Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi – Dar Residenzjali għal persuni b’diżabilità — residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-massimu ta’ residenti li tista’ tieħu d-Dar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità fis-Siġġiewi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-massimu ta’ residenti li tista’ tokkupa fiha d-Dar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità tas-Siġġiewi, huwa ta’ 4.

Għajnsielem – kriterji għall-għażla tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u fuq liema kriterji ġew magħżula l-ħaddiema li kienu Malta u li issa ntbagħtu jaħdmu fiċ-Ċentru għal Persuni b’Diżabilità li nfetaħ f’Għajnsielem?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent, il-Learning Hub t’Għawdex, qed joffri żewġ servizzi; iċ-Ċentru għat-Tagħlim immirat għal persuni b’diżabilità, kif ukoll taqsima li qed topera bħala customer care sabiex tiggwida klijenti prospettivi fuq is-servizzi kollha eżistenti tal-Aġenżija Sapport. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, il-ħaddiema intgħażlu skont il-grad u l-job description tax-xogħol tagħhom. Waħda mill-ħaddiema għandha l-grad ta’ Customer Care u hija l-unika ħaddiema Għawdxija tal-Aġenzija f’dan il-grad. Rigward dik il-ħaddiema li ntgħażlet għal grad ta’ Support Worker biex taħdem minn Għawdex, l-għażla saret fuq bażi ta’ kemm-il ħaddiema kienu ilhom impjegati mal-Aġenzija Sapport, kif ukoll ġew ikkunsidrati miżuri favur il-familja, hekk kif kien hemm żewġ impjegati fl-istess u bl-istess ammont ta’ snin u ġranet impjegati mal-Aġenzija. Ta’ min jirrimarka li, hekk kif għall-ewwel darba l-Aġenzija Sapport bdiet topera ukoll minn Għawdex, ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-Aġenzija f’Malta, għall-ewwel darba ukoll bdew jiġu trasferti lejn Għawdex.

Residenza San Vinċenz de Paul — kċina

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta mistennija tibda topera l-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-tender tal-kċina qiegħed fil-proċess biex jiġi evalwat.

Mellieħa – Taraġ il-Landiera — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq il-bini ta’ Taraġ il-Landiera fil-Mellieħa, liema nuqqas ta’ turġien qed joħloq inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet qatt ma rċieva xi talba għal xogħol fuq l-imsemmi taraġ.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq ser tkun qed tagħmel Transport Malta fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar matul l-2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha dawn ix-xogħlijiet ippjanati matul din is-sena fil-lokaltajiet imsemmija. Filwaqt li hemm xogħol li diġa nbeda, il-kumplament wasal f’diversi stadji ta’ preparamenti. Lokalità Triq Naxxar Santa Faustina ta’ Kowalska Naxxar San Injazju ta' Loyola San Pawl il-Baħar P/O Triq Papa Gwanni Pawlu II San Pawl il-Baħar p/o Tamar & Fugass San Pawl il-Baħar p/o Tamar & n/s Port Ruman Mellieħa Triq bejn Biedja & Raħħala Infakkar lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq it-toroq residenzjali jsir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma l-proġetti infrastrutturali li l-Gvern mistenni jagħmel matul is-sena 2016 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħolijiet mistenni jagħmel dawn ix-xogħolijiet infrastrutturali matul din is-sena, fl-imsemmija lokalitajiet; · Xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni fuq medda mill-moll tax-Xemxija. · Tiswija ta’ skal fiż-żona magħrufa bħala Tax-Xama’, San Pawl il-Baħar. Rigward ix-xogħlijiet li huma ipjanati li jsiru minn Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22856.
Leg 12 PQ #22848 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi

Fondi tal-Kawżi Ġusti – Mellieħa Sports — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir il-ħlas approvat lill-Mellieħa Sports b’rabta mal-Fondi tal-Kawżi Ġusti?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba għall-konsiderazzjoni tal-Bord tal-Fondi tal-Kawzi Ġusti, issa qed tiġi pproċessata.
Leg 12 PQ #22849 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk matul l-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar inbidlux il-prassi ta’ kif jinxtraw is-servizzi varji relatati ma’ din l-attività?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma nbidlu l-ebda prassi ta’ kif jinxtraw is-servizzi varji relatati mal-Festival tal-Logħob tan-Nar. Fejn ikun hemm bżonn dejjem intalbu l-kwotazzjonijiet u jekk ikun ta’ spiża sostanzjali toħroġ sejħa għall-offerti.
Leg 12 PQ #22850 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Klabb tal-Futbol – għotja ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22657, u jikkonferma jekk sarux laqgħat u effettivament kienx hemm qbil dwar għoti ta’ art lin-Naxxar Lions FC sabiex ikunu jistgħu jibnu faċilità sportiva?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 22661.
Leg 12 PQ #22851 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – site plan għal art għal faċilità sportiva

