Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1- xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika x'tip ta' xogħol relatat ma' kostruzzjoni jew tisbiħ beda jsir fl-aħħar jiem fis-Sala Rużar Briffa u meta mistenni jkun lest dan l-istess xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, it-tip ta’ xogħol li sar sa issa fis-Sala Rużar Briffa 1, jinvolvi relokazzjoni tar-residenti, żbarazzar tal-kmamar u qlugħ ta’ asbestos, sabiex eventwalment ikun jista’ jibda x-xogħol tat-twaqqigħ u kostruzzjoni.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 – Proċeduri fuq saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti relatati ma' proċeduri fuq saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol li suppost qed jiġu osservati waqt li għaddej ix-xogħol fis-Sala Rużar Briffa 1 fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-proċeduri fuq saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma nklużi fil-kuntratt tal-kostruzzjoni u dan skont ir-regoli, liġijiet u prattiċi stabbiliti.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 – pazjenti/residenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-pazjenti/residenti li bħalissa hemm fis-Sala Rużar Briffa 1 fir-Residenza San Vinċenz De Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sakemm jiġi eżegwit il-proġett, fis-Sala Rużar Briffa 1 hemm 24 resident.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 — trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jindika ta' min kienet id-deċiżjoni li fl-aħħar jiem pazjenti/residenti li kien hemm fis-Sala Rużar Briffa 1 f'San Vinċenz de Paule ġew trasferiti fil-foyer tal-kumpless Rużar Briffa fl-istess residenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-ebda resident fis-sala Ruzar Briffa 1 ma ġie trasferit fil-foyer tal-kumpless. Ir-Residenti għaddew mill-foyer waqt it-trasferiment minn sala għal oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 — anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jkun qed jieħu fil-konfront ta' min wera nuqqas ta' rispett u dinjità fil-konfront tal-anzjani residenti fis-Sala Rużar Briffa 1 fir-Residenza San Vinċenz de Paule, meta fl-aħħar jiem inbeda xogħol ta' kostruzzjoni u manutenzjoni u l-istess residenti tħallew fis-sala waqt li kienu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-ebda ħin ma sar xogħol ta’ kostruzzjoni fil-preżenza tar-residenti.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġej jiswa x-xogħol li qed isir fis-Sala Rużar Briffa 1 fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ix-xogħol li qed isir fis-Sala Rużar Briffa 1 se jiġi jiswa madwar €2,442,000.

Il-Manikata – impatt u mmaniġġar tat-traffiku

Question

B'rabta mal-ammont tat-traffiku dejjem jiżdied fil-lokalità tal-Manikata, jista' l-Ministru jara li Transport Malta tikkummissjona rapport dwar l-impatt u l-immaniġġar tat-traffiku f'din il-lokalità u dan anke fid-dawl tal-kwistjoni ta' Sqaq Ħarruba li ilha tkaxkar numru ta' snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-problema tat-traffiku fil-Manikata hija minħabba li Triq tal-Wilġa u Triq il-Manikata huma dojoq u ma jifilħux għal vetturi fiż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku. Għaldaqstant, Transport Malta ħejjiet proposta sabiex Triq tal-Wilġa u Triq il-Manikata jsiru f’direzzjoni waħda lejn Triq Għajn Tuffieħa. Din il-proposta ser tiġi diskussa mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Il-każ ta’ Sqaq Ħarruba mhux każ ta’ mmanniġġjar tat-traffiku għax tali passaġġ mhux skedat bħala triq pubblika.
Leg 12 PQ #25678 Sitting 395 2016-05-30 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Manikata – Sqaq Ħarruba — każ

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar fiex wasal il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament quddiem it-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (159/14) dwar il-kwistjoni relatata ma' Sqaq Ħarruba bejn ir-residenti u l-Kunsill Lokali liema sqaq jinsab fil-lokalità tal-Manikata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab informat li l-proceduri tal-appell inkwistjoni, Appell Numru 159/14, għadhom pendenti quddiem it-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u skont l-ahhar seduta tas-26 t’April, 2016 il-każ ġie mholli għal deċizjoni b’fakulta ta’ sottomissjonijiet finali mill-partijiet. It-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, bħala entita’ quasi-gudizzjarja ma jistax ikun soġġett għall-kontroll jew direzzjoni ta’ xi persuna jew awtorita’. F’dan ir-rigward it-Tribunal mhux f’pozizzjoni u lanqas huwa opportun ghall-istess Tribunal li b’xi mod jikkummenta, jesprimi jew jinforma dwar fatti, jew provi li setgħu tressqu jew ma tressqux quddiemu fid-dawl tal-principji ta’ fair hearing u process gust.
Leg 12 PQ #25679 Sitting 395 2016-05-30 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Manikata – Sqaq Ħarruba – Studju dwar l-impatt tat-traffiku

Question

B'rabta mal-każ li preżentament jinsab quddiem it-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (159/14), jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-istess tribunal għandux għad-dispożizzjoni tiegħu studju dwar l-impatt tat-traffiku fil-lokalità tal-Manikata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 25678.

