Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Naxxar – Vjal il-Labour junction — talba

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk Transport Malta hijiex ser tilqa’ t-talba tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar sabiex issir roundabout fit-tarf ta’ Vjal il-Labour junction ma’ Triq Franġisku Pisani, fil-post fejn ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm inċident fatali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tippjana li tagħmel roundabout fil-post imsemmi. Dan il-progett se jsir skont il-prioritajiet, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

In-Naxxar – Vjal il-Labour — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se jibda x-xogħol ta’ tarmak fi Vjal il-Labour fin-Naxxar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema xogħlijiet ta’ tarmak tul Vjal il-Labour qed jirreferi għalihom.

Ċentru Leap ta’ Għawdex — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fiċ-Ċentru Leap ta' Għawdex, f’liema gradi huma dawn il-ħaddiema u x’inhu r-rwol ta' kull ħaddiem?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, maċ-Ċentru LEAP f’Għawdex hemm 2 ħaddiema, fil-grad ta’ Regional Development Agent u Junior Social Mentor. L-irwoli tagħhom, skont il-grad rispettiv, jinkludu: · Ir- Regional Development Agent huwa responsabbli biex jassisti lil maniġer fl-immaniġjar, koordinament u moniteraġġ tal-aspetti relatati maċ-ċentru li tiegħu huwa responsabbli; jisssorvelja x-xogħol imwettaq mil- Job Advisors , Social Mentors u l-Community Workers , u finalment ifittex li jikkolabora mal- istake holders involuti, bil-għan li tinħoloq kollaborazzjoni u relazzjoni b’saħħitha bejn il-partijiet biex ix-xogħol tal-proġett LEAP ikun effettiv. · Il-Junior Social Mentor huwa inkarigat milli jagħmel kuntatti ma’ diversi kumpaniji lokali biex l-benefiċjarji tal-programm LEAP ikunu integrati f’impjieg sodisfaċenti u wkoll ifittex li jassisti lill-klijenti f’dak li jkollhom bżonn tul il-programmi ta’ taħriġ li jkunu qegħdin isegwu.

Ċentru Leap ta’ Għawdex – ħaddiema sekondati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li huma ssekondati maċ-Ċentru Leap ta' Għawdex, xi grad kellhom dawn il-ħaddiema qabel ġew issekondati, mil-liema dipartiment jew entità governattiva ġew sekondati u xi grad u rwol għandhom issa fiċ-Ċentru Leap ta' Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda ħaddiem maċ-Ċentru LEAP ġewwa Għawdex li ġie ssekondat minn xi Dipartment jew Entita’ Governattiva oħra.

Ċentru Leap ta’ Għawdex – ħaddiema li ma kienux impjegati maċ-ċivil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li ma kenux impjegati maċ-ċivil jew ma’ xi entità governattiva oħra, qabel marru maċ-Ċentru Leap ta' Għawdex? Jista' jgħid kif ġew magħżula u xi grad għandhom fiċ-Ċentru Leap ta' Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, iż-żewġ impjegati li saret referenza għalihom f’Mistoqsija Parlamentari numru 24924, ġew magħżula wara li ħarġet sejħa pubblika għal pożizzjonijiet imsemmija.

