Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #29295 Sitting 464 2016-12-20 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – Il-Mellieħa – Triq l-Għerien – tneħħija ta’ arbli perikolużi u ċaqliq ta’ wires

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28088 filwaqt li nikkonferma li sar xi xogħol mill-Enemalta fuq Triq l-Għerien, peress ix-xogħol baqa' mhux konkluż tant li għad fadal periklu u inkonvenjent għar-residenti li jgħixu fl-istess triq, jista’ l-Prim Ministru jara li x-xogħol ta' tneħħija ta' wires u arbli perikolużi jitkompla f'din it-triq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li x-xogħol relatat mal-mistoqsija parlamentari 28088 li kien jinvolvi tibdil ta’ arbli u ċaqlieq tal-wires relatati, tlesta fl-ewwel jiem ta’ Novembru. Madanakollum minn dak iż-żmien ’l hawn Enemalta plc irċeviet rapport ieħor dwar wires oħrajn tal-elettriku u ta’ servizzi oħra fl-istess triq li seta’ kellhom bżonn ta’ tiswijiet. Mill-ewwel bdiet il-ħidma u fil-fatt ix-xogħlijiet mistennija jitlestew f’dawn il-jiem, kif kien ipprogrammat.

Buġibba – Triq ir-Rebbiegħa – parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir infurzar mill-pulizija fuq il-parkeġġ li hemm fi Triq ir-Rebbiegħa f'Buġibba riservat għall-Persuni b'Diżabilità, liema parkeġġ però qed ikun abbużat ripetutament b'użu ħażin minn persuni li m'għandhomx fil-pusses tagħhom il-Blue Badge/Sticker ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tas-Sezzjoni tat-Traffiku kif ukoll dawk Distrettwali qed iżidu r-rondi tagħhom fiż-żona indikata biex jaraw illi dawn l-abbużi jiġu eliminati.

Buġibba – Triq ir-Rebbiegħa – parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir infurzar mill-gwardjani lokali fuq il-parkeġġ li hemm fi Triq ir-Rebbiegħa f'Buġibba riservat għall-Persuni b'Diżabilità, liema parkeġġ però qed ikun abbużat ripetutament b'użu ħażin minn persuni li m'għandhomx fil-pusses tagħhom il-Blue Badge/Sticker ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l- Gwardjani Lokali jinfurzaw regolarment il-ligi dwar parkeġġjaw b’uzu ħazin minn persuni li m'għandhomx fil – pussess tagħhhom il – Blue Badge Sticker, fil-gzejjer Maltin u Għawdxin. Fit-Triq partikolari imsemmija, ser isir moniteraġġ aktar frekwenti.

Koppji – adozzjoni ta’ tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal minn koppji jew individwi Maltin bejn Jannar 2015 u Ottubru 2016 minn pajjiżi barranin (pajjiż b’pajjiż b'mod individwali)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bejn Jannar 2015 u Diċembru 2015 kien hemm 26–il addozzjoni ta’ tifel u tifla mill-pajjiżi msemmija hawn taħt: · Mill-Albanija – addozzjoni waħda; · Mis-Slovakkja – 4 addozzjonijiet; · Minn Malta – 8 addozzjonijiet; u · Mir-Russja – 13–il addozzjoni. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi, l-istatistika għall-perjodu Jannar 2016 u Ottubru 2016 tinġabar fl-aħħar tas-sena.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda jinbena l-proġett identifikat bħala hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ix-xogħol fuq il-proġett għal persuni b’diżabilita’ bl-isem ta’ REACH, huwa mistenni jibda malli tkun approvata t-talba għall-fondi tal-ERDF li ġiet sottomessa u fil-preżent qiegħda tigi evalwata mill-entità governattiva responsabbli mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jindika preċiżament fejn hu mistenni jinbena l-proġett indikat bħala hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-sit tal-proġett għall-persuni b’diżabilità bl-isem ta’ REACH, huwa mistenni li jinbena bejn Triq it-Torri tal-Kaptan u Triq San Timotju fin-Naxxar, hekk kif ġie indikat fl-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-proġett indikat bħala hub għall-persuni b'diżabilità li kien hemm referenza għalih fl-aħħar żewġ diskorsi tal-budgetu li għandu jsir fin-Naxxar hemmx interessi ta' kumpaniji jew entitajiet privati fit-twettiq tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-proġett għall-persuni b’diżabilità bl-isem ta’ REACH, ser ikun parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, li kif weġibt għal mistoqsija parlamentari numru 28861, l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-entità governattiva responsabbli għall-fondi mill-Unjoni Ewropeja.

Naxxar – proġett hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett indikat bħala hub li ssemma’ fl-aħħar żewġ budgets u li suppost għandu jinbena fin-Naxxar hux ser jilqa' fih ukoll persuni anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett bl-isem ta’ REACH , huwa intenzjonat għall-persuni b’diżabilità. Madanakollu, l-proġett ser jintroduċi żoni miftuħa u addattati għal kulħadd, u għalhekk post li ser ikun aċċessibli għal min ser ikun qiegħed jiffrekwentah.

