B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2993, jista’ l-Ministru jgħid allura x’qal fil-verità s-Segretarju Parlamentari fil-laqgħa msemmija ġaladarba kien indikat fir-risposta li ġie kkwotat ħażin? Jekk fil-verità ġie kkwotat ħażin, saret kjarifika mal-mezzi tax-xandir dwar dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li s-Segretarju Parlamentari ikkritika lill-Gvern preċedenti għall-mod kif iffirma l-memoranda ta’ ftehim bl-għaġġla, bla studju jew ippjanar, u mingħajr ma tqiesu sew l-interessi tal-għaqdiet sportivi. Huwa semma għaqdiet benefiċjarji li lmentaw miegħu li mhumiex f’pożizzjoni li jużaw l-artijiet inkwistjoni b’mod sostenibbli. Huwa għamilha ċara li l-mod kif se jimxi dan il-Gvern huwa li jaħdem ma’ dawn l-istess l-għaqdiet sabiex ma tintilef l-ebda opportunità li minnha jistgħu jgawdu d-dilettanti sportivi.
Jista` l-Ministru jikkonferma jekk itteħditx id-deċiżjoni li jitneħħew bendy busses minn xi rotot fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew it-tibdiliet li saru fuq rotot tas-servizz pubbliku fl-aħħar ġimgħat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm pjan li jinkludi t-tneħħija gradwali tal-vetturi tat-tip articulated minn rotot fejn hu evidenti li qegħdin joħolqu l-konġestjoni. Dan sejjer isir bħala parti mill-eżerċizzju biex jittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku fl-aħjar interess tal-pubbliku u wara diskussjonijiet intensivi mal-operatur.
Infurmat ukoll li t-tibdiliet li ġew implementati fit-30 ta’ Ġunju 2013 ma kellhom ebda impatt fuq is-sussidju tas-servizz tat-trasport pubbliku u għaldaqstant it-tibdiliet ma ġew jiswew xejn.
Il-Mellieħa – Triq Wied Ruman – sistema tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se titkompla s-sistema tad-drenaġġ fit-Triq Wied Ruman fil-Mellieħa? Huwa konxju li dan in-nuqqas qed jikkawża problemi mhux żgħar lil numru ta’ residenti li jgħixu fil-parti t’isfel ta’ din it-triq?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif hu ppjanat u filfatt diġà beda l-proċess biex is-sistema tad-drenaġġ titkompla fit-triq imsemmija.
Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – pjan lokali
Question
Fid-dawl tal-fatt li għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar bdil fil-pjan lokali, jista` l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkunsidra bdil f`dan il-pjan fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar? Jekk iva, dawn jinkludu ukoll ż-żoni urbani?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għall-artiklu li deher fuq l-ewwel u t-tielet paġna tat-Torċa ta' nhar il-Ħadd 30 ta' Ġunju u rapport imxandar fuq One News dwar l-istess artiklu, jista' l-Ministru jgħid min fil-Kunsill Malti għall-Isport huwa responsabbli li jagħmel riċerka fuq l-artijiet, fosthom biex ikun stabbilit min hu sid l-art, qabel dawn jgħaddu għand l-għaqdiet sportivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li meta tiġi segwita korrettament, il-proċedura biex art tgħaddi għand għaqda sportiva hija kif se nsemmi:
1. L-għaqda sportiva innifisha tkun identifikat is-sit jew qablet mal-Kunsill Malti għall-Isport li s-sit identifikat huwa wieħed adekwat għall-użu sportiv tal-għaqda sportiva in kwistjoni.
2. Il-Kunsill Malti għall-Isport jagħmel talba lid-Dipartiment tal-Artijiet biex is-sit in kwistjoni li jkun jidher fuq il-pjanta provduta mill-organizzazzjoni sportiva innifisha, jiġi mgħoddi lill-Kunsill Malti għall-Isport bħala
Sports Designated
.
3. Id-Dipartiment tal-Artijiet jagħmel ir-riċerki u proċessi kollha meħtieġa, inkluż imma mhux limitat għal jekk is-sit in kwistjoni huwiex propjeta’ tal-Gvern, jekk huwiex okkupat minn ħaddieħor u affarijiet relatati oħra bħal qwiebel, eċċ. biex jiddetermina jekk din l-art tistax tgħaddi għand il-Kunsill Malti għall-Isport.
