Jista' l-Ministru jgħid min ġie kkonsultat s’issa dwar il-Politika Nazzjonali tal-Isport u kemm-il darba ltaqa' l-kumitat li qed imexxi dan il-proċess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat tal-Politika Nazzjonali fil-preżent għaddej b’laqgħat mal-:
Kunsill Malti għall-Isport
Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport
Dipartiment tal-Edukazzjoni
Health Promotion Unit
Special Olympics
Kumitat Olimpiku Malti
Il-Kumitat prinċipali ltaqa’ total ta’ tmien darbiet apparti li kien hemm b’kollox total ta’ 18-il laqgħa tas-sotto kumitati li ħadmu fuq l-Edukazzjoni u Sport, Atleti u programmi kif ukoll l-ekonomija u sport.
Politika Nazzjonali tal-Isport – aġendi u minuti tal-laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat li saru s’issa mill-kumitat li qed imexxi l-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-Politika Nazzjonali tal-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kumitat kien maqsum fi tlett gruppi sabiex jiddiskutu oqsma differenti relatati mal-politika għall-isport. L-aġenda hija dejjem l-istess dik li tirrifletti l-qasam li l-gruppi iffukaw fuqhom. Fir-rigward tal-minuti, il-mentors żammew nota tal-punti relevanti sabiex finalment ikunu miġbura għad-dokument li jwassal għal konsultazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jelenka kemm huma l-ħaddiema li llum qed jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport u fl-istess waqt, jindika f'liema post dawn l-istess ħaddiema qed iwettqu l-ħidma tagħhom bid-deskrizzjoni tal-impjieg tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-għadd ta' ħaddiema li jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport hu ta' 69 persuna. Dawn il-ħaddiema jwettqu l-ħidma tagħhom f'postijiet differenti tal-KMS fosthom f'diversi taqsimiet fil-Head Office, fil-kumplessi sportivi tal-Cottonera, Kirkop u Marsa, u l-kumpless tal-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema li kienu jaħdmu jew qegħdin jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport matul is-snin (sena b'sena) 2011, 2012, 2013 u 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport fis-snin 2011, 2012 u 2013, skont l-istatistika ta’ Diċembru tas-snin imsemmija, kien kif ġej:
2011 – 61 full timers
2012 – 71 full timers
2013 – 77 full timers
Rigward is-sena 2014, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11599.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le hekk hemmx studenti li qed jingħataw lezzjonijiet fuq suġġetti partikolari fil-kurituri ta’ xi skejjel fi ħdan il-Kulleġġ Maria Reġina?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda studenti li qed jingħataw lezzjonijiet fuq suġġetti partikolari fil-kurituri tal-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ Maria Regina.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-isport tar-Rugby tneħħa minn fost id-dixxiplini sportivi li kienu qed jiġu pprattikati fl-iskejjel tal-Gvern? Minn min ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-isport tar-Rugby għadu fost id-dixxiplini sportivi li jiġu pprattikati fl-iskejjel tal-Gvern. Ma kien hemm ebda tibdil fit-tagħlim ta’ din id-dixxiplina.
Attività fiżika/Sports fl-iskejjel — 3 to 16 - Ħin allokat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ħin allokat kuljum għall-eżerċizzju fiżiku/attivitajiet sportivi waqt l-inizjattiva 3 to 16 li ssir fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-attivitajiet fiżiċi fi Klabb 3-16 jinżammu kuljum bejn il-5 u s-6 ta' filgħaxija għalkemm it-tfal jistgħu jinġabru mill-ġenituri tagħhom qabel dan il-ħin.
Tanker tal-Gass fil-port ta' Marsaxlokk — Korrispondenza minn Birżebbuġa Sailing Club
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti/ittri li Birżebbuġa Sailing Club ressqu lill-awtoritajiet, fosthom il-MEPA, b’rabta mat-tanker bil-ħażna tal-gass li l-Gvern qed jippjana li jankra fil-Port ta’ Marsaxlokk?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm rigward applikazzjoni nru PA 21/14 kif ukoll rigward l-applikazzjoni nru PA 22/14, l-MEPA ma rrċiviet l-ebda dokument/ittra mill-Birżebbuġa Sailing Club.
Assoċjazzjonijiet sportivi – għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Malti għall-Isport
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-klabbs jew assoċjazzjonijiet sportivi li għadhom ma tħallsux l-għajnuna finanzjarja dovuta lilhom mill-Kunsill Malti għall-Isport għas-snin 2013 u 2014 ? X’inhu t-total ta’ dawn l-ammonti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda pagamenti ta’ assistenza pendenti għas-sena 2013, b’dana illi kull min għamel it-talba għal ħlas, ġie mħallas l-ammonti dovuti lilu.
Fir-rigward tal-2014, infurmat li l-għaqdiet li għamlu talba għal ħlas iżda l-pagament għadu pendenti huma s-sussegwenti:
Senglea Athletics Club - €3794
Qormi Clay Shooting- €1800
Malta Scrabble Club- €500
Kalkara Bocci club- €2000
Tennis Club Kordin- €1000
Ghaxaq Bocci club- €1500
Dawn il-pagamenti għadhom pendenti minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni, li ġiet mitluba lill-għaqdiet ikkonċernati, sabiex ikun jista' jsir il-pagament.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex tiġi ordnata inkjesta dwar it-tmexxija tal-Malta Racing Club matul is-sajf li għadda? Jista’ jgħid min ordna li ssir din l-inkjesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ġiet ordnata li ssir inkjesta dwar il-Malta Racing Club (Marsa Racing Club) wara għadd ta’ allegazzjonijiet li saru fir-rigward tat-tmexxija tal-imsemmi club. L-inkjesta ġiet ordnata skont Article 4(1) tal-Inquiries Act XIX tal-1977 (Cap 273).