Opportunitajiet għall-adozzjonijiet mill-Każakistan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx problemi mal-Każakistan sabiex jinfetħu opportunitajiet għall-adozzjonijiet għall-koppji jew individwi Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtoritá Ċentrali Maltija bagħtet korrispondenza lill-Awtorità Ċentrali tal-Każakistan iżda għadha ma rċeviet l-ebda tweġiba għall-korrispondenza mibgħuta.

Ftehim milħuq bejn Malta u r-Russja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li kien irraportat li ntlaħħaq bejn Malta u r-Russja sabiex koppji jew individwi Maltin ikunu jistgħu jaddottaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-awtoritajiet Maltin qed jistennew rispons mingħand l-awtoritajiet Russi dwar il-ftehim bilaterali bejn iż-żewg pajjiżi.

Rotta X3 – Buġibba – servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn nhar il-Ġimgħa 18 ta' Novembru, is-servizz tat-trasport pubbliku rotta X3 minn Buġibba sa 12:00pm kien ilu wieqaf għal aktar minn 3 sigħat u dan b'disservizz lejn dawn kollha li jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-GPS li hemm installata fuq kull karozza tal-linja, il-vjaġġi skedati fuq ir-rotta X3 mill-venda ta’ Buġibba fil-fatt saru kollha fil-ġurnata indikata . Madanakollu, ġie innutat li żewġ vjaġġi telqu tard, fejn il-vjaġġ li kien skedat li jitlaq fl-10:15 ta’ filgħodu telaq fuq siegħa tard filwaqt li l-vjaġġ ta’ warajh, jigifieri tal-11:15 ta’ filgħodu telaq tlett kwarti tard. Transport Malta qed tinvestiga r-raġuni wara dan id-dewmien fuq dawn iż-żewġ vjaġġi.

Buġibba – Venda — manutenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tined li hemm fil-venda ta' Buġibba ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa biex in-nies li suppost ikunu qed jistkennu, ma jispiċċawx imxarrba għasra kif fil-fatt ġara nhar il-Ġimgħa 18 ta' Novembru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta ser tkun qed tibgħat uffiċċjali tagħha sabiex tara xi bżonnijiet ta’ manutenzjoni hemm bżonn fuq din it-tinda, sabiex ikun jista’ jitwettaq ix-xogħol meħtieġ.

Mellieħa – Triq San Publiju – proġett – nuqqas ta’ aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità dwar in-nuqqas serju ta' aċċessibilità li ser ikun qed jikkawża proġett ġdid li qiegħed isir mill-Kunsill Lokali Mellieħa preċiżament fi Triq San Publiju fil-Mellieħa stess? (Dan anke meta f'nofs din l-istess triq jeżisti bini ta' organizzazzjoni mhux Governattiva li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tipprovdi fost l-oħrajn taħriġ relatat mal-arti u artiġġjanat).

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, wara li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) ġiet ikkonsultata fuq il-proġett ta' Triq San Publiju fil-Mellieħa, il-Perit tal-Kummissjoni wera oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni. L-applikant, bid-dritt li tagħtih il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità), applika biex l-istess applikazzjoni tiġi eżentata mil-linji gwidi tal-aċċessibilità mill-Bord tal-Eżami li jiddetermina x'inhu raġonevoli. Dan il-Bord, li jiffunzjona b'mod indipendenti mis-CRPD, iddeċieda li, għandu jaċċetta t-talba tal-applikant għal eżenzjoni fuq żewġ binarji: · L-ewwel nett minħabba l-istat ta' topografija tal-art fejn tinsab din it-triq u; · It-tieni abbażi taċ-Ċirkulari tal-Awtorità tal-Ippjanar (2/14), li fost affarijiet oħra teżenta milli tali proġetti/binjiet isiru jew ikunu konformi mal-linji gwida tal-aċċessibilità. Din iċ-Ċirkulari kienet saret bi qbil bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD) u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fis-27 ta' Marzu 2014.
Leg 12 PQ #28568 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Promenade tal-Għadira – festuni

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28217 li kienet titratta l-qlugħ tal-festun tal-Promenade tal-Għadira, wara li kien ilu aktar minn seba’ snin imwaħħal b'mod permanenti, jista’ l-Ministru jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni meħudha għax apparti li r-raġuni m'għandhiex forza, tajjeb li jingħad li kontra dak miktub fir-risposta indikata, jirriżulta li mhux minnu li s-sindku ta' San Pawl il-Baħar approvat xi forma ta' deċiżjoni tal-Kumitat Reġjonali Tramuntana li dan il-festun jinqala’, kif ukoll li fl-ebda ħin il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ma ddiskuta dan is-suġġett apparti l-viċi sindku tal-Mellieħa ma' jiffurmax parti minn dan il-Kumitat imsemmi? (Nerġa’ ntenni li tul il-promenade tal-Għadira, apparti li hemm xejn inqas minn 3 lukandi li dejjem jibqgħu joperaw anke tul ix-xhur tax-Xitwa, l-istess promenade jiġi ffrekwentat anke minn eluf ta' Maltin tul is-sena kollha.)

