Legislature:
Category:
Reset
Active:

il-Mellieħa — żona tal-Għoljiet - servizz ta' elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-aħħar jiem, residenti fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights) qed ikollhom is-servizz tal-elettriku fir-residenzi tagħhom maqtugħ b'mod regolari? Jista' jgħid x'miżuri ttieħdu sabiex dan l-inkonvenjent ma jibqax iseħħ kif seħħ fl-aħħar jiem ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi twettaq it-tibdil meħtieġ fis-sistema tad-distribuzzjoni sabiex dawn id-diffikultajiet jiġu evitati. Sadanittant, l-Enemalta qed tagħmel aktar studji tal-provvista tal-elettriku f’din iż-żona biex tiżgura li l-klijenti jieħdu s-servizz meħtieġ.

Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa — Ċentru ta' matul il-jum

Question

Jista' l-Ministru jara li l-prassi li dejjem intużat li fir-Residenza Dar il-Madonna tal-Mellieħa sa mill-ftuħ taċ-Ċentru ta' Matul il-Jum fl-istess binja, dak li meta anzjani ikollhom bżonn servizzi fl-istess residenza u jkunu qed jagħmlu użu ukoll miċ-Ċentru ta' Matul il-Jum, ma jintalbux joħorġu barra biex jużaw il-bieb prinċipali tar-residenza meta faċilment jistgħu jagħmlu użu minn bieb komuni li jinsab bejn iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum u l-istess residenza (dan meta hemm ukoll residenti f'Dar il-Madonna tal-Mellieħa li ukoll jagħmlu użu miċ-Ċentru ta' Matul il-Jum, apparti l-kesħa f'dawn iż-żminijiet tas-sena)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba sigurta’ fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, il-bieb komuni bejn id-Dar u ċ-Ċentru jintuża biss mill-membri anzjani li huma wkoll residenti ġewwa din id-Dar sabiex imorru ċ-Ċentru u lura d-Dar. Jużawh ukoll l-anzjani membri li jmorru għal-lezzjonijiet tal-aerobics li jsiru fid-Dar tal-Mellieħa.

Klabb tal-Water Polo — għajnuna finanzjarja minħabba ħsarat ta' pitch

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport jew xi entità oħra Governattiva, hux se tingħata għajnuna finanzjarja lill-Klabb tal-Waterpolo tas-Sirens għal ħsara li ġarrab il-pitch tal-istess klabb wara l-maltemp li għamel fl-aħħar jiem sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Klabb tal-Waterpolo tas-Sirens ma għamlu l-ebda talba ta’ għajnuna finanzjarja lill-Kunsill Malti għall-Isport. Madankollu ser issir laqgħa mal-klabb kkonċernat mis-segretarjat parlamentari responabbli mill-isport dwar ħsarat li ġarrab il-pitch tal-istess klabb wara l-maltemp ta' dan l-aħħar.
Leg 12 PQ #13084 Sitting 225 2015-01-12 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Kampanja pubbliċitarja u ta’ promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema kampanja pubbliċitarja u ta' promozzjoni għal pajjiżna ta sehmu bejn Ġunju 2014 u Novembru 2014 l-ex player internazzjonali Argentin li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li mieghu l-MTA ffirmat kuntratt f'Mejju li għadda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

F’Mejju tal-2014, l-MTA ħejjiet programm lil persuna msemmija separatament, fejn ġie mitlub sabiex jagħmel ‘filming u photo shoot’ f’Malta u f’Għawdex sabiex jintużaw bħala promozzjoni għall-Gżejjer tagħna fil-qasam tat-Turiżmu Sportiv u Gruppi ta’ inċentivi. Il-‘filming u photo shoot’ juru lill-persuna msemmija separatament jippratika numru ta’ attivitajiet sporitvi, fosthom kampijiet tat-training tal-futbol, ibburdjar, ċikliżmu, ‘rock climbing’, ‘diving’ u ‘kayaking’. Ġiet krejata ‘website’ li tinkludi ‘ebook’ u ‘video’ ­ tal-persuna msemmija separatament li jirritrattawh f’Malta, u numru ta’ ‘posters’ u ‘roll-ups’ li qed jintu¿aw f’numru ta’ fieri ġewwa l-Italja bhat-TTG Fair u l-MICE Roadshows . Fost aktar promozzjoni hemm kampanja pubbliċitarja fuq www.rai.it , kif ukoll promozzjonijiet fuq diversi ‘social media´ fosthom facebook, twitter u iblogdimalta. Ma’ jonqosx ukoll promozzjoni fuq www.visitmalta.it u www.meet-malta.it sabiex nattiraw gruppi ta’ inċentivi għall- ‘football training camps’ li ser ikun qed jieħu ħsiebhom il-persuna msemmija separatament. Dawn mistennija jsiru f’pajjiżna ghall-Marzu 2015. Din il-kampanja tkopri wkoll numru ta’ ‘newsletters’ li jintbagħtu lill-aġenti ta’ l-ivjaġġar ġewwa l-Italja li magħhom jsiru laqgħat minn xahar ghal xahar. Għaldaqstant tali promozzjoni li qed isir fuq diversi binarji għandha tkun ta’ inċentiv biex jiżdied it-turiżmu sportiv, kif ukoll it-turiżmu mill-Italja fuq bażi aktar wiesgħa.
Leg 12 PQ #13085 Sitting 225 2015-01-12 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – kuntratt ma’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid s’issa kemm ġie jiswa lill-MTA il-ftehim li sar mal-ex player Internazzjonali Argentin li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Peress illi l-ftehim bejn l-MTA u l-persuna msemmija separtament huwa ta’ natura kummerċjalment sensittiva, din l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.­

