Legislature:
Category:
Reset
Active:

Selmun/Imġiebaħ – xogħlijiet fuq żona indikata bħala Żona Natura 2000

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi li hemm approvati (minn April 2013 sa Settembru 2016) u oħrajn pendenti dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni li qed siru fiż-żona ta' Selmun/Imġiebaħ fil-parti li hija indikata bħala Żona Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA) tiġi biss ikkonsultata fil-proċess ta’ applikazzjonijiet ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Selmun/Imġiebaħ – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni li għaddejjin fuq inizjattivi personali bħalissa fiż-żona Selmun/Mġiebaħ humiex kollha konformi mal-permessi approvati u li fuq l-istess siti mhu jsir l-ebda sfreġju ambjentali f'żona daqshekk sensittiva magħrufa aħjar bħala Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Selmun/Imġiebaħ — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm saru spezzjonijiet fl-aħħar 12-il xahar fiż-żona Ta' Selmun u Mġiebaħ, dan sabiex ikun aċċertat li mhux isir l-ebda sfreġju ambjentali jew żvilupp li mhux skont il-permessi approvati f'din iż-żona li parti kbira minnha hija waħda protetta u li hija indikata bħala waħda mis-siti Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-4 t’April tal-2016 (minn meta bdiet topera l-Awtorità għall-Ambjent u r-Rizorsi, l-ERA) sat-2 ta’ Novembru l-ERA spezzjonat iż-żona ta' Selmun u Mġiebaħ darbtejn bħala parti minn spezzjonijiet ta’ moniteraġġ li jsiru fuq siti ta’ Natura 2000 u għal raġunijiet oħrajn ta’ compliance ambjentali. Il-parti tal-mistoqsija fuq żvilupp li mhux skont il-permessi approvati għandha tiġi referuta lill-Ministeru ikkonċernat.
Leg 12 PQ #28088 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – Il-Mellieħa – Triq l-Għerien – tneħħija ta’ arbli perikolużi u ċaqliq ta’ wires

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li xogħol li kellu jsir mill-Enemalta xhur ilu fuq ċaqliq ta' wires u tneħħija ta' arbli perikolużi msadda minn Triq l-Għerien fil-Mellieħa jsir mill-aktar fis?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li x-xogħlijiet meħtieġa se jsiru fil-jiem li ġejjin.

Inizjattiva Live in Carer – Persuni li qed jagħmlu użu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li sal-lum qed jagħmlu użu mill-inizjattiva ta` Live in Carer li kien nieda l-Gvern sena ilu waqt id-diskors tal-baġit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħta f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – sodod li tħallew vojta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar storja li ħarġet fuq il-mezzi tax-xandir fejn f’sala partikolari kien hemm struzzjonijiet (kif indikati fuq in-notice board ) mill-/f’isem il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul sabiex żewġ sodod jitħallew vojta bil-kliem preċiż kien jgħid hekk : “2 Beds in Rm 8 Reserved for CEO”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mill-istħarriġ li sar irriżulta li, il-mod kif kitbet in-nota l-iskrivana tas-sala, kien fuq inizzjattiva tagħha, fejn kienet qiegħda tirreferi għal żewġ sodod li għandhom jinżammu dejjem battala għal każijiet ta’ emerġenza, speċjalment għal dawk il-każijiet fejn ikun hemm ordni tal-Qorti, pulizija u social worker. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-amministrazzjoni ħasset li l-impjegata kkonċernata għamlet dan b’intenzjoni tajba u għalhekk ma kienx lok li jittieħdu passi.

Residenza San Vinċenz de Paul — Swali bl-ilma minn sistemi tal-arja kondizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li fl-aħħar ġimgħat, fir-Residenza San Vinċenz de Paul, erġajna rajna xeni, kif kien ġara sena ilu, meta f`nofs il-kuriduri ta’ numru ta’ swali s-sistemi tal-arja kondizzjonata reġgħu spiċċaw iqattru b’riskju għall-anzjani u l-qraba tagħhom kif ukoll għall-ħaddiema, bil-konsegwenza li kellhom jitpoġġew bramel, xugamani u ħrieqi f`nofs l-istess kuriduri ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sad-data li fiha qiegħda titwieġeb din il-Mistoqsija Parlamentari, ma ġewx irrappurtati sistemi ta’ arja kondizzjonata li qed iqattru. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, illum ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, hemm sistema kkompjuterizzata, fejn kull ħsara qiegħda tkun irrekordjata f'sistema ċentrali u tiġi ndirizzata b’mod immedjat.

Residenza San Vinċenz de Paul – tiswijiet tal-arja kondizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tiswijiet fuq is-sistema tal-arja kondizzjonata fir-Residenza San Vinċenz de Paul sarx mill-ħaddiema tal-Gvern inkella mill-ħaddiema tal-privat ? Kemm kienet l-ispiża globali għal dan l-istess xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq is-sistema tal-arja kondizzjonata fir-Residenza San Vinċenz de Paul, saret mill-ħaddiema tal-privat. L-ispiża globali għas-sena 2016 kienet tammonta għal €66,506.

Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiem tas-Sena — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiem tas-Sena ġewwa r-Residenza San Vinċenz liema ċerimonja saret ftit tal-jiem ilu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-membri tal-Bord tal-Għażla tal-Premju Ħaddiem tas-Sena ġewwa r-Residenza San Vinċenz De Paul kienu: Chairman: Mr Patrick Vella Membri: Ms Antoinette Musu` Mr John Attard Ms Melanie Magri Mr Raymond Barbara

Residenza San Vinċenz de Paul — Swali Madre Theresa, Padre Pio u Serenity – tined

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni jsiru tined barra s-swali Madre Theresa, Padre Pio u Serenity fir-Residenza San Vinċenz de Paul, liema nuqqas qed jikkawża inkonvenjent lill-anzjani residenti u ħaddiema li jaħdmu fl-istess swali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, it-tined barra s-swali li qed issir referenza għalihom, huma pjanati max-xogħlijiet ipproġettati għas-sena 2017.

Residenza San Vinċenz de Paul – akkużi ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar akkużi ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji li qed iseħħu fost il-ħaddiema li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz u li għalihom kien hemm referenza fuq il-mezzi tax-xandir fl-aħħar ġimgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-akkużi ta’ allegat diskriminazzjoni u inġustizzji, li diġa ġew miċħuda bl-akbar qawwa, qed jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Inizjattiva Live in Carer – Persuni li applikaw

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien in-numru ta’ persuni li applikaw biex jagħmlu użu mill-inizjattiva Live in Carer li kienet tħabbret fl-aħħar baġit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Meals-on-Wheels — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għas-sejħa ta’ offerti għall-kuntratt għas-servizz tal-Meals-on-Wheels? Jekk dan il-proċess ingħalaq, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jitħaddem dan l-istess kuntratt?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-proċess għas-sejħa ta’ offerti għall-kuntratt għas-servizz tal-Meals-on-Wheels ġie konkluż f’Settembru li għadda u s-servizz issa qiegħed jingħata mill-operatur li rebaħ is-sejħa għall-offerti. Is-servizz beda jitqassam mill-operatur il-ġdid b’effett minn dan ix-xahar.

Residenza San Vinċenz de Paul — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema, li bħalissa hemm jaħdmu mal-Gvern u kumpaniji privati fir-Residenza San Vinċenz de Paul, b’mod separat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill- Onoevoli Interpellant illi, in-numru ta’ ħaddiema li qed jaħdmu mal-Gvern ġewwa r-Residenza San Vinċenz, inkluż dawk ġejjin minn Korporattivi, Kumpaniji u Aġenziji tal-Gvern huwa ta’ 1072, filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema li qegħdin jagħtu servizz ġewwa r-Residenza iżda li huma impjegati tal-kuntrattur huwa ta’ 476.

Residenza San Vinċenz de Paul – Activity Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min kienet id-deċiżjoni u x’wassal biex l-Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul tinbidel f`dormitorju għal numru ta’ ħaddiema matul ix-xahar ta’ Settembru 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpallant li, il-Management ta’ San Vinċenz de Paul qed imexxi programm ta' xogħlijiet estensivi kif ukoll qed jittieħdu miżuri temporanji b'risq il-ħaddiema waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.

Residenza San Vinċenz de Paul — Activity Centre - ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ ħaddiema li għamlu użu mill-Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul, bħala dormitorju għalihom, matul ix-xahar ta’ Settembru 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ħadd ma għamel użu mill-Activity Centre bħala dormitorju.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħol ta’ kostruzzjoni fil-kċina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-kċina tar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul u jista’ jgħid ukoll meta din il-kċina se tibda topera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li, il-kostruzzjoni fuq il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule, tibda hekk kif il-process ta’ tendering, li bħalissa għadu għaddej, jintemm u jiġi awarded.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħlijiet li għandhom isiru fil-kċina

Question

Jista’ l-Ministru jikkwantifika kemm ġej jiswa x-xogħol li suppost għandu jsir fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paul, liema xogħol suppost ukoll li għandu l-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar liema permess ilu li nħareġ għal aktar minn sena u nofs ilu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif diġà weġibt għall-mistoqsija parlamentari 27758, il-proċess ta' tendering għadu għaddej.

Il-Mellieħa – għassa tal-Pulizija

Question

Il-fatt li llum il-popolazzjoni tal-Mellieħa qabżet l-10,000 persuna, , skont ir-reġistru elettorali (tal-kunsilli lokali), jista’ l-Ministru jara li fl-istess lokalità, l-għassa tal-pulizija tibqa’ miftuħa dejjem f`kull ħin u f`kull ċirkustanza? Dan però mingħajr ma’ tonqos il-preżenza tal-pulizija fit-toroq tal-Mellieħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ghassa tal-Pulizija fil-Mellieħa tinfetah erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Kif jista jifhem l-Onor. Interpellant, hemm ċirkostanzi li l-għassa tagħlaq għal ħin qasir,minħabba doveri oħra li jinqagħlu fil-komunità.

Il-Qawra/Buġibba — parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew sejrin jittieħdu sabiex parties fiż-żona tal-Qawra/Buġibba, filwaqt li jibqgħu jsiru skont il-permessi , imma majikkawżawx inkonvenjent lir-residenti tal-madwar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li din is-sena l-Pulizija tad-Distrett, responsabbli mill-Qawra u Buġibba, ħarġu żewġ permessi għal parties. Wieħed kien f’Buġibba u l-ieħor fl-Armier. Bħalma tagħmel f’okkazzjonijiet simili, il-Pulizija ħadet ħsieb li jkun hemm numru ta’ Pulizija adekwat fuq il-post fejn ġew organizzati dawn l-attivitajiet barra milli żdiedu r-rondi fl-inħawi rispettivi biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm ksur ta’ liġi u tinżamm il-bon ordni.