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex jinbeda x-xogħol ta' wiċċ ġdid fuq Triq il-Kortin fil-Mellieħa? Jista’ jindika meta mistenni jibda x-xogħol fuq din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tevalwa dokumenti ta’ kawżi u appelli tal-Qorti datati Ġunju 2003 u Frar 2005 li ġew mogħtija lilha dan ix-xahar mill-Kunsill Lokali. Ma nsib ebda oġġezzjoni li din it-triq tiddaħħal fil-programm tat-toroq li jiġi mfassal minn Transport Malta skont prijoritajiet jekk tkun fir-responsabilità ta’ Transport Malta u mhux tal-kunsill.
KMS – għajnuna finanzjarja lil klabb tal-ibburdjar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Malti għall-Isport jew fondi oħra pubbliċi lill-Vikings Sailing Club għas-snin 2011 - 2012 - 2013 ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-assistenza finanzjarja lil klabb tal-ibburdjar indikat mill-Onor. Interpellant hi s-sussegwenti:
2012 Facility Improvement Scheme xogħlijiet varji € 1,950.00
2013 Equipment Scheme xiri ta’ dgħajjes € 4,500.00
Jista' l-Ministru jgħid liema art se tingħata lill-Vikings Sailing Club wara li dik li kienet okkupata minnhom fl-aħħar snin se tittieħed mill-Gvern ? Jista' jikkonferma jew jiċħad li se jkun qed jgħin finanzjarjament lill-Vikngs Sailing Club meta dawn jimxu għal post ieħor u dawn ikun jenħtiġilhom ammont konsiderevoli ta' xogħol ta' kostruzzjoni sabiex jidħlu fil-post li se jingħatalhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għaddej b’konsultazzjonijiet sabiex il-Vikings Sailing Club ikollhom proprjeta’ minn fejn ikomplu joperaw.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jokkupa llum il-kariga ta' Kap Eżekuttiv fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport? Jekk sal-lum din il-kariga għadha mhix okkupata jista' jgħid min qed jassumi r-responsabilitajiet li ġġib magħha tali kariga?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-kariga ta` Kap Eżekuttiv hija vakanti. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni poġġa lil Mark Cutajar, li huwa konsulent tiegħu, sabiex għal żmien sakemm jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid jassisti liċ-Chairman u Bord tad-Diretturi fir-responsabbiltajiet ta` tmexxija tal-Kunsill Malti għall-Isport. Din id-deċiżjoni kienet approvata unanimament mill-Bord tad-Diretturi.
B'referenza għall-artiklu b'ritratt li deher fil-ġurnal The Malta Independent fil-5 ta' Ottubru 2014, jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni u għal liema raġuni ngħalaq bil-ktajjen l-Emergency Exit li jinsab fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li d-deċiżjoni li jingħalqu l-bibien bil-katnazz kienet ittieħdet qabel Marzu 2013 għal raġunijiet mhux magħrufa. F’Marzu 2013 ġie deċiż li dawn il-ktajjen jitneħħew u jiġu mpoġġija biss meta ma jkunx hemm attivitajiet sportivi fil-kumpless. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun infurmat li fil-kumpless hemm bibien oħrajn li ritratti tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra li b’mod kontinwu jkunu miftuħa għas-sigurta’ tal-ħaddiema. Dawn il-bibien huma direttament konnessi mal-main hall u mal-Bocce Dromo.
Jista' l-Ministru jagħti garanzija lill-ħaddiema part-time li bħalissa qed jaħdmu fil-KMS li l-kuntratt tagħhom se jiġi mġedded meta dan jiskadi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema part-time mal-KMS ser ikollhom il-kuntratt imġedded skont il-ħtieġa u n-neċessita’ tal-KMS.
Naxxar – skejjel – użu tal-bitħa waqt il-ħin tal-break
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li żewġ skejjel fin-Naxxar qed jagħmlu użu mill-istess bitħa tal-iskola sekondarja fl-istess lokalità waqt il-ħin tal-break? X'miżuri ttieħdu sabiex l-istudenti li jkunu għaddejjin bil-ħin tal-break tagħhom ma jfixklux lil dawk l-istudenti li jkunu għaddejjin bil-lezzjonijiet fil-klassijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ż-żewġ skejjel għandhom ħinijiet tal-brejk differenti. Waqt il-brejk, it-tfal tal-Kulleġġ San Nikola jagħmlu użu mill-grawnd tat-turf li jmiss eżatt ma' Blokk C u mill-ispazju li jinsab quddiem l-iskola (Blokk C u Blokk B). Il-grawnd ma jmissx direttament ma' Blokk A, li jagħmel parti mill-Kulleġġ Maria Regina. Min-naħa l-oħra, it-tfal tal-Kulleġġ Maria Regina jagħmlu użu mill-ispazju ta' madwar Blokk A u mill-ispazju li jinsab quddiem il-blokks tal-Kulleġġ San Nikola, imma li hu viċin ta' Blokk A. B'dan il-mod, il-ħsejjes qegħdin ikunu kkontrollati bl-aħjar mod possibbli.