Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, il-Qawra u n-Naxxar – numru ta’ pulizija fl-għases

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pulizija li bħalissa jinsabu assenjati fl-għases tal-Mellieħa, il-Qawra, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-għassa tal-Mellieha hemm tmintax, fl-Għassa tal-Qawra/San Pawl il-Baħar hemm tletin u fl-Għassa tan-Naxxar hemm sitta u għoxrin membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati.

Korp tal-Pulizija – membri assenjati għall-festi titulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija (b’mod separat)li kienu assenjati għall-festi titulari fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u n-Naxxar għall-festa tal-Vitorja u għall-festa ta’ Maria Addolorata f’San Pawl il-Baħar u fl-istess waqt jindika ukoll kemm kienet l-ispiża (b’mod separat) li l-kunsilli rispettivi ġew mitluba li jħallsu għal dan is-servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Minn nhar l-Erbgħa 27 ta’ Lulju sal-Ħadd l-1 ta’ Awwissu fil-lokalita ta’ San Pawl il-Baħar kien hemm stazzjonati erba’ u tletin membru tal-Korp rispettivament. Peress li dawn kienu fuq duty tagħhom ma sar l-ebda ħlas minn naħa tal-Kunsill Lokali Minn nhar il-Ħadd 28 ta’ Awwissu sal-Ħamis 8 ta’ Settembru fil-lokalita tal-Mellieħa kien hemm stazzjonati tmienja u ħamsin membru tal-Korp rispettivament. Wieħed u ħamsin minn dawn il-membri kienu qed jaħdmu id-duty tagħhom għalhekk ma kien hemm l-ebda ħlas minn naħa tal-Kunsill, filwaqt li s-seba’ l-oħra kienu qed jaħdmu extra duty u l-kunsill ntalab jħallas is-somma ta € 431.71. Minn nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru sal-Ħamis 8 ta’ Settemmbru fil-lokalita tan-Naxxar kien hemm stazzjonati wieħed u disgħin membru tal-Korp rispettivament. Peress li dawn kienu fuq duty tagħhom ma sar l-ebda ħlas minn naħa tal-Kunsill Lokali

Servizz ta’ Meals on Wheels

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-servizz tal-Meals-on-Wheels hux se jibqa’ jingħata kif dejjem ingħata s’issa għal dawn l-aħħar kważi 25 sena? Jekk le, jista’ jgħid jekk l-ikel hux se jibqa’ jitwassal sħun lill-anzjani li sal-lum dejjem twassal lilhom b’dan il-mod?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, għalissa, s-servizz tal-Meals-on-Wheels ser jibqa’ jingħata kif dejjem ingħata s’issa, għal dawn l-aħħar kważi 25 sena. Eventwalment, t-tender il-ġdid, ser ikun qiegħed iħaddan prattiċi skont pariri tekniċi li ngħataw lilna mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Meals on Wheels — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li anzjani li bħalissa qed jingħataw/jew applikaw sabiex jibdew jingħataw is-servizz tal-Meals-on-Wheels ġew mistoqsija jekk fir-residenza privata tagħhom għandhomx fost l-oħrajn Microwave u Fridge ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz imsemmi minnu qiegħed jigi riformat u għaldaqshekk qed tinġabar l-informazzjoni kollha possibbli biex ikunu ndirizzti l-bżonnijiet tal-applikanti.

