B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25021 relatata maż-zebra crossing quddiem Dar il-Madonna tal-Mellieħa, filwaqt li mhux se nikkontesta l-fatt li kollox sar skont il-pjanti jibqa’ l-fatt però li din iż-zebra crossing ġiet tfisser li kontinwament dawk il-persuni li qed jagħmlu użu minnha qed ikunu f'riskju li jintlaqtu minn vetturi peress li din tpoġġiet fi blind corner u fl-eventwalità li din iż-zebra crossing ma titneħħix (li bla dubju hija l-aħjar soluzzjoni sakemm ma ssirx f'post aktar sikur), jista' l-Ministru jgħid f'każ ta' inċident min se jerfa’ r-responsabilità jekk hux il-kunsill lokali jew Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ż-zebra crossing inkwistjoni ġiet iddisinjata skont l-istandards relevanti, u li jippermettu li tali crossing issir fil-post indikat.
B’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jittratta l-Ħarsien tat-Tfal u li issa ilu mwaħħal fi stadju tal-ewwel qari sa minn Marzu 2014 , jista’ l-Ministru jgħid ma’ min ikkonsulta fuq il-qasam relatat mal-adozzjonijiet u meta beħsiebu jressaq għat-tieni qari dan l-istess abbozz li ovvjament jittratta wkoll oqsma oħra li jirrelataw mat-tfal?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diskussjonijiet b’mod ħolistiku mal-istakeholders.
Awtorità Ċentrali responsabbli mill-Adozzjonijiet – adozzjonijiet minn pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ The Hague
Question
Ma jaħsibx il-Ministru li hemm kontradizzjonijiet mhux żgħar meta d-direttur li tmexxi l-Uffiċċju tal-Adozzjonijiet f`pajjiżna, f`intervista riċenti fuq The Times, qalet li l-Awtorità Ċentrali f’pajjiżna responsabbli mill-adozzjonijiet tippreferi taħdem ma’ pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ The Hague imbagħad f’risposta parlamentari li ngħatat fis-seduta tat- 2 ta’ Mejju jissemmew pajjiżi li mhumiex firmatarji fl-istess konvenzjoni b’aċċenn dirett fuq il-Kosovo u l-Ghana?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-aħjar interess tat-tfal, l-Awtorità Ċentrali tippreferi taħdem ma’ pajjiżi li huma wkoll ikunu firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Ajja minħabba l-fatt li pajjiżi membri jkunu obbligati jkollhom Awtorità Ċentrali li tassigura li l-proċess tal-adozzjoni jkun dejjem fl-interess tat-tfal.
Fid-dawl tal-fatt li n-numru tal-adozzjonijiet qiegħed kull ma jmur jonqos, l-Awtorità Ċentrali tibqa’ tesplora opportunitajiet ma’ pajjiżi ġodda, specjalment jekk dawn il-pajjizi jkollhom relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta. L-Awtorità Ċentrali għandha l-ħsieb li taħdem mal-Ghana la darba dawn tal-aħħar isiru firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Ajja.
Kuntatt ma’ nazzjonijiet li mhumiex firmatarji fil-Konvenzjoni ta’ The Hague
Question
Jista’ l-Ministru jispjega l-fatt li hu personalment jista’ jagħmel kuntatti ma’ nazzjonijiet li mhumiex firmatarji fil-Konvenzjoni ta’ The Hague imbagħad l-Awtorità Ċentrali ma tistax?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità Ċentrali tista’ tagħmel kuntatt kemm ma’ pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni kif ukoll ma’ pajjiżi mhux firmatarji, bħalma fil-fatt qed jagħmel.
Ma jaħsibx il-Ministru li l-informazzjoni li ngħatat fir-risposta parlamentari 18925 b’rabta mas-sitwazzjoni suppost aġġornata dwar l-adozzjonijiet mal-Kosovo, hija ferm ‘il bogħod mill-verità tal-fatti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtoritajiet tal-Kosovo ddiskutew mal-Awtoritajiet Maltin il-kwistjoni tal-adozzjonijiet mill-Kosovo, kemm fil-Kosovo kif ukoll waqt żjara li l-Ministru kkonċernat għamel f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-informazzjoni li ngħataw mill-Awtorità Ċentrali Maltija responsabbli mill-adozzjonijiet il-koppji/l-individwi u l-aġenziji involuti dwar adozzjonijiet mill-Istati Uniti tikkorrispondix ma’ kif inhuma l-affarijiet fil-verità attwalment ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità Ċentrali tagħti l-informazzjoni dwar il-fatti li jiġu ppreżentati lilha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru adozzjonijiet u mil-liema pajjiżi, bejn l-1 ta' Jannar u l-1 ta' Mejju 2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità Ċentrali tieħu ħsieb tiġbor l-istatistika mingħand l-aġenziji akkreditati darbtejn f’sena; jiġifieri f’Lulju għall-perjodu Jannar sa Ġunju tal-istess sena u f’Jannar għall-perjodu Lulju sa Diċembru tas-sena ta’ qabel. Għaldaqshekk bħalma nittama li l-Onorevoli Interpellant jaf, l-informazzjoni mitluba minu ma tistax tingħata hekk kif għadha mhijiex aċċessibli.