Il-Mellieħa – Triq il-Kortin — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti data meta mistenni jibda x-xogħol għall-bini mill-ġdid ta' Triq il-Kortin fil-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10962.

Is-Salina – tneħħija ta’ rampi

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-aħħar żviluppi fuq il-kwistjoni tat-tneħħija tar-rampi miż-żona tas-Salina u jekk wasalx għall-konkluzzjoni fuq liema triq alternattiva se tkun qed tintuża mit-tnejn indikati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol fuq is-sit ta’ Triq il-Kosta kompla skont il-permessi approvati u ninsab infurmat ukoll li sal-lum Transport Malta ma kellha l-ebda konklużjoni fuq l-aċċess permanenti għaż-żona tas-Salina Hamlet.

Kunsill tal-Marsa Racing Club – lista ta’ membri

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-membri li llum qed jiffurmaw il-Kunsill tal-Marsa Racing Club? Jista’ jgħid xi rwol, kariga u x'funzjoni għandu kull membru fi ħdan l-istess kunsill?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif inhu magħruf, minħabba r-riżenja uffiċjali ta’ Dr Matthew Brincat minn Chairman tal-Kunsill tal-Marsa Racing Club, għad iridu jerġgħu jkunu formulati r-rwoli, karigi u funzjonijiet ġodda ta’ kull membru fi ħdan l-istess kunsill.

Korsa tal-Marsa – diskussjonjiet ma’ kumpaniji privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex diskussjonijiet ma' kumpaniji privati (lokali jew barranin) jew individwi (lokali u/jew barranin) dwar il-privatizzazzjoni jew twaqqif ta' xi forma ta' public-private partnership għat-tmexxija tal-kumpless tal-korsa tal-Marsa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma kellu l-ebda diskussjonijiet ma’ kumpaniji privati jew individwi dwar il-privatizzazzjoni jew twaqqif ta' xi forma ta' public-private partnership għat-tmexxija tal-kumpless tal-korsa tal-Marsa.
Leg 12 PQ #13078 Sitting 224 2014-12-17 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Klabb tal-Ibburdjar — diskussjonijiet dwar post alternattiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasslu d-diskussjonijiet mal-klabb tal-ibburdjar tal-Vikings b'rabta mal-post alternattiv li ġew imwiegħda li se jingħataw?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant , biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #13079 Sitting 224 2014-12-17 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Klabb tal-Ibburdjar – għajnuna finanzjarja minħabba żgumbrament

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se tkun l-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-Gvern lill-klabb tal-ibburdjar tal-Vikings sabiex ikun jista' jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li se jiffaċċjaw wara li ġew żgumbrati mill-post li kienu jokkupaw għal dawn l-aħħar snin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onorevoli Membru sabiex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #13080 Sitting 224 2014-12-17 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Faċilitajiet Sportivi – ftehim bejn il-Gvern u l-Klabbs

Question

Jista' l-Prim Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-klabb ta' Naxxar Lions FC dwar il-faċilitajiet sportivi li jinkludu l-bini ta' grawnd ġdid tal-futbol għall-istess klabb?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onorevoli Membru li jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 10959
Leg 12 PQ #13081 Sitting 224 2014-12-17 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Mellieħa – bini ta’ kamra tan-nar