4. Sussegwenti għall-proċess kollu, joħroġ Avviż Legali li jkun qed jiddikjara s-sit deskritt fl-istess Avviż Legali u fil-pjanta ppublikata mal-istess Avviż Legali bħala propjeta’ tal-KMS u li qed tiġi ddikjarata bħala
Sports Designated
. Dan l-Avviż Legali ma jkunx preparat mill-Kunsill Malti għall-Isport.
5. Wara li l-Kunsill Malti għall-Isport jiġi infurmat illi s-sit għadda għandu, l-istess Kunsill jibda l-proċess biex jittrasferixxi s-sit għand l-għaqda sportiva.
6. Wara li jiġi abbozzat kuntratt minn Nutar Pubbliku, dan jiġi ffirmat mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-għaqda sportiva, fejn sussegwentement jiġi intavolat mis-Segretarju Parlamentari fil-Parlament għall-iskrutinju tal-Membri Parlamentari, fejn idum aċċessibli għal tali skrutinju għal 28 ġurnata. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, il-kuntratt jidħol fis-seħħ.
Għaldaqstant l-ebda persuna fil-Kunsill Malti għall-Isport mhi responsabbli tagħmel riċerka fuq l-artijiet, fosthom biex ikun stabbilit min hu sid l-art, qabel dawn jgħaddu għand l-għaqdiet sportivi. Dan minħabba l-fatt li dak ix-xogħol isir mid-Dipartiment tal-Artijiet.
B'referenza għal dak li ġie kkwotat li qal is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport fil-laqgħa li saret f'Kastilja nhar l-Erbgħa 12 ta' Ġunju, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-ftehim li saru ma' għaqdiet sportivi biex jingħataw artijiet li l-Gvern mhux kuntent bihom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport ġie kkwotat ħażin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li x-xogħol ta’ tarmak fi Triq it-Trill fil-Mellieħa twaqqaf wara li kien diġà beda x-xogħol? Jekk fil-fatt twaqqaf dan ix-xogħol, huwa konxju l-Ministru dwar l-inkonvenjent li se jinħoloq lil dawk li se jkunu qed jiffrekwentaw din iż-żona matul ix-xhur tas-sajf, apparti r-residenti li jgħixu hemm b’mod permanenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill, Mellieħa kellu jitwaqqaf temporanjament minħabba li l-fatt li waqt ix-xogħlijiet instab li kien hemm bżonn li jiġi estiż u jitkabbar culvert tal-ilma eżistenti. Dan sabiex titnaqqas il-problema tal-ilma tax-xita li jgħaddi minn din it-triq. Dan ix-xogħol għandu jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif ikun hemm l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa. Sakemm dan iseħħ, il-kuntrattur ġie mqabbad biex ixarrab il-wiċċ tat-triq minħabba t-trabijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Qortin fil-Mellieħa, liema proċess kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti? Jeżisti timeframe sa meta għandha tkun lesta l-imsemmija triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tas-sejħa għall-offerti li nħarġet f’Ġunju tas-sena l-oħra għal din it-triq ma kinitx konklussiva u bħalissa Triq il-Qortin qegħda fl-istadju ta’ ppjanar sabiex tinħareġ sejħa għal offerti oħra.
Qegħdin jiġu kkonsultati diversi entitajiet biex jiġu aġġornati x-xogħlijiet tas-servizzi meħtieġa. Ġie deċiż ukoll biex fil-ġimgħat li ġejjin ssir investigazzjoni biex ikun dettaljat iżjed it-tip ta’ terran li jeżisti fl-istess triq. Sakemm ma jkunx hemm xi problemi oħra, huwa ppjanat li s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa toħroġ lejn l-aħħar tas-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għaliex, b’mod regolari, fil-ħinijiet ta’ filgħaxija d-dawl (street lighting) fit-telgħa ta’ Selmun qed ikun mitfi?