Adozzjonijiet ta’ tfal barranin minn individwi single
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’kienet ir-raġuni li applikazzjonijiet għall-adozzjoni mill-Islovakkja minn individwi single Maltin ntbagħtu kollha lura u prattikament ġew ikkanċellati, xi ħaġa li minkejja li ssemmiet is-Slovakkja fid-domanda parlamentari 18925 fl-ebda ħin ma kien hemm aċċenn għal dan il-fatt anke meta din is-sitwazzjoni seħħet qabel ma ngħatat ir-risposta fil-Parlament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtoritajiet tas-Slovakkja nfurmaw lill-aġenziji akkreditati lokalment kif ukoll lill-Awtorità Ċentrali li l-applikazzjonijiet minn individwi single jiġu milqugħa biss f’każijiet rari meta dan ikun fl-aħjar interess tat-tfal. L-Awtorità Ċentrali ġiet mgħarrfa f’dan ir-rigward permezz ta’ imejl mibgħuta mill-Awtoritajiet tas-Slovakkja riċentament.
Dan ma jfissirx li se jitwaqqfu dossiers ta’ persuni single milli jintbagħtu.
Awtorità Ċentrali responsabbli mill-adozzjonijiet – żieda fir-riżorsi umani
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk hux se jżid ir-riżorsi umani fl-Awtorità Ċentrali responsabbli mill-adozzjonijiet anke peress li fil-preżent, minħabba ċirkostanzi varji, kompla żdied in-nuqqas ta’ persuni li jaħdmu fl-istess uffiċċju?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għalkemm id-Dipartiment għall-Istandards fil-Ħarsien Soċjali qiegħed fil-proċess li jżid ir-riżorsi umani tiegħu fil-qasam tal-Awtorita’ Ċentrali, ix-xogħol dejjem mexa b’mod regolari u l-prijoritajiet dejjem ingħataw skont il-ħtieġa.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ Ċentrali m’għandhiex xogħol pendenti.
Awtorità ċentrali responsabbli mill-adozzjonijiet – Ġenituri Prospettivi – bidla fit-tmexxija tal-Awtorità Ċentrali
Question
Ma jaħsibx il-Ministru li fid-dawl tal-problemi kbar li qed jaffaċċjaw il-PAPs (Adozzjoni – Ġenituri Prospettivi) u l-aġenziji akkreditati f’pajjiżna b’rabta mal-qasam tal-adozzjonijiet, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija lilhom , nuqqas ta’ konsultazzjoni , nuqqas ta’ sensittività , dewmien u fuq kollox tmexxija bla direzzjoni, wasalx iż-żmien li jkun hemm bidla radikali fil-mod kif qed titmexxa l-Awtorità Ċentrali responsabbli minn qasam daqshekk sensittiv bħalma huwa dak tal-adozzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità Ċentrali dejjem tgħaddi l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha lill-aġenziji akkreditati lokalment sabiex dawn jgħadduha lill-ġenituri adottivi prospettivi.
Wieħed irid ifakkar li, l-Awtorità Ċentrali għandha l-funzjoni ta’ regolatur, u għalhekk, id-direzzjoni toħroġ mill-obbligi tagħha skont il-liġi, li tara li l-adozzjonijiet li jsiru jkunu skont ir-regoli tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali li Malta hija firmatarja tagħhom, filwaqt li tkun ukoll konformi mal-liġijiet lokali. Filfatt, id-direzzjoni u t-tmexxija tal-Awtorità Ċentrali hija ffukata sabiex tiżgura li f’kull ħin jiġu osservati il-liġijiet lokali kif ukoll internazzjonali, id-drittijiet tal-ġenituri adottivi prospettivi, u d-drittijiet tat-tfal. Dawn id-doveri u d-dmirijiet huma suġġetti għalihom ukoll l-aġenziji tal-adozzjoni li huma akkreditati mill-Awtorità Ċentrali. Dan ma jnaqqasx ukoll mill-fatt li l-Awtorità Ċentrali tagħmel dak kollu possibli sabiex jinfetħu opportunitajiet ġodda ta’ adozzjonijiet internazzjonali, għalkemm kif ġie kkomunikat mal-aġenziji akkreditati lokalment diversi drabi, tibqa’ l-prerogattiva tas-
sending country
li tiddeċiedi f’liema pajjiż tibgħat it-tfal tagħha.
