Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet quddiem il-MEPA fiż-żona tas-Salina sabiex tinbena pompa tal-petrol u jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u site plans tal-proġett imsemmi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fiż-żona tas-Salina, il-MEPA għandha applikazzjoni għal żvilupp ta’ fuel station waħda . Din iġġib in-numru TRK 157268, li preżentament għadha fi stadju ta’ screening u għalhekk għadha ma ġietx ivvalidata.Il-pjanti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12185 fejn qal li m’għandu x’jaqsam xejn max-xogħlijiet illegali li qed isiru jew saru fil-korsa taż-żwiemel tax-Xħajma, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa hu bħala Ministru responsabbli minn dan il-post pubbliku issa li jaf li hemm xogħlijiet illegali għaddejjin f’dan il-post?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru malli sar jaf b’ allegat akkadut informa mill-ewwel lill-awtoritajiet konċernati sabiex jieħdu dawk il-passi kollha li jidrilhom adegwati u xierqa skond il-liġi.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt 15 ta’ Novembru mir-residenti tas-Salina b’rabta mal-problemi ta’ inkonvenjenza li qed jiffaċċjaw l-istess residenti kaġun tad-deċiżjonijiet li ħadet Transport Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess awtorità hix ser tagħti widen għal dawn l-ilmenti mressqa mir-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Dan il-proġett għadda minn proċessi ta’ proċeduri amministrattivi relatati mal-approvazzjoni tal-iżvilupp, liema proċeduri kienu jinkorporaw anke diversi forom ta’ stedina għall-konsultazzjoni. Wieħed irid japprezza illi bħalissa il-proġett qiegħed fil-fażi tal-kostruzzjoni iżda Transport Malta u jiena bħala Ministru ser inkunu miftuħa li niddiskutu l-kummenti u proposti min-naħa tar-residenti. F’ dan ir-rigward, ninsab infurmat illi diġa’ saru numru ta’ laqgħat mar-residenti in kwistjoni anke qabel il-15 ta’ Novembru. Riċentament saru wkoll aktar laqgħat mar-rappreżentanti tar-residenti.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-limiti ta' San Pawl il-Baħar/Buġibba hux se jinbena l-kumpless sportiv li kien ippjanat mill-amministrazzjoni preċedenti ? Jekk iva, jista’ jindika meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-imsemmi proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern m'għandux fil-pjani tiegħu il-bini tal-kumpless sportiv imsemmi minnu.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li fis-sena 2015 jibda x-xogħol fuq il-pixxina ta' Għawdex, liema pixxina diġà għandha l-permessi approvati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?
Response (REFALO, ANTON)
Kif propost mill-amministrazzjoni preċidenti l-pixxina f’ Għawdex ma kinitx fattibli. Qed nesploraw il-possibiltajiet kollha biex din issir. Infatti bħalissa għaddejja konsultazzjoni sħieħa ma dawk kollha involuti u fil-futur qarib il-Ministeru ser ikun f’pożizzjoni li jkollu stampa ċara tar-rekwiżiti kollha neċessarji. Dan l-eżerċizzju qed iseħħ sabiex niżguraw li l-fondi pubbliċi jintefqu bl-aħjar mod possibli. Il-Ministeru huwa kommess illi jagħmel dak kollu possibli sabiex il-komunita Għawdxija tgawdi minn proġetti simili li gvern preċedenti ħallihom għal diversi snin biss fuq il-karta.
Jista l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' żvilupp se jsir fuq is-sit li fuqu kien se jinbena l-grawnd tal-futbol ta' Naxxar Lions FC fil-limiti ta' fejn qabel kien hemm iċ-Ċentru tal-Fieri fl-istess lokalità, liema sit kien ingħata mill-amministrazzjoni preċedenti ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa għad m’hemm l-ebda pjan ta’ użu partikolari għal dan is-sit, għal fatt li qegħdin jiġu ikkunsidrati diversi proposti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-klabb ta' Naxxar Lions FC dwar allokazzjoni ta' sit ġdid sabiex fuqu jkunu jistgħu jinbnew faċilitajiet sportivi? Jista’ jikkonferma jekk l-art inkwistjoni ngħatatx lill-klabb Naxxari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ġie identifikat sit għal bini ta’ faċilitajiet sportivi, jridu jsiru diskussjonijiet mal-Klabb qabel ma tingħata l-art.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet identifikax l-art li fuqha se jinbena kumpless sportiv fi¿-¿ona ta' San Pawl il-Baħar/Qawra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari W313, is-sit li fuqu ser jinbena l-kumpless Sportiv kif ukoll faċilitaiet soċjo-edukattivi oħra, diġa’ ġie identifikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw transfer fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport bejn l-1 ta' April 2013 u l-10 ta' Novembru 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li b’kollox, fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm 16-il trasferiment fil-Kunsill Malti għall-Isport. Minnhom tmienja talbu huma stess li jiġu trasferiti filwaqt li sebgħa oħra kellhom id-detailing revokat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport bejn l-1 ta' April 2013 u l-10 ta' Novembru 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kienu sebgħa l-persuni li daħlu jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-Isport. Minn dawn is-seba` persuni, ħamsa ġew minn entitajiet governattivi oħrajn filwaqt li persuna oħra ġiet ingaġġata wara sejħa għal post vakanti maħruġa taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Peress li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, f’paragrafu 2.1.54, jintqal li x-xogħlijiet tlestew fl-24 ta’ Settembru 2013, jista’ l-Ministru jikkonferma dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ingħatajt konferma li x-xogħol tlesta fl-24 ta' Settembru 2013 u l-kont finali nħareġ fit-23 ta' Ottubru 2013. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12180 dwar il-finishing.
