Legislature:
Category:
Reset
Active:

Telgħet ix-Xemxija – tiswijiet fuq bankini

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa fuq il-bankina fuq iż-żewġ naħat tat-Telgħet ix-Xemxija, liema bankini f'partijiet minnhom huma ta' periklu kemm għar-residenti kif ukoll għan-nies li jagħmlu użu minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 31342.

Telgħet ix-Xemxija – stallazzjoni ta’speed camera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata li terġa' titwaħħal speed camera f'Telgħet ix-Xemxija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba biex din l-ispeed camera tigi kkunsidrata. Tali talbiet għandhom jiġu sottomessi lill-LESA skont il-proċedura stabbilita’.

San Pawl il-Baħar – manutenzjoni fit-triq li tagħti minn Xatt il-Pwales għat-Telgħet ix-Xemxija

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Transport Malta sabiex ssir manutenzjoni tant meħtieġa fuq it-triq li tagħti minn San Pawl il-Baħar (Xatt il-Pwales) sa tul Telgħet ix-Xemxija, liema triq qed tikkawża periklu kontinwu għas-sewwieqa li jagħmlu użu minnha bil-vetturi tagħhom, apparti l-ħsarat li qed jiġu kkawżati lill-istess vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jissostanzja il-pretensjoni ta’ periklu kontinwu għas-sewwieqa. Fl-istess ħin ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diversi interventi fuq din it-triq bħala parti mill-programm ta’ manutenzjoni ta’ Transport Malta. L-interventi ser jibqgħu jsiru sabiex it-triq tinżamm fi stat tajjeb sakemm jiġu mplementati interventi permanenti.
Leg 12 PQ #31526 Sitting 492 2017-03-08 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Telgħet ix-Xemxija – ċekkjar fuq bozoz tal-arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti struzzjonijiet biex jiġu ċċekkjati l-bozoz li jinsabu mwaħħla fuq l-arbli tad-dawl li hemm tul it-Telgħet ix-Xemxija u dan peress li jirriżulta li wħud minnhom huma difettużi u jkun hemm mumenti fejn numru minnhom ikunu mitfija għal xi ħin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Enemalta plc li l-bozoz imsemmija ġew iċċekjati u saru xi tiswijiet fejn kien hemm meħtieġ.

Dar tal-Anzjani tal-Mosta – sejħa għall-offerti/kwotazzjonijiet għal dishwasher

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti jew kwotazzjonijiet sabiex jinxtara dishwasher ġdid fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta wara li l-istess apparat kien ilu bil-ħsara għal kważi tliet xhur? Jekk ħarġet sejħa għall-offerti jew kwotazzjonijiet, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti li juru min kienu dawk il-kumpaniji li ssottomettew l-offerta u kemm kien il-prezz ikkwotat minn kull kumpanija għal din l-istess apparat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Servizz tal-Meals on Wheels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jiswa s-servizz tal-Meals on Wheels għal kull ġurnata u għal kull persuna (prezz imħallas minn min qed jixtri s-servizz flimkien mal-parti ssussidjata mill-Gvern) sa Jannar 2017 u kemm ġej jiswa l-istess servizz wara Frar 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Fondazzjoni Arka – għajnuna minn skema f’ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-Fondazzjoni Arka twaqfitilhom l-għajnuna minn skema f'ikel mill-Unjoni Ewropea li kienu ilhom snin jingħataw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont kif hemm stabbilit fil-Programm Operattiv tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn għall-2014-2020 (FEAD) maqbul bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea, dawk il-familji li jissodisfaw l-kriterji li jaqgħu taħt l-erba’ kategoriji stabbiliti biss, huma intitolati li jirċievu ikel taħt l-programm kurrenti.