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22658 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan tal-art li ġiet imwiegħda mid-Dipartiment tal-Artijiet lin-Naxxar Lions FC apparti dik li kienet diġà mogħtija lill-istess għaqda sportiva Naxxarija mill-amministrazzjoni preċedenti u dan sabiex tkun tista’ tinbena faċilità sportiva mill-istess soċjetà sportiva?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 22850.
Leg 12 PQ #22852 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa – Ċimiterju Omm il-Ħniena

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti aġġornament dwar meta mistenni jibda x-xogħol fuq l-estensjoni taċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċimiterji li huma proprjetà tal-Gvern mhumiex amministrati mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern i¿da jaqgħu taħt is-Sanita’. Għaldaqstant l-Onor Membru huwa mitlub li jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Home Help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ individwi f’Malta u Għawdex li twaqqfilhom is-servizz tal-Home Help minħabba nuqqas ta’ ħaddiema bejn l-20 t’April 2015 u l-20 ta’ Jannar 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Il-Belt – twaqqif tas-servizz ta’ home help

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22214 u jgħid għal liema raġuni, bejn Novembru 2015 u Jannar 2016, numru ta’ anzjani mill-Belt Valletta twaqqfilhom is-servizz tal-home help b’mod temporanju jew permanenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Impjegati fis-settur tal-home help trasferiti għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22215, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li spiċċaw jagħtu s-servizz tagħhom fis-settur tal-home help u issa qed jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum bejn April 2013 u Diċembru 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – ftehim mal-Kunsill Malti għall-Isports – sessjonijiet ta’ eżerċizzju fiżiku

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk hemmx ftehim bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Kunsill Malti għall-Isport sabiex jibqgħu isiru żewġ sessjonijiet ta’ eżerċizzju fiżiku għall-anzjani fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ftehim tas-sessjonijiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Kunsill Malti għall-Isport (SportMalta) skada fl-aħħar tas-sena 2015 hekk kif stabbilit fl-Iskema Attivitajiet Sportivi 2014/2015. Preżentement din l-iskema qed tiġi riveduta.

Dar il-Madonna tal-Mellieħa – indoor gym

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu ma jintuża l-indoor gym li hemm f'Dar il-Madonna tal-Mellieħa, liema faċilità kienet immirata għall-anzjani li jiffrekwentaw iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum fl-istess binja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-aerobic sessions li kienu jsiru ġewwa l-indoor gym ġew trasferiti għal ġewwa ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fl-istess binja ġewwa Dar il-Madonna tal-Mellieħa, hekk kif l-attivitajiet fl-indoor gym żdiedu u d-domanda għal dawn l-attivitajiet organizzati żdiedet ukoll. Dan it-trasferiment sar b’effett minn Ottubru li għadda.

In-Naxxar — Hub għall-persuni b’diżabilità - applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni quddiem il-MEPA dwar il-bini ta' hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar? Jista’ jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq l-istess proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għadu għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni quddiem il-MEPA, fir-rigward tal-applikazzjoni dwar il-bini ta’ hub għall-persuni b’diżabilita’.

ETC – impjieg għal persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni b’diżabilità li sabu xogħol matul is-snin 2014 u 2015? Kemm minnhom sabu l-impjieg tagħhom mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità fis-snin 2010 sa 2015 hu kif se nsemmi: Sena Ingaġġ 2010 134 2011 127 2012 151 2013 147 2014 309 2015 543 Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa diffiċli biex tiddetermina kemm minnhom sabu l-impjieg tagħhom mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, peress li l-Korporazzjoni toffri dan is-servizz kemm lir-reġistranti tagħha kif ukoll lil individwi li ma jkunux jirreġistraw.

ETC – Persuni b’diżabilità li ngħataw impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ġeneru ta’ xogħol ingħataw impjieg persuni b’diżabilità mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, matul is-snin 2014 u 2015 b’mod separat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità fil-postijiet tax-xogħol fis-snin 2014 u 2015 huwa kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mellieħa, San Pawl u n-Naxxar – twaqqif tas-servizz ta’ Home Help

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22213 u jgħid kemm kienu dawk ir-residenti fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar (lokalità b’lokalità) li bejn Diċembru 2014 u Jannar 2016 twaqqfilhom is-servizz tal-home help b’mod temporanju jew permanenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.