Jista’ l-Ministru jgħid x`inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat (inkluż fis-17 ta’ Ġunju 2013) il-palm reader fl-Uffiċċju Distrettwali tal-Qawra li tintuża minn dawk li jirreġistraw għax-xogħol mhix qed tiffunzjona? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuni li qed imorru jirreġistraw għax-xogħol ma humiex qed jitteħdilhom l-ebda dettalji peress li din il-magna mhix qed taħdem?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-Uffiċju Distrettwali tal-Qawra qed jiġu eżentati milli jġeddu r-reġistrazzjoni tagħhom hekk kif il-makna tar-reġistrar ta' dan id-distrett żviluppat ħsara fil-mekkaniżmu tagħha. Din il-ħsara ġiet irrapurtata lill-kuntrattur li jipprovdi l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ bis-servizz tal-makni tar-reġistrar biex tissewwa l-ħsara ħalli s-servizz jiġi għan-normal. Jekk il-ħsara tibqa' tippersisti, jintbgħatu ħaddiema biex ir-reġistrar isir manwali. Tajjeb wieħed isemmi li r-reġistranti bl-ebda mod ma huma qed jintlaqtu ħażin. Wieħed irid ukoll iżid illi dawn il-makni tar-reġistrar huma antiki ħafna u sikwit qed jiżviluppaw ħsarat tekniċi. F'dan ir-rigward, il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ qed tagħmel arranġamenti biex tiġi ntrodotta sistema aktar moderna.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2759, jista’ l-Ministru jispjega għaliex fil-lista tal-membri li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra m’hemmx l-ismijiet kollha li kienu pubblikati fl-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni numri PR1016 li kienet pubblikata fit-18 ta’ Mejju 2013? Jista’ jirrispondi għall-mistoqsija kollha li saret u jgħid kemm hu l-ħlas li qed jirċievi kull membru tal-Kummissjoni? Fl-istess waqt jista’ jindika min hu s-segretarju tal-Kummissjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2759, bi żvista, ma ġiex inkluż isem ta' membru tal-Kummissjoni. Qiegħed inpoġġi mill-ġdid fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista tal-membri li jiffurmaw il-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport, li tikkonferma l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni numru PR1016 ippubblikata fit-18 ta' Mejju 2013.
Is-Segretarju tal-Kummissjoni huwa is-Sur Gino Schiavone.
Il-ħlas li se jingħataw il-membri tal-Kummissjoni għadu mhux stabbilit.
B'referenza għal dak li ġie kkwotat li qal is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport fil-laqgħa li saret f'Kastilja nhar l-Erbgħa 12 ta' Ġunju, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-ftehim li saru ma' għaqdiet sportivi qabel l-elezzjoni biex għaqdiet sportivi jingħataw barrieri? Meta kien iffirmat kull ftehim? Jekk il-Gvern se jonora dawn il-ftehim u jekk le għaliex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġie ffirmat kuntratt bejn il-Kunsill Malti Għall-Isport u l-Malta Motorsport Federation fit-23 ta' Jannar 2012 li permezz tiegħu il-federazzjoni ngħatat barriera fil-Mellieħa. Għall-kuntrarju ta' dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant, dan mhux ftehim iżda kuntratt ta' 49 sena. Ta' min jgħid li, wara li ngħatatilha l-art, il-federazzjoni issa trid tħallas kont ta' € 33,000 lill-MEPA biex l-użu tal-art jinbidel għal wieħed sportiv.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu tenders jew talbiet għal kwotazzjonijiet mill-11 ta’ Marzu 2013 ’il hawn għal kwalunkwe xogħol jew servizzi fir-Residenza ta’ San Vinċenż de Paul? Tista’l-Ministru tgħid għal xiex huma, f’liema stadju waslu, għal liema partijiet f`din ir-residenza ntalab ix-xogħol u kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-11 ta’ Marzu sal-lum ma nħarġu l-ebda tenders. Fir-rigward ta’ talbiet għal kwotazzjonijiet mid-data inkwistjoni, nirreferi lill-interpellant għall-informazzjoni li qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri maħtura fil-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport, x`inhu rwol ta’ kull membru fl-istess kummissjoni , x'inhuma l-kwalifiki jew esperjenzi fil-qasam sportiv u xi ħlas qed jingħata lill-membri li qed jiffurmaw din il-kummissjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport għandha il-membri li jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-rwol tal-membri huwa wieħed kollettiv ta’ tim u mhux individwali. Ir-rwol huwa li jissuġġerixxu x’riforma hemm bżonn fl-isport.
Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport – terms of reference
Question
Jista’ l-Ministru jelenka t-terms of reference mogħtija lill-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport u meta hu mistenni li din tlesti l-ħidma tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni Għar-Riforma fl-Isport għandha dawn it-terms of reference:
Il-Kummissjoni jkollha l-għan li tistħarreġ u tagħti pariri lill-Gvern dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-isport u mal-edukazzjoni fiżika tal-pubbliku fil-gżejjer Maltin. Il-Kummissjoni tkun twieġeb direttament lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, li jiddeċiedi dwar kif jiġu implimentati l-pariri tagħha.
L-aġenda tal-Kummissjoni jiffissaha s-Segretarju Parlamentari u, kull tliet xhur, il-Kummissjoni tħejji u tippreżenta lis-Segretarju Parlamentari rapport dwar ħidmietha. Ir-rapporti bis-sejbiet jew proposti tal-Kummissjoni jingħaddew lis-Segretarju Parlamentari biex japprovahom.
Kwalunkwe komunikazzjoni lill-midja u lill-pubbliku inġenerali dwar studji jew ħidma mwettqin mill-Kummissjoni ssir permezz tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari jew inkella mill-Kummissjoni nnifisha wara approvazzjoni bil-miktub mis-Segretarju Parlamentari.
L-infiq kollu tal-Kummissjoni jiġi approvat minn qabel mis-Segretarju Parlamentari.
Il-Kummissjoni tkun magħmula minn president u minn sitt membri oħrajn, li jinħatru mis-Segretarju Parlamentari minn fost nies li jkun jidhirlu li jkollhom il-kompetenza meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet mitlubin minnhom.
Il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni jkun ta’ tliet snin, u jkun jista’ jiġġedded.
Il-membri jirċievu rimunerazzjoni li tiġi stabbilita mis-Segretarju Parlamentari.
Kunsill Malti għall-Isport – awditjar ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Kunsill Malti għall-Isport hux qed isir xi tip ta' awditjar tal-impjegati? Minn min qed isir? Għal liema raġuni? Min huwa il-persuna/il-kumpanija inkarigata minn dan l-audit? X’terms of reference għandu l-persuna u/jew il-kumpanija? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV tal-persuna li qed jagħmel l-audit, lista li telenka l-esperjenzi tal-kumpanija fil-qasam tar-riżorsi umani u kopja tat-terms of reference għal dan l-awditjar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa qed isir eżerċizzju ta' awditjar tar-riżorsi umani tal-Kunsill Malti Għall-Isport minn A. Baldacchino & Co. Management and Consultancy Services. L-għan ta' dan l-eżerċizzju huwa li ssir analiżi tal-istrateġiji, il-proċeduri, id-dokumentazzjoni u s-sistemi tal-Kunsill Malti Għall-Isport b'rabta mar-riżorsi umani. Dan sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet li jeżistu għal titjib f'dan ir-rigward u tiġi żgurata l-konformita' mar-regoli f'dan il-qasam.
It-
terms of reference
għal dan l-eżerċizzju ta' awditjar, il-
curriculum vitae
tal-persuna li qed tagħmel l-
audit
flimkien mal-
work experience
qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Malti għall-Isport – awditjar ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiswa lill-Gvern l-audit li qed isir fuq l-istaff tal-Kunsill Malti għall-Isport, kemm-il darba qiegħed isir dan l-audit? Minn min qed jitħallas u x’inhu l-ammont totali li se jitħallas għal dan l-eżerċizzju? Dan is-servizz ingħata b'tender jew direct order? Jekk ingħata b'direct order, min approvah?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti Għall-Isport ħatar lil A. Baldacchino & Co. Management & Consultancy Services bi ħlas ta' €4,000 bil-VAT inkluż. Minħabba s-sensittivita' ta' dan ir-rapport, ma saretx sejħa għall-offerti iżda l-kuntratt ngħata b'ordni diretta bl-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan l-eżerċizzju ta'awditjar qed isir għall-ewwel darba wara r-rapport oriġinali li kien sar mill-Management Efficiency Unit fis-sena 2011.