Kartuna s-Safra u r-Roża – benefiċċji u servizzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar it-tibdil li sar fil-mod kif kienu jitħaddmu u kif qed jitħaddmu llum is-servizzi u l-benefiċċji relatati mal-kartuna s-safra u dik roża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli. Interpellant illi, sabiex persuna tinħarġilha l-Karta r-Roża trid tippreżenta f’xi uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, riċetta mingħand it-tabib tagħha, tal-mediċini li għandha bżonn. Jekk il-persuna tkun benefiċjarja ta’ Benefiċċju mhux Kontributorju, jew tkun persuna li kienet tbati mid-dijabete’ qabel Ġunju 2012 u għażlet li tibqa’ bil-karta r-roża, jew inkella tkun tgħaddi mit-test tal-mezzi, kif stabbilit fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali, tinħarġilha l-Karta r-Roża. L-uniku tibdil li kien hemm rigward il-Kkarta r-Rroża kien fit-test tal-kapital, li minn €9,320 żdied għal €14,000 għal persuni singoli, filwaqt li minn €16,310 żdiet għal €23,300 għal koppja. Għal spjegazzjoni fuq il-Kkarta s-Ssafra, nitlob lill-Onorevoli. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Skola Primarja tan-Naxxar — preżenza ta' pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-ħin ta' dħul u ħruġ mill-Iskola Primarja tan-Naxxar, ikun hemm preżenza regolari tal-pulizija, liema preżenza fl-aħħar ġimgħat ġiet innutata li kienet nieqsa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, saru l-verifiki mal-uffiċċjali responsabbli mid-duties tan-Naxxar, li kkonfermaw illi fil-ħin tad-dħul u l-ħruġ mill-Iskola Primarja tan-Naxxar, dejjem ikun hemm uffiċċjal tal-pulizija iddettaljat. Ninforma wkoll lil Onororevoli Interpellant illi l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363) jesiġi, illi l-Kunsilli Lokali għandhom jipprovdu għall-ħarsien tat-tfal tal-iskola qrib l-iskejjel.

Pont tal-Mistra – rapporti dwar ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe rapport li sar min-nies tekniċi dwar il-ħsarat/kundizzjonijiet tal-istat li jinsab fih il-pont tal-Mistra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qatt ma rreferiet għal rapporti imma għal investigazzjonijiet li dejjem kienu ta’ natura viżwali u li s’issa indikaw li ma hemm l-ebda periklu imminenti. Intant, Transport Malta qiegħda fil-proċess li tipprepara tender sabiex jitneħħew is-siġar minn mal-istruttura u b’hekk ikun jista’ jsir studju iktar profond fuqha.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa — Funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira – studji dwar il-proġett

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13083 mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2014 , jista' l-Ministru jgħid jekk sarux l-istudji li jittrattaw diversi aspetti dwar il-proġett tal-funikular fil-Mellieħa, liema idea tal-proġett kienet tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Jekk saru dawn l-istudji, jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-proposta li kien għamel il-Kunsill Lokali dwar il-proġett imsemmi, bħalissa hija wieqfa u għaldaqstant f’dan l-istadju m’hemmx ħtieġa li jsiru l-istudji neċessarji. Infurmat ukoll li l-Kunsill qed jevalwa kull possibiltà biex il-proġett ikun jistà jimxi aktar 'il quddiem b’investiment privat.

Każijiet ta’ rapporti dwar vjolenza domestika

Question

Wara li għad-domandi 30513, 30514 u 30515 dwar vjolenza domestika, il-Ministru kien wieġeb li "l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra" jista' l-Ministru jgħid allura kif għad-domandi 30959, 30960 u 30961 meta suppost reġa’ wieġeb l-istess, ir-risposti kienu li "l-Informazzjoni mitluba qatt ma nżammet f'forma ta' data elettronika u mhux possibbli li din tingħata" jista' l-Ministru, fid-dawl tal-mod kif ġew imwieġba b'mod kontradittorju dawn l-istess domandi, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba?