Ikun tajjeb li l-aġenziji joqogħdu fuq il-gwida li tingħata lilhom mill-Awtorita’ Ċentrali.
Tajjeb ukoll li l-Onorevoli Membru jifhem aħjar kif jimxi l-proċess ta’ inter-country adoption.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-bord responsabbli mill-adozzjonijiet bejn Jannar 2014 u April 2016 ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevolio Interpellant illi, bejn Jannar 2014 u April 2016, il-Bord tal-Adozzjoni ltaqa’ 35 darba. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bord iltaqa’ minn tal-inqas darba fix-xahar, skont kif stipulat fil-Liġi, u ġieli saħansitra anke aktar, skont il-bżonn.
Bord responsabbli mill-adozzjonijiet – laqgħat imħassra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba tħassru laqgħat tal-bord responsabbli mill-adozzjonijiet f’pajjiżna bejn Jannar 2014 u April 2016 minħabba nuqqas ta’ kworum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bejn Jannar 2014 u April 2016, il-Bord għall-Adozzjoni dejjem iltaqa’ darba fix-xahar, skont kif stipulat fil-Liġi. Kull darba li tħassret xi laqgħa minħabba ċirkostanzi li ma kienx hemm kontroll fuqhom, dejjem saru arranġamenti biex il-laqgħa issir f’data oħra fil-viċin, fl-istess xahar.
Bord responsabbli mill-Adozzjonijiet — deċiżjonijiet li jdumu biex jittieħdu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabbli għalih li koppji/individwi li jkunu qed jistennew dokumenti jew deċiżjonijiet mill-Bord responsabbli mill-Adozzjonijiet jew mill-Awtorità Ċentrali, jitħallew ġimgħat u saħansitra xhur bla risposta jew anke f’każijiet regolari lanqas biss ma jiġu mwieġba korrispondenza li tkun intbagħtet mill-istess koppji/individwi jew aġenziji ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorità Ċentrali u l-Bord għall-Adozzjonijiet huma żewġ entitajiet separati minn xulxin.
Il-Bord għall-Adozzjoni dejjem bagħat ir-risposti tiegħu lill-koppji kkonċernati sa ftit ġranet wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni.
L-Awtorità Ċentrali, mill-banda l-oħra, tipprovdi d-dokumenti lill-ġenituri addottivi prospettivi, wara li jkunu saru l-investigazzjonijiet meħtieġa. L-Awtorità Ċentrali dejjem tara li twieġeb korrispondenza mibgħuta lilha. Ġenituri addottivi prospettivi li jagħmlu kuntatt dirett mal-Awtorità Ċentrali jiġu wkoll riferuti lill-aġenziji li huma akkreditati biex joffru servizzi ta’ adozzjoni.
Għalhekk jagħmel tajjeb l-Onor Interpellant li jekk iltaqa’ ma xi każ partikoalri jipprovdili d-dettalji ħalli nkun nista ninvestigah u ninfurmah bl-eżitu minflok joqgħod jiġġeneralizza.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar/Buġibba – distanza minn Bieb il-Belt
Question
Jista’ l-Ministru jara biex l-inkonvenjent li qed jiġi kkawżat għar-residenti tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar/Buġibba minħabba d-distanza twila li teżisti minn Bieb il-Belt għall-post fil-venda tal-Belt minn fejn jibda u jispiċċa s-servizz lejn il-lokalitajiet indikati jiġi rimedjat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-introduzzjoni tan-network il-ġdid li daħal fis-seħħ f’ Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra fisser li aktar vjaġġi bdew jibdew u jispiċċaw ġewwa il-venda tal-Belt Valletta. Il-venda kif kienet ma’ setatx tlaħħaq ma’ din iż-żieda u għaldaqstant, inħass il-bżonn li l-venda tiġi estiża b’14-il bus bay ġdida.
Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li l-inħawi madwar il-funtana tat-Tritoni ser tiġi żviluppata f’żona pedonali u għaldaqstant tali żvilupp ma setax isir f’din iż-żona. Fit-tieni fażi tal-proġett tal-estensjoni tal-venda tal-Belt Valletta qed jiġi ppjanat sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess minn din iż-żona tal-venda lejn il-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jara li titreġġa’ lura d-deċiżjoni insensittiva li ttieħdet fl-aħħar ġimgħat li fi Triq Qasam Barrani kantuniera ma’ Triq Ġnien Ingraw biswit Dar il-Madonna tal-Mellieħa saret zebra crossing , liema zebra crossing tista’ tkun il-kaġun ta’ aċċident/i fatali minn ħin għal ieħor ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm talba mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex tiġi mplimentata zebra crossing fl-inħawi ta’ Triq il-Wied k/m Triq Ġnien Ingraw k/m Triq Qalb Imqaddsa. Din it-talba ġiet evalwata u tħejjew il-pjanti neċessarji, skont kriterji stabbiliti, sabiex tiġi mplimentata din iz-zebra crossing. Din iz-zebra crossing ġiet implimentata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u kollox sar skont il-pjanti approvati.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – frekwenza tar-rotot
Question
Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar li se jkun qed jerġa’ jimmodifika b’mod immedjat il-frekwenza tar-rotot lejn u minn dawn il-lokalitajiet peress li t-tibdil li sar dan l-aħħar qed jikkawża inkonvenjent kontinwu minħabba li l-istess residenti qed ikollhom jistennew ħinijiet twal biex jinqdew bis-servizz tat-Trasport Pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tan-network il-ġdid tat-trasport pubbliku, il-lokalitajiet imsemmijja tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar kif ukoll in-Naxxar raw żieda kemm fil-frekwenza kif ukoll fin-numru tar-rotot li jservu dawn il-lokalitajiet. Dan it-tibdil ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22261.
Minkejja dan, konxji mill-fatt li n-numru ta’ passiġġieri qiegħed jiżdied u li huwa mistenni li jkompli jiżdied fix-xhur tas-sajf, il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura, Transport Malta kif ukoll l-operatur tat-trasport pubbliku, qegħdin jevalwaw is-sitwazzjoni bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex it-trasport pubbliku f’dawn l-inħawi jkompli jitjieb.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-triq alternattiva għar-residenti tas-Salina fiż-żona residenzjali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq it-triq għaż-żona residenzjali tas-Salina mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju, sakemm ma jinqalgħux intoppi bħal per eżempju jekk jinstabu xi fdalijiet arkeoloġiċi u/jew ta’natura kulturali importanti, peress li nafu li din hija żona sensittiva ħafna.
Jista’ l-Ministru jindika meta mistennija jitwaħħlu l-bus shelters tul Triq il-Kosta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, hekk kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 24652, Transport Malta qed tiltaqa ma’ diffikultajiet mal-kuntrattur eżistenti sabiex jiġu nstallati bus shelters ġodda. Għaldaqstant, Transport Malta qiegħda fi proċess li ssib alternattivi oħra, liema alternattivi ser ikunu mħabbra fil-futur qrib, sabiex jiġu nstallati bus shelters f’diversi lokalitajiet.
Jista’ l-Ministru jindika għal liema raġuni twaqqaf is-servizz tat-Trasport Pubbliku fuq ir-Rotta 46 li kienet tgħaddi minn San Pawl tat-Tarġa u issa m’għadhiex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-modifiki li daħlu fis-seħħ fis-17 t’April 2016, ir-rotta 260 li taqdi l-inħawi ta’ San Pawl tat-Tarġa ġiet estiża sabiex tibqa’ sejra il-Belt Valletta. Għaldaqstant, ir- residenti ta’ dawn l-inħawi għandhom konnessjoni kemm għall-Isptar Mater Dei kif ukoll għall-Belt Valletta fuq l-istess rotta.
Fl-istess ħin ir-rotta 46 ġiet imqassra u b’hekk il-ħin tal-vjaġġ lejn il-Belt tnaqqas.
Residenti Naxxarin – trasport pubbliku – Rotot 31 u 45
Question
Minħabba inkonvenjent li qed isofru r-residenti Naxxarin, jista’ l-Ministru jara li l-frekwenza tas-servizz tat-Trasport Pubbliku fuq ir-rotot 31 u 45 terġa’ tiġi lura għal kif kienet sa ftit ta’ xhur ilu u mhux kif ġiet issa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tan-network il-ġdid ġiet introdotta rotta ġdida bin-numru 46. Din ir-rotta tgħaqqad il-lokalita’ tal-Għargħur mal-Belt Valletta u fi triqitha tgħaddi miċ-ċentru tan-Naxxar. Din ir-rotta għandha frekwenza ta’ 3 vjaġġi fis-siegħa fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala peak filgħodu. Minbarra l-introduzzjoni ta’ din ir-rotta, ir-rotta 43, li għandha frekwenza ta’ 3 vjaġġi fis-siegħa fil-ħinijiet peak ta’ filgħodu, ġiet modifikata sabiex fi triqitha lejn il-Belt Valletta tgħaddi miċ-ċentru tal-istess lokalita’. Dan it-tibdil ifisser żieda fin-numru ta’ vjaġġi li qegħdin joperaw minn din il-lokalita’.