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-riġward tal-festun li hemm tul il-promenade tal-Għadira, ninsab infurmat illi d-deċiżjoni illi jitneħħa ttieħdet waqt laqgħa tal-Kumitat għaż-Żoni Turistiċi tar-Reġjun tat-Tramuntana fil-25 ta’ Mejju 2016. Preżenti għal-laqgħa kienu l-Viċi Sindku tal-Mellieħa, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Membru tal-Kunsill tal-MHRA, rappreżentant tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u s-CEO tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi. Il-kumitat iddeċieda li l-festun jitneħħa f’Ottubru sabiex issirlu l- manutenzjoni meħtieġa kif ukoll biex ma ssirlux ħsara mill-elementi. Il-festun jerga’ jerġa jitwaħħal f’Mejju 2017. Tajjeb ngħarraf lill-Interpellant illi dan il-festun ġie jiswa madwar €15,000.

Residenza San Vinċenz de Paul – swali Rużar Briffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnhom jew le x-xniegħat persistenti li x'uħud mis-swali Rużar Briffa fir-Residenza San Vinċenz de Paule se jkunu qed jgħaddu kollha, jew parti minnhom għand il-privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, m’hemmx pjan biex is-swali preżenti fil-kumpless San Vinċenz de Paule jingħataw lill-privat.

Residenti fis-Sala St. Joseph 5 u 6 – prattiċi tax-xogħol – saħħa u sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu esegwiti l-prattiċi tax-xogħol fejn tidħol saħħa u sigurtà kif ukoll rispett u dinjità lejn dawk l-anzjani li jinsabu residenti fis-Sala St.Joseph 5 minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li qed isir fis-Sala St. Joseph 6 peress li jirriżulta li materjal ta' kostruzzjoni qed jintefa’ mis-sular ta' fuq għall-isfel proprju taħt it-twieqi tar-residenti anzjani li qed jikkawża inkonvenjent minħabba l-ħmieġ u t-trabijiet kontinwi li l-anzjani qed jesperjenzaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, qed jittieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex l-aċċess għas-sit fejn qiegħed isir ix-xogħol ikun limitat biss għall-ħaddiema awtorizzati biex b'hekk tiġi rispettata d-dinjita’ tar-residenti. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-aċċess għall-btieħi mis-sala huwa magħluq u l-ispazji madwar l-iskips jitnaddfu kuljum. Il-ħaddiema għandhom 'chute' għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ċertu xogħol qiegħed isir f'ħinijiet li ma jkunux ta' skumdita’ għar-residenti. Żdiedu s-servizzi ta’ tindif ukoll biex nassiguraw il-livell ta’ iġjene neċessarja.

Proġett Meals on Wheels — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti garanzija li numru ta' ħaddiema li tul dawn l-aħħar snin ħadmu fuq il-Meals on Wheels, proġett li kien varat f'pajjiżna madwar 26 sena ilu, mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom bit-tibdil li qed isir fl-imsemmi proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, abbażi tar-regoli ġenerali tal-Kuntratti, l-impjegati preżenti jiġu assorbiti mill-kuntrattur il-ġdid, kif fil-fatt qiegħed isir.

Proġett Meals on Wheels – anzjani li twaqqfilhom is-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-anzjani jew individwi li bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-15 ta' Novembru 2016 talbu li jitwaqfilhom is-servizz mogħti lilhom mill-Meals on Wheels?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li waqqfu s-servizz tal-Meals on Wheels bejn l-1 ta’ Jannar, 2016 u l-15 ta’ Novembru, 2016 huwa ta’ ħamsa u ħamsin (55). Ir-raġunijiet għal dan huma diversi, fosthom minħabba dħul f'xi dar tal-anzjani, ingaġġ ta' carer id-dar u/jew minħabba l-mewt tal-benefiċċjarji.
Leg 12 PQ #28498 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – drenaġġ li nieżel fil-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma minn fejn u x'kien li kkawża dak li allegatament deher li kien drenaġġ li ħareġ fil-baħar fl-akkwati f'San Pawl il-Baħar nhar il-Ħadd 6 ta' Novembru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fil-ġurnata msemmija żviluppat ħsara fil-pumping station tal-Pwales. Il-Korporazzjoni ħadet il-provvedimenti kollha meħtieġa biex tnaqqas l-inkonvenjent u tirranġa l-ħsarat.
Leg 12 PQ #28537 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għas-Saħħa

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – nefqa totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali għall-kura ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali f’din il-leġiżlatura bejn April 2013 - Ottubru 2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt: Year Total (General)MHS Expenditures 2013(April to Dec) 18,773,128.00 2014 28,797,308.00 2015 30,884,542.00 2016-as at October 28,798,964