Response (ABELA, CARMELO)

Filwaqt illi nikkonferma li huwa minnu li l-informazzjoni kif ġiet mitluba qatt ma nżammet f’forma ta’ data elettronika, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċertu informazzjoni hija disponibbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jirrigwardaw rapporti ta’ vjolenza domestika magħmula minn irġiel u ieħor illi kienu magħmula minn nisa. Rigward kemm kien hemm tfal u żgħażagħ taħt l-eta` li għamlu rapporti, din l-istatistika ma tinżammx taħt din il-forma ta’ statistika peress li l-persuna li tagħmel rapport mal-Pulizija tkun imniżżla bħala Person Filing Report.

Għawdex — Materjal/pubblikazzjonijiet maħruġa mis-Segretarjat responsabbli mill-Anzjanità Attivà u Persuni b'Diżabilità

Question

Filwaqt li l-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31265 għamel referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31264 u peress li l-Ministru naqas li jpoġġi l-materjal rikjest fuq il-Mejda tal-Kamra għall-istess mistoqsija, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-materjal/pubblikazzjonijiet (b’kollox 14-il pubblikazzjoni) li għalihom għamel referenza fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31264?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul — generator

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk is-swali fir-Residenza San Vinċenz de Paul li bejn is-7 u t-8 ta’ Frar 2017 effettivament spiċċaw bla dawl, għax jew kienu bla ġeneraturi inkella għax il-ġeneraturi li hemm stallati fl-istess residenza ma ħadmux kollha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 31268.

Bord tal-Fostering — prassi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-prassi li ilha tintuża għal numru ta' snin fir-rigward li l-Bord tal-Fostering minbarra f'Malta jiltaqa' ukoll regolarment fil-gżira Għawdxija issa twaqqfet ħesrem fuq deċiżjoni taċ-chairperson b'riżultat li din id-deċiżjoni qed toħloq inkonvenjent għall-foster carers li jgħixu f'Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bord tal-Fostering qatt ma tella’ laqgħat ġewwa Għawdex.

Dar tal-Anzjani tal-Mosta – inkjesti dwr nuqqasijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti relatati mal-inkjesti li saru dwar nuqqasijiet li saru jew allegatament saru fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li jiena tajt għall-mistoqsija parlamentari 29904 u ninfurmah illi m’għandi xejn iżjed xi nżid ma’ dik ir-risposta.

Dar tal-Anzjani tal-Mosta – Ħaddiema — xhieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' ħaddiema li jaħdmu fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, li ssejħu fl-Uffiċini tad-Dipartiment tal-Anzjani sabiex jagħtu l-veduti/xhieda tagħhom dwar il-fatt li fl-istess dar, għal numru ta' ġimgħat, l-anzjani residenti ripetutament kienu qed jużaw l-istess frieket u skieken tal-plastik minflok ma jintremew u jintużaw oħrajn ġodda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li jiena tajt għall-mistoqsija parlamentari 29904 u ninfurmah li m’għandi xejn iżjed xi nżid ma’ dik ir-risposta.

In-Naxxar – Vjal il-Labour junction — roundabout

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25018 fejn kien intqal li Transport Malta kienet bdiet tippjana sabiex tagħmel roundabout fit-tarf ta' Vjal il-Labour junction ma' Triq Franġisku Pisani fin-Naxxar, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-pjan u meta mistennija titlesta din ir-roundabout?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija ser isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.

Transport Malta – In-Naxxar – Triq Gaetano Vitale — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Gaetano Vitale, in-Naxxar, hijiex waħda mit-toroq li Transport Malta mistennija tagħmel matul is-sena 2017 ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija responsabbli għall-ewwel wiċċ ta’ toroq residenzjali skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist ġaladarba dawn it-toroq jkunu ġew iffurmati mill-iżviluppaturi/residenti hekk kif huma obligati bil-liġi.

Pont tal-Mistra — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq il-Pont tal-Mistra, dan anke għall-fatt li x-xita li għamlet fl-aħħar xhur kompliet ħolqot aktar problemi ta' sigurtà fuq l-istess pont?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fuq il-post u l-periklu previst fl-imsemmija triq.