stess li jużaw apparat speċjalizzat biex jiċċekjaw dawn il-cards u jiġu msewijja jew jinbidlu skond il-kaz.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10199 u jelenka liema kienu l-proġetti infrastrutturali b'rabta mal-isport li saru f'Għawdex bejn l-2003 u l-2013 ? Jista' jgħid kemm kien il-valur tagħhom ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10198 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra liema kienu l-għaqdiet u klabbs sportivi li bbenefikaw minn għajnuna mill-Gvern bejn April 2013 u Ġunju 2014 u kemm kienet l-għajnuna li ngħatat lil kull għaqda jew klabb?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10197 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-għaqdiet u l-klabbs sportivi Għawdxin li bbenefikaw minn għajnuniet mill-Gvern bejn Mejju 2003 u Marzu 2013 u fl-istess waqt jgħid kemm kien l-ammont għal kull għaqda jew klabb u għal liema proġetti jew inizjattivi kienu ngħataw dawk l-għajnuniet ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jara li l-għexieren ta’ bozoz maqtugħa fuq il-festun tul il-promenad tal-Għadira jinbidlu (liema bozoz huma responsabilità tal-istess Ministeru u mhux tal-Kunsill Lokali u lanqas tal-Enemalta)?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-bozoz kollha maqtugħa fuq il-festun imsemmi ġew kollha mibdula.
Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar –rotot tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar ir-rotot tas-sajf bil-ħinijiet għal-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 10315 fejn ġie spjegat li l-iskedi tas-sajf ma daħlux fis-seħħ, madanakollu qed isiru vjaġġi addizzjonali sabiex tintlaħaq id-domanda għas-servizz.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10298 jista' l-Ministru jgħid liema kienet il-lokalità nominata għall-Proġett EDEN fis-sena 2013 u jekk din il-lokalità għaddietx mill-kriterji mitluba mill-Kummissjoni Ewropea ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10298, fis-sena 2013 ma kien hemm ebda nominazzjoni ta’ lokalità. Il-proġetti li ġew ippreżentati ma ffukawx fuq il-parametri li ħejjiet il-Kummissjoni għal din is-sejħa. Kien hemm proġett sottomess mill-Kunsill ta’ San Lawrenz li laħaq l-għan prinċipali tas-sejħa, iżda dan ma setax jiġi innominat jew jingħata premju, għaliex l-inizzjattiva ġiet implimentata barra ż-żmien eliġibli ta’ din is-sejħa
Ġaladarba l-Ministru stqarr fir-risposta mogħtija minnu għall-mistoqsija parlamentari 10320 li l-bus shelter inkwistjoni rriżulta li l-istandards kif stipulati fil-policy ta' Transport Malta f'dan ir-rigward ma' ġewx osservati, jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni dan il-bus shelter magħmul minn erba' kanen b'saqaf tal-hard board għadu fil-post u ma tneħħiex ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10320, għalkemm l-istandards tax-xelter in kwistjoni mhumiex għal kollox konformi mal-policy ta’ Transport Malta, jirriżulta li l-istrutturi li ġew istallati fil-post indikat jilħqu il-kriterji t’aċċessibilita skont kif mitlub fl-istess policy. Għalhekk, ġie deċiż li dawn l-istrutturi jitħallew fil-post b’mod temporanju, sakemm tinstab soluzzjoni permanenti.
Għal dan il-għan, Transport Malta qiegħda fil-proċess li tikkonkludi proposta bil-għan li tinstab soluzzjoni permanenti sabiex ikun jista’ jiġi stallat bus shelter fuq il-bus stop li jservi l-akwati. Dan se jsir wara li l-istess proposta tkun ġiet diskussa u maqbula mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10320 jista' l-Ministru jgħid min mexxa l-investigazzjoni fi ħdan Transport Malta fuq il-bus shelter indikat fejn intqal li ma jnaqqasx l-aċċessibilità? Dan peress li fil-post fejn twaħħlu l-kanen huwa umanament impossibbli li persuni jgħaddu bil-pushchairs jew saħansitra b'siġġu bir-roti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni fuq dawn l-istrutturi saru minn perit imqabbad minn Transport Malta.
Infurmat ukoll li id-distanza ta’ bejn il-ħajt u t-tarf tal-kanen li tqiegħdu taqbeż id-distanza minima kif mitlub fil-policy ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, mhemm xejn li jxekkel persuni li jgħaddu b’pushchairs jew b’siġġu tar-roti minn fuq il-bankina.
PBS – trasmissjonijiet tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew lill-PBS it-trasmissjonijiet tal-logħbiet kollha mxandra tal-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li saru fil-Brazil ftit tal-jiem ilu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Niforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS tinnegozja ftehim dwar it-trasmissjonijiet tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja ma’ l-EBU (European Broadcasting Union). L-EBU tagħmel offerta globali li tinkludi l-offerti kollha tal-membri tagħha. Tifhem għalhekk li l-informazzjoni mitluba tirrigwarda l-interessi ta' terzi u għaldaqstant hija kunfidenzjali.
Importanti li l-Onor. Interpellant jifhem ukoll li l-PBS mhux se tieħu fondi pubbliċi għal dan l-avveniment.
Madanakollu l-PBS mhux talli offriet servizz mill-aqwa lill-pubbliku Malti kollu iżda ukoll wara li wieħed jaqta l-ispejjeż kollha, irnexxielha tiġġerera profitt sostanzjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' flus li l-PBS għandha tħallas lill-media houses lokali? Jista' jelenka liema huma dawn il-kumpaniji bl-ammonti dovuti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS topera bħala kumpanija u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.
Stqarrija tad-DOI — grupp ta' sportivi, akkademiċi u amministraturi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10214, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri li kienu jiffurmaw il-grupp indikat fl-istqarrija tad-DOI (140445) li skont l-istess risposta dan kien ġie xolt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-membri kienu: Andrew Decelis, Xandru Grech, Charlene Attard, Alessandra Pace u Paul Debattista.