Grawnd tal-football ħdejn l-iskola ta’ Maria Assunta – ftehim mal-Malta Football Association
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk waqax il-ftehim li kien hemm mal-Malta Football Association dwar l-investiment fil-grawnd biswit l-iskola ta’ Maria Assunta u għal liema raġuni? Kemm kien se jkun is-sehem tal-Malta Football Association (MFA) f’dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma jeżisti l-ebda ftehim mal-Malta Football Association dwar investiment fil-grawnd biswit l-iskola ta’ Marija Assunta.
Grawnd tal-futbol ħdejn l-iskola Maria Assunta — użu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa intenzjonat li jagħmel użu mill-grawnd biswit l-iskola ta’ Maria Assunta ladarba x-xogħol jitlesta kompletament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iżvilupp tal-grawnd biswit l-iskola ta’ Maria Assunta ser ikun żviluppat minn fondi tal-Ministeru. Hu maħsub li meta jitlesta l-grawnd, dan ikun għall-użu tal-istituzzjonijiet edukattivi u anke għaqdiet sportivi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar relatati max-xogħlijiet li kienu għaddejjin fl-aħħar ġimgħat fuq il-korsa taż-żwiemel f'Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma kellu x’jaqsam xejn ma’ xogħlijiet li saru dan l-aħħar ġimgħat fl-istess korsa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-rapport li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'rabta mal-mistoqsija parlamentari 11264? Fl-istess waqt, jista' jgħid kemm tħallsu kull membru li ffurmaw il-bord li ħadmu fuq l-istess rapport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ispiża dwar ir-rapport li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b’rabta mal-mistoqsija parlamentari 11264 kienet dik relatata mal-ħlas tal-membri li ffurmaw il-bord, jiġifieri:
Chairman
tal-bord – ammont gross ta’ €495.32
Żewġ membri tal-bord – ammont gross ta’ €173.88 kull wieħed
Segretarju tal-bord – ammont gross ta’ €173.88.
Malta Racing Club — Rapport – passi fil-konfront taċ-Chairman tal-KMS
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ittiħdux passi fil-konfront taċ-chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport meta kif indikat fir-rapport anness mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11264 f'pagna 9, l-istess chairman naqas f'żewġ okkażjonijiet li jitla' jixhed, kif kien obbligat li jagħmel, meta kien mitlub li jagħmel dan u x-xhieda tiegħu kienet ta' importanza kbira kif jindika l-istess rapport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħa nota tar-rapport u ser jieħu l-passi li huma xierqa biex jiġu salvagwardjati l-interessi tal-Kunsill Malti għall-Isport. Ninforma lill-Onor. Membru li l-Ministeru kkunsidra l-eżitu tar-Rapport ta’ Inkjesta u ser jieħu l-passi neċessarji biex dak li hu msemmi fir-rapport ma jiġix ripetut.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-għajnuna finanzjarja li ngħataw l-assoċjazzjonijiet sportivi b'mod individwali matul is-snin 2011, 2012, 2013 u 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Politika Nazzjonali tal-Isport – proċess ta’ konsultazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament fiex wasal il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Politka Nazzjonali tal-Isport? Meta mistennija tiġi varata u jekk l-Oppożizzjoni hijiex se tiġi kkonsultata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat għaddej bil-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ entitajiet f’oqsma differenti u hemm il-ħsieb li ssir konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.
L-ewwel dokument għal konsultazzjoni għandu jiġi mniedi matul il-ġimgħat li ġejjin.