Jista' l-Ministru jara li jkunu infurzati regolamenti tat-traffiku relatati mal-parkeġġ fiż-żona tal-bajja biswit Riviera Martinique, limiti ta' Għajn Tuffieħa, fejn qed ikun hemm abbuż fuq parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità u minflok qed jitħallew jipparkjaw muturi u vetturi oħra mhux ta' persuni b'diżabilità?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kemm il-Pulizija tas-Sezzjoni tat-Traffiku kif ukoll tad-Distrett ġew infurmati biex iżidu r-rondi fiż-żona indikata mill-Onor. Interpellant biex barra kontravenzjonijiet normali tat-traffiku, jaraw li ma jkunx hemm abbużi fuq parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità fejn allegatament jipparkjaw muturi u vetturi oħra ta' persuni mhux b'diżabilità.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta' tarmak sar f'toroq fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar b'mod separat minn Transport Malta bejn Jannar 2014 u Mejju 2016?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq Taraġ il-Landieri fil-Mellieħa, liema xogħol jaqa' taħt ir-responsabiltà ta' Transport Malta tant li anke fl-2012 uffiċjali tal-istess awtorità kienu għamlu spezzjoni fuq il-post? Jaf il-Ministru li bin-nuqqas ta' dan it-taraġ qed jikkawża inkonvenjent għal numru ta' residenti li jgħixu fil-madwar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Taraġ il-Landiera tinstab fuq il-lista ta’ toroq residenzjali li għandhom jingħataw wiċċ minn Transport Malta ġaladarba jkunu ffurmati mill-iżviluppaturi jew residenti, skont l-obbligi tagħhom. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Birkirkara, l-Imsida , Gżira , San Ġiljan, iż-Żurrieq, il-Kalkara, Ħal Luqa, Qormi u iż-Żejtun b'mod separat bejn l-1 ta' Novembru 2015 u l-20 ta' Ġunju 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Il-Mellieħa – Pont tal-Mistra u telgħa ta’ Selmun – lampi/bozoz maqtugħin
Question
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26400 rigward lampi/bozoz maqtugħin bejn il-Pont tal-Mistra u t-Telgħa ta' Selmun, peress li fis-26 ta' Ġunju ġew innutati tal-inqas sitt lampi/bozoz mitfija fit-triq indikata, jista' l-Prim Ministru jagħti struzzjonijiet ċari lill-Enemalta PLC li tagħmel xogħolha u tagħmel it-tiswijiet meħtieġa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta ngħatat it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 26400, hekk kif indikat f’din l-istess tweġiba, Enemalta plc kienet għadha kif irċeviet talba għal tiswijiet ta’ uħud minn dawn l-bozoz. It-tiswijiet fuq il-bozoz irrapurtati saru fl-10 ta’ Ġunju. Wara li ngħatat din it-tweġiba, u qabel ma waslet din il-Mistoqsija Parlamentari (26492), il-Kumpanija rċeviet rapporti oħrajn ta’ xi lampi oħrajn f’din l-istess triq li ma kienux qed jixgħelu. Fit-28 u fit-30 ta’ Ġunju it-tekniċi tal-Kumpanija kienu fuq il-post biex isiru t-tiswijiet mill-ġdid.
Wara dawn it-tiswijiet, il-Kumpanija wettqet spezzjoni tat-triq kollha kemm hi fil-lejl tal-1 ta’ Lulju 2016 biex jiġi żgurat li d-dwal qed jixgħelu kif meħtieġ. Fil-jiem li ġejjin ser isir aktar xogħol ta’ tisħiħ u manutenzjoni biex ikompli jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsarat fis-sistema tad-dwal f’din it-triq.
Enemalta plc tixtieq tiċċara li s-sistema tad-dwal tat-triq imsemmija, minħabba li ilha installata snin twal, hija aktar vulnerabbli għall-ħsarat naturali minn kemm normalment tkun sistema ta’ dan it-tip.
Il-Mellieħa – Triq il-Qortin – xogħlijiet ta’ tarmak
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol ta’ għoti tat-tarmak fi Triq il-Qortin fil-Mellieħa liema xogħol kien tpoġġa fost it-toroq li kellhom jingħataw prijorità mill-amministrazzjoni preċedenti tant li fl-2012 kien diġà nbeda l-proċess għat-tenders?