Victims’ Fund

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-Victims’ Fund li ġiet imħabbra f’Settembru 2014? Kemm fih fondi, kemm ibbenefikaw nies minnu, u x’inhu l-proċess sabiex wieħed japplika għall-għajnuna taħt dan il-fond?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Korp tal-Pulizija – Att dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tal-Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar x’qiegħed isir fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jiġu osservati l-provvedimenti tal-Att Dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tal-Kriminalità (Kap. 539), u ċjoè kif il-vittmi qed jingħataw informazzjoni skont il-provvedimenti ta’ dan l-Att (ikolu. 4), kif qed issir il-valutazzjoni tal-vittmi skont l-artikolu12 ta’ dan l-Att, u fejn qed jiġu riferuti l-vittmi sabiex jingħataw is-sapport li għandhom jedd għalih skond l-artikolu 13 ta’ dan l-Att?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dwar il-provvediment tal-Att Dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tal-Kriminalità (Kap. 539 Artiklu. 4), ġewwa l-għases u fil-branki speċjalizzati, il-Pulizija għandha għal aċċess tal-pubbliku brouchers, business cards u leaflets provduti minn għaqdiet Governattivi u oħrajn non-Governattivi, b’informazzjoni dwar id-drittijiet li għandhom il-vittmi bis-saħħa ta’ dan l-Att u liġijiet oħrajn. Dan barra mill-awareness talks li jsiru mal-pubbliku sabiex jikber l’għarfien dwar id-drittijiet tagħhom meta jisfaw vittmi tal-kriminalità. Tfassal u jsir taħrig lir-rekluti f’l-Akkademja tal-Pulizija sabiex dawn ikunu infurmati dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, inkluz dawk ta’ kazi ta’ natura sensittiva u oħrajn ta’ nies vulnerabbli fost kazijiet oħra. Dwar il-valutazzjoni tal-vittmi skont l-artikolu 12 ta’ dan l-Att, il-Pulizija mhux l-entita responsabbli għal dan l-inkarigu. L-istess irid jingħad għal-riferimenti tal-vittmi sabiex jingħataw is-sapport li għandhom jedd għalih skond l-artikolu 13 ta’ dan l-Att, fejn l-entita jew aġenzija li toffri servizz ta’ appoġġ għal vittmi ta’kriminalità skond dan l-Att mhux il-Pulizija.

Żona residenzjali tas-Salina – xogħol fuq ir-railing

Question

Jista' l-Ministru jindika meta ser jitkompla u allura jitlesta x-xogħol fuq ir-railing fiż-żona residenzjali tas-Salina b’rabta max-xogħol ta' Triq il-Kosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet ġew temporarjament sospiżi wara talba mir-residenti, li ġiet aċċettata minn Transport Malta, biex isir xi tibdil fid-disinn. Ix-xogħlijiet għandhom jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin. Ta’ min jinnotta li s-sit kif inhi preżentament huwa wieħed sikur.

Proġett PIM Energhetica

Question

Apparti s-sehem tal-Wasteserv, jista’ l-Ministru jindika liema entitajiet governattivi oħra flimkien ma’ kunsilli lokali u organizzazzjonijiet oħra Maltin li kienu / għadhom parteċipi f’dan il-proġett iffinanzjat b’fondi Ewropej imsejjaħ PIM Energhetica?

Response (BRINCAT, LEO)

B’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13842, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett PIM Energhetica

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-Unjoni Ewropea hijiex se tkun qed timponi multi / ħlasijiet lill- / mill-partijiet involuti fil-proġett PIM Energhetica? Jekk iva, jista’ jagħti raġunijiet li waslu għal dawn il-multi / ħlasijiet imposti?

Response (BRINCAT, LEO)

B’żieda mat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 13842 u 24559, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li l-Ministeru m’għandu l-ebda informazzjoni dwar il-materja.

Adozzjonijiet – parir tal-Avukat Ġenerali

Question

B’rabta mal-qasam tal-adozzjonijiet, jista’ l-Ministru jindika dwar liema pajjiżi u sitwazzjonijiet intalab il-parir tal-Avukat Ġenerali u x’kienu l-pariri mogħtija mill-istess Avukat Ġenerali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-parir tal-Avukat Ġenerali jiġi mitlub meta jkun hemm l-ħtieġa, fuq materji marbuta ma’ adozzjonijiet minn pajjiżi terzi.

Adozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji aġġornati dwar adozzjonijiet (b’mod separat) mill-Albanija, mis-Slovakkja, mill-Vjetnam, mill-Istati Uniti, mir-Russja, mill-Bulgarija, mill-Indja u mill-Brażil?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta’ adozzjonijiet mill-Albanija, mill-Islovakkja u mill-Indja, il-proċess miexi b’mod normali u ġenituri adottivi prospettivi jistgħu jibgħatu l-applikazzjoni tagħhom f’dawn il-pajjiżi. Fil-każ ta’ adozzjonijiet mill-Vjetnam l-aġenzija akkreditata lokalment li tissodisfa l-kriterji stipulati mill-Awtorijitajiet tal-Vjetnam qiegħda tibgħat id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex eventwalment tiġi akkreditata mill-Awtorijitajiet tal-Vjetnam biex ikunu jistgħu jibdew l-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż. Barra minn hekk, fil-każ ta’ adozzjonijiet mir-Russja, waħda mill-aġenziji akkreditati lokalment qiegħda tiffaċilita’ l-proċess tal-adozzjoni minn dan il-pajjiż waqt li dwar adozzjonijiet mill-Bulgarija, l-aġenziji akkreditati lokalment ser jibdew jipproċedu bl-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż. Finalment, fil-każ ta’ adozzjonijiet mill-iStati Uniti tal-Amerika, l-Awtoritá Ċentrali qiegħda fil-preżent f’kuntatt ma’ aġenzija tal-adozzjoni Amerikana fil-waqt li fil-każ ta’ adozzjonijiet mill-Brażil hemm il-ħsieb li fil-futur qarib isiru laqgħat ġewwa l-Brażil bil-ħsieb li eventwalment jibdew ukoll l-adozzjonijiet minn dan il-pajjiż.

Qorti Ċivili – Avukat tat-Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar sentejn baqa’ ma’ kienx mimli l-post vakanti għat-tielet kariga ta’ Avukat tat-Tfal fil-Qorti Ċivili (Reġistru tal-Familja)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Qorti Ċivili – Avukat tat-Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar sentejn baqa’ ma’ kienx mimli l-post vakanti għat-tielet kariga ta’ Avukat tat-Tfal fil-Qorti Ċivili (Reġistru tal-Familja)?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-sejħa li kienet saret ma wasslitx għall-mili tal-post. Se jerġa’ jkun hemm sejħa fil-jiem li ġejjin bil-għan li l-post jimtela’.

Qorti Ċivili – Reġistru tal-Familja – avukati

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta u jekk hux beħsiebu jaħtar aktar avukati biex jaħdmu fil-qasam tar-Reġistru tal-Familja fil-Qorti Ċivili?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpallant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Qorti Ċivili – Reġistru tal-Familja – avukati

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta u jekk hux beħsiebu jaħtar aktar avukati biex jaħdmu fil-qasam tar-Reġistru tal-Familja fil-Qorti Ċivili?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega x’irid ifisser bil-frażi “ħatra ta’ aktar avukati biex jaħdmu fil-qasam tar-Reġistru tal-Familja fil-Qorti Ċivili.”

Covenant of Mayors

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji/riżultati aġġornati dwar riżultati li kisbu sa issa l-24 lokalità Maltija firmatarji fl-inizjattiva Covenant of Mayors b’rabta ma’ miri ċari għal tnaqqis ta’ emissjonijiet CO2 sas-sena 2020 (lokalità b’lokalità separatament)?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru konċernat.

Persuni b’diżabilità — impjiegi

Question

B’referenza għall-figura li ħareġ il-Gvern fl-aħħar jiem b’rabta mal-1,000 impjieg li nstab għall-persuni b’diżabilità fl-aħħar snin, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm minn dawn l-1,000 impjieg kienu impjiegi full-time, part-time, b’kuntratt definit kif ukoll taħt xi skema oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif qed tingħata fiż-żewġ tabelli t’hawn taħt, waħda għas-settur pubbliku u l-oħra għas-settur privat, kif se nsemmi: Settur Pubbliku Full-time Part-time Reduced Hours Indefinit 106 8 1 Definit 61 37 2 Total 167 45 3 Settur Privat Full-time Part-time Reduced Hours Indefinit 354 166 26 Definit 111 117 10 Total 465 283 36

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – minuti tas-seduti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-minuti tas-seduti tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa numri 35, 38, 45, 46, 47, 48, 49 u 50 fejn saret referenza għall- bye-law dwar tisjir fil-beraħ fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kunsilli Lokali joperaw b'mod awtonomu fil-parametri li trid il-ligi.