Mellieħa – Mużew tal-Mellieħa — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23538 u 25996 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tax-xogħlijiet li ser ikunu qed isiru fuq il-Mużew tat-Tunnara fil-Mellieħa u meta mistenni jibdew u jintemmu dawn l-istess xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan l-istadju l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qiegħed jesplora possibiltajiet alternattivi sabiex jinstab finanzjament għax-xogħolijiet. Bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali il-Kunsill Lokali ssottometta Pre-Announcement Call IV sabiex isir ir-restawr tal-Batterija ta’ Westreme, kif ukoll isir titjib fil-Mużew tat-Tunnara, li hemm fl-istess binja. Jidher li din il-proposta ġiet ikkunsidrata b’mod pożittiv mill-Planning & Priorities Coordination Division, tant li attwalment għaddejjin kuntatti mal-MEUSAC bil-għan li l-Kunsill ikun jista’ jissottometti applikazzjoni formali għall-finanzjament permezz tal-ERDF 2014-2020. Il-Kunsill għadu għaddej ukoll b’kuntatti mal-Awtorità tal-Ippjanar /Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent sabiex jinkiseb finanzjament permezz tal- Environment Initiatives in Partnership Programme . Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-frattemp il-Kunsill ħa miżuri bil-għan li jkunu evitati ċedimenti fil-bini.

Ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26481 u 26769 u jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Birkirkara, l-Imsida , Gżira , San Ġiljan, iż-Żurrieq, il-Kalkara, Ħal Luqa, Qormi u iż-Żejtun b'mod separat bejn l-1 ta' Novembru 2015 u l-20 ta' Ġunju 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba skont kif provduta mil-LESA.

Il-Mellieħa – Triq il-Kortin u Triq Għar u Casa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħditx deċiżjoni minn Trasport Malta dwar meta hu mistenni li jibda u jitlesta x-xogħol ta’ bini mill-ġdid fuq żewġ toroq fil-Mellieħa bl-isem ta’ Triq il-Kortin u Triq Għar u Casa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Għar u Casa hija mniżżla fil-lista ta’ toroq li jridu jingħataw wiċċ minn Transport Malta ġaladarba t-triq tiġi ffurmata skont l-iskema u l-obbligi legali tal-iżviluppaturi/residenti. Rigward Triq il-Kortin nidderiġi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 22157, filwaqt li nżid li dawn ix-xogħlijiet isiru skont il-fondi disponibbli.

Il-Mellieħa – Skola Primarja – żieda ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet futuri tal-Gvern b’rabta maż-żieda ta’ studenti fl-iskola Primarja tal-Mellieħa? Jista’ jikkonferma jekk il-Gvern hux se jżid sular ieħor bini fuq l-iskola eżistenti inkella hux se jkun hemm estensjoni mal-bini eżistenti fuq art biswit l-istess skola li tinsab bejn Triq il-Mitħna l-Ġdida u Triq Napuljun Caruana Dingli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li ssir estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa fl-2018. Deċiżjonijiet teknici u applikazzjonijiet għandhom isiru għal ħabta ta’ nofs l-2017.

Il-Mellieħa –rapport ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet il-pulizija fl-aħħar ġimgħat, wara li fil-lokalità tal-Mellieħa kienu rappurtati diversi serqiet minn residenzi f’żoni varji tal-istess lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Mellieħa – żieda fin-numru ta’ pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk żdiedx in-numru ta’ pulizija fil-Mellieħa wara numru ta’ serqiet li seħħew fl-istess lokalità fl-aħħar ġimgħat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Għajn Tuffieħa — parkeġġ fiż-żona

Question

Jista' l-Ministru jara li jkunu infurzati regolamenti tat-traffiku relatati mal-parkeġġ fiż-żona tal-bajja biswit Riviera Martinique, limiti ta' Għajn Tuffieħa, fejn qed ikun hemm abbuż fuq parkeġġ riżervat għall-persuni b'diżabilità u minflok qed jitħallew jipparkjaw muturi u vetturi oħra mhux ta' persuni b'diżabilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr li dan il-kunsill ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija kif ukoll tal-LESA sabiex jassiguraw li tiġi mħarsa l-liġi. Naqbel mal-Onor Interpellant li dan l-abbuż huwa inaċċettabbli.