Il-Mellieħa – Triq Għar u Casa – xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jinbeda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid u ta’ għoti tat-tarmak fi Triq Għar u Casa fil-Mellieħa, liema triq kienet diġà tpoġġiet fuq il-lista tat-toroq prijorità li kienet ħarġet Transport Malta fl-2012?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21209.
Il-Mellieħa – Triq Louis Wettinger u Triq ta’ Masrija — inkonvenjent
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat imqar temporanjament l-inkonvenjent li qed isofru minnu numru ta' residenti li jgħixu fi trejqa (mingħajr isem) li tinsab bejn Triq Louis Wettinger u Triq ta' Masrija fil-Mellieħa billi jekk mhux possibbli li tingħata wiċċ bit-tarmak f'dan l-istadju, tal-inqas jingħata ftit jardi konkos b'mod temporanju?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkonferma jekk hux qed jirreferi għal Triq ir-Riħan. Jekk fl-affermattiv, ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq tinstab fuq il-lista ta’ toroq residenzjali li għandhom jingħataw wiċċ minn Transport Malta ġaladarba jkunu ffurmati mill-iżviluppaturi jew residenti, skont l-obbligi taghhom. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akkwist. Jekk din mhiex it-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant nitolbuh jippreżenta site plan ħalli nkunu ċerti dwar liema triq qiegħed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ir-rumble strips li saru fl-aħħar ġimgħat fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa sarux bl-approvazzjoni ta' Transport Malta? Jista’ jgħid jekk Transport Malta hijiex konxja mill-periklu li qed jesperjenzaw is-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn din it-triq traffikuża minħabba l-istess rumble strips?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Kbira fil-Mellieħa għandha limitu ta’ veloċita’ ta’ 35km/h. Minħabba li dan il-limitu ta’ veloċità ma kienx qed jiġi rispettat u anki seħħew diversi inċidenti f’din it-triq, il-Kunsill Lokali talab li jsiru rumble strips li ġew approvati minn Transport Malta. L-Awtorità hija nfurmata li dawn l-istess rumble strips saru skont l-istandards applikabli.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħew jew jiġu modifikati numru ta' sinjali tat-traffiku kontradittorji li jinsabu fiċ-Ċirkewwa fil-parti fejn hemm il-parkeġġ biswit it-terminal tal-Gozo Channel, liema sinjali qed jisgwidaw lis-sewwieqa li jkunu se jagħmlu użu minn spazju suppost riservat għall-parkeġġ (No Entry fuq barra u ġewwa l-art indikata bi spazji sabiex jiġi pparkjati l-karozzi)?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ parkeġġi ħdejn it-terminal taċ-Ċirkewwa. L-ewwel parkeġġ huwa ndikat bħala No Entry ħlief għal vetturi tat-trasport pubbliku u vetturi tal-blue badge holders. Għaldaqsant, il-kaxxi tal-parkeġġ li hemm f’din iż-żona huma ta’ daqs partikolari u adattati għall-karozzi tal-linja, coaches, mini buses u vetturi tal-blue badge holders. Hija ċara li vetturi oħra m’għandhomx jidħlu f’din iż-żona.
It-tieni parkeġġ biswit it-terminal huwa wieħed pubbliku u dak prinċipali. L-entratura għal dan il-parkeġġ huwa mit-triq fuq ix-xellug fid-daħla tal-port (qrib il-lukanda) kif indikat mit-tabelli. Il-ħruġ minn dan il-parkeġġ għandu wkoll tabella No Entry fuq barra. Għaldaqstant, min irid jidħol iċ-Ċirkewwa biex jipparkja għandu jieħu din it-triq fuq ix-xellug għax m’hemmx aċċess ieħor għal dan il-parkeġġ. Meta wieħed jidħol minn hawn, għandu wkoll aċċess għal partijiet l-oħra tat-terminal, fosthom iż-żewġ parkeġġi sekondarji, dik ta’ ħdejn l-għassa tal-pulizija u dik ta’ ħdejn il-moll ta’ Kemmuna.