Il-Manikata – Sqaq Ħarruba – preżenza ta’ pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar preżenza tal-pulizija fil-lokalità tal-Manikata, dan anke b'rabta mal-abbużi regolari tat-traffiku li qed ikun hemm speċjalment fiż-żona ta' Sqaq Ħarruba?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-kontenut tat-talba tiegħu diġa ġiet ikkomunikata lill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku u dawk tad-Distrett, biex minnufih tiżdied il-preżenza tagħhom fil-lokalità msemmija permezz ta' ronda, anke fid-dawl ta' l-allegati abbużi tat-traffiku li jkun hemm fiż-żona indikata.

Il-Manikata – Sqaq Ħarruba – preżenza ta’ Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar preżenza ta' Gwardjani Lokali fil-lokalità tal-Manikata, dan anke b'rabta mal-abbużi regolari tat-traffiku li qed ikun hemm speċjalment fiż-żona ta' Sqaq Ħarruba?

Response (BONNICI, OWEN)

Din il-prosposta ta’ Infurzar Lokali f’din l-akwata ser tiġi konsiderata wara illi ser issir sorveljanza tas-sit u jiġu identifikati l-abbużi imsemmija.

Residenza San Vinċenz de Paule – Sala Rużar Briffa 1 — tenders

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi d-dokumenti kollha relatati ma' tenders li nħarrġu jew ingħataw biex kuntrattur/i setgħu jibdew xogħol fis-Sala Rużar Briffa 1 fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, t-tenders kollha saru bil-proċess ta’ e-tendering. Sa issa kienu mgħotija it- tenders segwenti: · Tender għal twaqqiegħ u kostruzzjoni għall-ammont ta’ €369,384.57 mingħajr VAT. CFT/SVP/903 – liema tender kien ppublikat nhar il-15 ta’ Jannar 2016 u awarded nhar id-29 ta’ April 2016. · Tender għal tneħħija ta’ pajpijiet tal-asbestos għall-ammont ta’ €3,550 mingħajr VAT. SVP/959/2016 – liema tender ġie awarded fis- 27 ta’ Mejju 2016. Tender għal tneħħija tal-asbestos sockets ta’ drenaġġ għall-ammont ta’ €5,950 mingħajr VAT. SVP/960/2016 – liema tender ġie awarded fis-27 ta’ Mejju 2016.

Żona residenzjali tas-Salina – xogħol fuq triq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24957 ma jidhirlux il-Ministru li dan id-dewmien kollu fit-tlestija ta’ triq alternattiva għar-residenti tas-Salina huwa ingann min-naħa ta' Trasport Malta lejn l-istess residenti u dan peress li kemm Transport Malta kif ukoll l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ilhom snin jafu li f'din iż-żona kien hemm fdalijiet arkeoloġiċi tant li saħansitra snin ilu kienu wkoll ingħataw fondi Ewropej sabiex din iż-żona tiġi mħarrsa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom kienu kkundizzjonati mill-kostruzzjoni ta’ Triq il-Kosta. It-triq inkwistjoni ma setgħetx tinbena fl-istess perjodu meta kienet qed tinbena Triq il-Kosta għax kieku r-residenti kienu jispiċċaw imċaħda totalment mill-aċċess għar-residenzi tagħhom. Għaldaqstant, l-imsemmi finanzjar b’fondi mill-Ewropa m'għandu ebda effett fuq il-kawża inkwistjoni u Transport Malta ticħad kategorikament li ppruvat u wisq inqas ngannat lil xi ħadd.

In-Naxxar – Vjal il-Labour junction — talba

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25018 rigward talba biex issir roundabout fit-tarf ta' Vjal il-Labour junction ma' Triq Franġisk Pisani fin-Naxxar, ma jidhirlux il-Ministru li din it-talba għandha tkun u tingħata prijorià massima anke għall-fatt li fuq il-post indikat seħħ aċċident fatali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett huwa fi stadju ta’ ppjanar u eventwalment se jkun hemm bżonn ta’ xi esprorpjazzjoni. Il-proġett se jsir skont prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess ta’ akwist. Nitlob lill-Onor. Interpellant jissostanzja l-allegazzjoni tiegħu fejn qed jindika li l-assenza tar-rawndabout ikkawżat inċident fatali. F’każ illi l-Onor. Interpellant jonqos milli jagħmel dan inħossni obligat nenfasizza l-bżonn ta’ kawtela meta jingħaddu ċertu dikjarazzjonijiet għax qed tingħata l-impressjoni li l-infrastruttura qiegħda, b’ xi mod dirett jew indirett, tikkawża l-inċidenti. Huwa fatt stabbilit li ħafna mill-inċidenti huma kkawzati minn traskuraġni fis-sewqan. Jekk irridu verament innaqqsu d-disgrazzji fuq it-toroq tagħna hemm bżonn nindirizzaw dan il-fattur l-ewwel u qabel kollox. Dikjarazzjonijiet bħal dawk li saru f’din il-Mistoqsija Parlamentari jmorru fid-direzzjoni opposta.