Żona tas-Salina — skip

Question

Jista' l-Ministru jara li terġa' titpoġġa skip fiż-żona tas-Salina ħdejn l-islip way biswit is-salini tal-melħ limiti tas-Salina u jara ukoll li t-tindif taż-żona jibqa' jsir b'mod regolari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isiru l-arranġamenti minn naħa tad-Direttorat tas-Servizzi tat-Tindif biex titpoġġa skip fis-sit imsemmi. L-istess Direttorat ser jieħu ħsieb li din l-iskip titnaddaf b'mod regolari. Dan l-arranġament jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun hemm ftehim mod ieħor ma’ Ministeri u entitajiet oħra.

Salina — Railings

Question

Jista' l-Ministru jindika meta se jitkompla x-xogħol tar-railings fiż-żona residenzjali tas-Salina, liema railing issa kien hemm qbil xhur ilu mar-residenti li x-xogħol seta' jitkompla?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qbil bejn ir-residenti u Transport Malta seħħ ix-xahar li għadda, ċioe’ f’Ġunju, u mhux kif qed jiġi mplikat, xhur ilu. Immedjatament wara li ntlaħaq dan il-qbil, Transport Malta bdiet il-proċess li tordna x-xogħol.

Għajn Tuffieħa — bajja - sinjali tat-traffiku fil-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku fil-parkeġġ biswit iż-żona tal-bajja li tinsab fejn qabel kienet ir-Riviera Martinique, limiti ta' Għajn Tuffieha, jerġgħu jinżebgħu sabiex ikunu aktar viżibbli?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sptar Boffa — arja kundizzjonata - tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jekk hemm bżonn tiswijiet fuq l-apparat li jipprovdi l-arja kkundizzjonata fl-Isptar Boffa u x'manutenzjoni oħra li qed tikkawża inkonvenjent għall-anzjani fl-imsemmi sptar isiru mill-aktar fis possibbli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Triq il-Kosta – traffic lights u bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta ser jitwaħħlu u jibdew jaħdmu t-traffic lights fi Triq il-Kosta kif ukoll meta hu mistenni li jitwaħħlu bus shelters fl-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li kellu jimmanifattura u jissupplixxi l-istrutturi neċessarji għall-installazzjoni tal-pelican lights baqa ma ħax l-azzjoni li kienet rikjesta minnu sabiex ibiddel l-installazzjonijiet b’urġenza u b’mod li jkunu aċċettabli u skont il-kuntratt li ffirma. Dan wassal sabiex Transport Malta tagħmel diversi arranġamenti neċessarji li jwasslu għall-installazjoni temporanja ta’ pelican lights f’punti kritiċi tal-Coast Road. Dawn għandhom jinxtegħlu fil-ġranet li ġejjin. Għal dak li jirrigwarda bus shelters, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25015.

Magħtab — rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jindika għal liema raġuni qed jerġgħu jiġu esperjenzati b'mod regolari rwejjaħ fiż-żona tal-Magħtab u jekk ġiex deċiż x'miżuri jridu jittieħdu biex ma' jkomplix jinħoloq skumdità kemm għar-residenti tal-madwar kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin mill-istess żona?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 26567.

Mellieħa – Triq il-Kbira – inċidenti rappurtati lill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti li seħħew fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa bejn Jannar 2014 u Ġunju 2016 u li kienu irrapportati lill-pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta' inċidenti tat-traffiku li seħħew fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa u rraportati lill-Pulizija fil-perjodu indikat kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Sena Ammont 2014 8 2015 6 2016 (sa Ġunju) 6

Mellieħa – Triq il-Kbira – inċidenti li fihom kien jinħtieġ l-intervent tal-Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti li seħħew fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa bejn Jannar 2014 u Ġunju 2016 u li fihom kien jinħtieġ l-intervent tal-Gwardjani Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u l-mistoqsija tiġi mwieġba f’seduta oħra.

Ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26481 u jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Birkirkara, l-Imsida , Gżira , San Ġiljan, iż-Żurrieq, il-Kalkara, Ħal Luqa, Qormi u iż-Żejtun b'mod separat bejn l-1 ta' Novembru 2015 u l-20 ta' Ġunju 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.