Question

Jista' l-Prim Ministru jaġġorna l-Kamra fiex wasslet l-applikazzjoni għall-bini ta' kamra tan-nar fil-Mellieħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-applikazzjoni PA5985/09 li kienet quddiem it-Tribunal ta l-Appell ,ġiet irrefferuta lura lill-EPC sabiex terga tiġi ikkunsidrata għal fini tar-regolamenti ġodda tal-kmamar tan-nar. L-appellant informa lit-Tribunal u għaldaqsant l-applikazzjoni qegħda tigi kkunsidrata.
Leg 12 PQ #13082 Sitting 224 2014-12-17 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Salina — twessigħ ta' triq - rimi ta' skart u terrapien

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm permessi mill-awtoritajiet ikkonċernati fosthom il-MEPA sabiex kuntratturi ta' Transport Malta teffgħu skart u terrapin fil-ġenb b'gaffa biex wessgħu triq fiż-żona residenzjali fis-Salina biswit il-Kappella tal-Lunzjata, liema triq uffiċjalment ma kenitx teżisti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

B'riferenża għall-Mistoqsija Parlamentari 13082, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija qiegħda sservi bħala aċċess temporanju għar-residenti tas-Salina Hamlet, liema aċċess huwa indikat fil-'phasing plan' tal-'Construction Management Plan' approvat bil-permess PA3758/09 għall-progett tal-Coast Road. Ix-xogħlijiet ikkonċernaw biss livellar biex it-triq tigi aktar aċċessibli ghar-residenti, liema aċċess kien ukoll ezistenti qabel beda dan il-progett.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa — Funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira

Question

B'rabta mal-proġett li ssemma mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li għalih kien hemm referenza f'mistoqsija parlamentari 10099, jista' l-Ministru jagħti garanzija li qabel ma jiġi deċiż li jsir il-proġett indikat, isiru l-istudji neċessarji kollha bhal mhuma dawk dwar l-impatt ambjentali u dak tat-traffiku kemm għaż-żona tal-Għadira kif ukoll għal dik residenzjali biswit il-knisja Parrokjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għamilha ċara mill-bidu li l-proġett tal-funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira għandu jitwettaq mill-privat wara li jsiru studji li jittrattaw id-diversi aspetti tiegħu. Infurmat li l-Kunsill Lokali għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar dan, anke waqt laqgħa li kellu mad-Deputati Parlamentari tad-Distrett, fit-2 ta’ Awwissu 2014, fejn l-Onor. Interpellant kien preżenti.

Kulleġġ Maria Reġina – xogħlijiet fuq il-parti ta’ barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol li qed isir fuq il-parti ta' barra tal-iskola primarja tal-Mellieħa li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina? Fuq l-istess proġett, jista' jgħid kemm ġej jiswa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li huwa ppjanat li x-xogħol li qed isir fuq il-parti ta' barra tal-iskola primarja tal-Mellieħa jitlesta sa l-aħħar ta' Marzu 2015. Huwa stmat li dan il-proġett ġej jiswa madwar €150,000.00.

Kulleġġ Maria Reġina — lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda jitħaddem il-lift li sar fl-aħħar ġimgħat fl-iskola Primarja tal-Mellieħa li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-lift imsemmi mill-Onor. Interpellant mistenni jibda jitħaddem sa l-aħħar ta' din is-sena.

Marsa Racing Club – lista ta’ membri fuq il-bord

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-membri li llum qed jiffurmaw il-bord tal-Marsa Racing Club ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m'għandna l-ebda bord tal-Marsa Racing Club.

KMS — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema huma l-proġetti ġodda li l-KMS se tkun qed tvara matul is-sena 2015 u kemm hemm flus ivvutati għal dawn l-istess proġetti ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-KMS ser ikun għaddej fuq numru ta’ proġetti fosthom riforma fl-istess KMS, assistenzi varji lill-għaqdiet sportivi u atleti, il-programm ta’ taħriġ lill-amministraturi b’valur ta’ 700,000 ewro, manutenzjoni tal-Pixxina Nazzjonali b’valur ta’ 1.5 miljun ewro, manutenzjoni fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera b’valur ta’ 200 elf ewro, u xogħol ieħor marbut mal-faċilitajiet sportivi tal-KMS. Dan minbarra xogħol li għaddej fuq il-pixxina u l-grawnd tal-futbol ta’ B’Bugia.

MotorSports u Shooting Range — diskussjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex diskussjonijiet ma' kumpaniji privati (lokali jew barranin ) dwar il-bini ta' trakka ġdida għall-MotorSports kif ukoll għal Shooting Range ġdida?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Le, il-Gvern għadu ma bediex diskussjonijiet ma’ entitajiet privati li jistgħu jkunu interessati f’dawn iż-żewġ proġetti.