Is-sewwieqa għandhom jobdu is-sinjali kif indikati mit-tabelli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-każ datat 30 ta' April 2015 u li referenza għalih qed tingħata separatament, li jitratta numru ta' tobba impjegati fir-Residenza San Vincenz de Paul, ġewx esegwiti mill-Gvern? Jekk iva, jista' jgħid x'kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq il-każ datat 30 ta' April 2015 u li kien jitratta numru ta' tobba impjegati fir-Residenza San Vincenz de Paule, ġew implimentati kollha mill-Gvern preżenti.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess Ombudsman kien agħmilha ċara li l-problemi ma kienux riżultat ta’
maladministration
mill-amministrazzjoni preżenti imma minħabba xi kundizzjonijiet li kienu ddaħħlu fil-Ftehim Kollettiv iffirmat bejn il-Gvern preċedenti u l-MAM ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Birgu — Ċentru ta’ Matul il-Jum – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum (Day Centre) fil-Birgu, li mistenni jiftaħ matul ix-xahar ta' Lulju, hux se jkun post aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità nkella għall-anzjani bi problema ta' mobilità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-pjanijiet oriġinali, diġa’ kien maħsub xogħol u nstallar ta' ekwipaġġ li jippermetti li s-sit ikun aċċessibli; liema ekwipaġġ jkun kompatibbli man-natura tal-binja u dan skont ukoll ix-xewqa tal-istess kunsill. Bħalissa pero’, qed isiru diskussjonijiet ulterjuri biex l-ekwipaġġ propost jinbidel sabiex eventwalment ilaħħaq mad-domanda kbira, anke in vista tal-interess massiċċ f'dan is-servizz ġdid, għall-anzjani tal-inħawi.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25921 jista' l-Ministru jgħid kemm hemm:
a. tfal involuti mill-għadd ta' 10,931
single parents
;
b. kemm hemm romol involuti fl-għadd ta' 10,931
single parents
; u
c. kemm hemm persuni separati mill-għadd ta' 10,931
single parents
?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-festun li hemm tul il-promenade tal-Għadira jinxtegħel kollu u jekk hemm xi ħsarat fuq parti minnu, jissewwa b'mod immedjat biex ma jerġax jiġri kif ġara sena ilu meta l-istess festun tħalla nofsu mitfi sa nofs Awwissu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntbgħatu ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħolijiet biex jaraw xi ħsarat hemm u eventwalment jiġu imsewwija.
Il-Mellieħa – Pont tal-Mistra u telgħa ta’ Selmun – lampi/bozoz maqtugħin
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li jissewwew il-lampi/bozoz maqtugħin li hemm tul il-Pont tal-Mistra u t-telgħa ta' Selmun, limiti tal-Mellieħa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalt a plc li fil-ġimgħat li għaddew irċevew rapport dwar il-ħsarat imsemmija u sad-data li saret din il-mistoqsija, l-ħsarat kienu diġa’ ġew irranġati. Għaldaqstant il-kumpanija m’għandha l-ebda rapporti pendenti dwar ħsarat fit-toroq imsemmija.
San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba u l-Mellieħa – Pulizija tat-turiżmu
Question
Jista' l-Ministru jindika meta hu mistenni li l-lokalitajiet turistiċi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra jkunu nklużi fil-proġett indikat fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (Numru 161413) relatata mal-pulizija tat-turiżmu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif ħabbart, tittieħed deċi¿joni dwar l-estenzjoni f’lokalitajiet oħra, wara li issir analiżi tal-proġett pilota f’Tas-Sliema u San Ġiljan.
San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba u l-Mellieħa – Pulizija tat-turiżmu
Question
Jista' l-Ministru jindika meta hu mistenni li l-lokalitajiet turistiċi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra jkunu nklużi fil-proġett indikat fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (Numru 161413) relatata mal-pulizija tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26249, datata 22 ta’ Ġunju 2016.
Santa Venera – Thouret House – żieda fil-preżenza tal-pulizija
Question
B’rabta mas-sigurtà tal-ħaddiema u tar-residenti stess f’Thouret House, jista’ l-Ministru jikkunsidra li jibda jkun hemm preżenza tal-pulizija b’mod permanenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, diġa’ għamlet talba formali u saret laqgħa bejn l-istess Fondazzjoni u uffiċċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija sabiex tiġi kkunsidrata l-preżenza tal-pulizija fuq bażi permanenti f’Thouret House.