Victims’ Fund

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24954 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-Victims’ Fund li ġiet imħabbra f’Settembru 2014? Kemm fih fondi, kemm ibbenefikaw nies minnu, u x’inhu l-proċess sabiex wieħed japplika għall-għajnuna taħt dan il-fond?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità Ċentrali tal-Adozzjonijiet — Applikazzjonijiet għal Adozzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-adozzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità Ċentrali sal-1 ta' Mejju 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalma suppost jaf, l-Awtorità Ċentrali ma tilqax applikazzjonijiet għall-adozzjonijiet. Huma l-aġenziji akkreditati li jiffaċilitaw l-applikazzjonijiet f’isem il-ġenituri addottivi prospettivi.

Adozzjonijiet minn aġenziji privati — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-adozzjonijiet f'pajjiżna li qed jaħdmu fuqhom aġenziji privati sal-1 ta’ Mejju 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25327, l-informazzjoni mitluba minnu, għal perijodi indikat, ma tistax tingħata hekk kif għadha mhix aċċessibli.

Telgħa tax-Xemxija – bus stop — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bus stop li hemm fit-telgħa tax-Xemxija li jinsab biswit il-Knisja tax-Xemxija jsirlu l-manutenzjoni meħtieġa fejn saħansitra anke l-bank li jinsab fil-bus shelter huwa mkisser?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew sar xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bus shelter imsemmi, fejn anki twaħħal bank li fuqu jkunu jistgħu joqgħodu bilqegħda dawk il-persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar/Buġibba – distanza minn Bieb il-Belt

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25020 mogħtija fis-seduta tas-27 ta' April relatata mad-distanza twila li residenti tal-Mellieħa, San Pawl u n-Naxxar qed ikollhom jimxu sakemm jaslu mill-venda tal-Belt għall-Bieb il-Belt, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett tal-estensjoni tal-istess venda, liema proġett suppost se jkun qed inaqqas dan l-inkonvenjent lill-istess residenti u lil dawk il-persuni li jkunu jridu jużaw is-servizz lejn din iż-żona ta' pajjiżna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fażi tal-proġett għall-estensjoni tal-venda tal-Belt għadha fil-fażi preliminari ta’ ppjanar u għaldaqstant għadhom ma ġewx stabbiliti timeframes speċifiċi għax-xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra – servizz tat-trasport pubbliku

Question

Minħabba inkonvenjent li diġà qed jesperjenzaw residenti tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra, jista' l-Ministru jara li s-servizz offrut mill-Belt u lura jrikkeb biss residenti minn dawn il-lokalitajiet u dan peress li b'mod regolari passiġġieri li joqogħdu f'dawn l-akkwati qed ikunu kostretti jistennew ħinijiet twal biex jinqdew bis-servizz tat-trasport pubbliku peress li l-karozzi tal-linja destinazzjoni Mellieħa u lura, qed ikunu f'diversi stanzi mimlija bil-passiġġieri u għaldaqstant ir-residenti qed jitħallew l-art u l-problema żgur li se tikber hekk kif jidħol sew l-istaġun tas-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot li jaqdu lil dawn il-lokalitajiet ma jservux biss il-lokalitajiet imsemmija iżda fi triqithom minn u lejn id-destinazzjoni finali tagħhom jaqdu lokalitajiet oħra wkoll. Bl-introduzzjoni tal-iskeda tas-sajf, numru ta’ rotot li jservu dawn il-lokalitajiet tiżdiedilhom il-frekwenza tagħhom. Dawn ir-rotot huma: · Rotta 212 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala peak ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa; · Rotta 221 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala peak ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa; · Rotta 222 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala peak ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa; · Rotta 225 li fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala peak ser tiżdied il-frekwenza ta’ din ir-rotta minn żewġ vjaġġi għal 3 vjaġġi fis-siegħa. Hekk kif kien intqal fit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 25022, konxji mill-fatt li n-numru ta’ passiġġieri qiegħed jiżdied u li huwa mistenni li jkompli jiżdied fix-xhur tas-sajf, il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura, Transport Malta kif ukoll l-operatur tat-trasport pubbliku, qegħdin jevalwaw is-sitwazzjoni bil-ħsieb li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex it-trasport pubbliku f’dawn l-inħawi jkompli jitjieb.