Kunsill Malti għall-Isport – impjegati li ssejħu fis-Segretarjat tal-Ministru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Kunsill Malti għall-Isport kienx hemm ħaddiema li ssejħu biex jaħdmu fis-Segretarjat tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari? X'kien il-grad u remunerazzjoni li dawn il-ħaddiema kienu jingħataw mill-Kunsill Malti għall-Isport u x'qed jingħataw issa? Jista' jgħid ukoll meta dawn il-ħaddiema kienu ingaġġati mal-Kunsill Malti għall-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm każ ta' ħaddiema waħda li ġiet trasferita għal mas-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari. Mal-Kunsill Malti Għall-Isport din il-ħaddiema kellha remunerazzjoni ta' €17,088. Mas-segretarjat parlamentari tokkupa l-kariga ta' Uffiċjal fis-Secretariat Pool fi Skala 13. Kienet ġiet ingaġġata mal-Kunsill Malti Għall-Isport fl-10 ta' Diċembru 2012.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ittieħdu uffiċini ġodda fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera minn persuni li mhumiex impjegati tal-Kunsill Malti għall-Isport minn Marzu 2013 sal-lum, għal min kien allokat kull uffiċċju u kemm swiet l-għamara għal kull uffiċċju, inkluż dik għar-rilokazzjoni tal-uffiċċji tal-impjegati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu li għadda fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ittieħdu 4 uffiċini għall-użu ta' persuni mhux impjegati tal-Kunsill Malti għall-Isport. Dawn huma:-
1. Uffiċċju għas-Segretarju Parlamentari
2. Uffiċċju għall-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport
3. Uffiċċju għaċ-Chairman tal-Kunsill Malti Għall-Isport
4. Uffiċċju għall-Assistent Personali taċ-Chairman
S'issa għadha ma nxtrat ebda għamara għal dawn l-uffiċini.
Żjara mill-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u Xjenza
Question
B’referenza għaż-żjara ta’ korteżija li għamlet f’pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u Xjenza, Maire Geoghgan-Quinn, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżna f’dan il-qasam b’rabta mal-istqarrija 1124 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-innovazzjoni, u Xjenza ma żaritx Malta iżda kien hemm laqgħa Brussel li saret bejn l-Onorevoli Dr Stefan Buontempo u l-Kummissarju waqt il-Kunsill Ministerjali tal-Kompettivita’ (Riċerka).
Fis-snin li għaddew Malta għamlet passi kbar il-quddiem fil-qasam tar-riċerka u l-i¿vilupp bit-tmexxija tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST. Proġett ewlieni huwa dak taċ-Ċentru Nazzjonali għax-xjenza interattiva (
National Interactive Science Centre
) li qed jinbena fil-Kumpless ta’ Bighi fil-Kalkara. Dan iċ-ċentru juri l-prijorità li l-gvern qed jagħti għall-edukazzjoni tax-xjenza. L-għan taċ-Ċentru huwa li jkun struttura permanenti fejn l-istudenti u l-pubbliku jistgħu jinvolvu ruħhom f’esperjenza unika ta’ xjenza interattiva u li jippromwovi l-adozzjoni ta' karrieri relatati max-xjenza waqt li jħeġġeġ l-ispirtu intraprenditorjali taż-żgħażagħ tagħna. Iċ-Ċentru, li se jiġi żviluppat bi spiża totali ta' €25 miljun, ser jinkludi galleriji interattivi, sala kbira, ‘Planetarium’, laboratorji, spazji għal
workshops,
cafeteria kif ukoll ġonna sbieħ. Il-kontenut se jkun jaqbel mal-oqsma distinti ta' l-kurrikulu nazzjonali tax- xjenza, iżda huwa wkoll immirat lejn il-pubbliku ġenerali.
Kull sena l-Gvern jiffinanzja għadd ta' proġetti b'appoġġ tal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Wieħed mill-istrumenti ewlenin ta’ finanzjament huwa l- Programm Nazzjonali għal Riċerka u Innovazzjoni li żdied kwazi erba` darbiet u nofs matul l-aħħar snin. Fil-fatt, il-finanzjament għal dan il-Programm żdied minn € 400,000 fl-2004 sa € 1.6 miljun fl-2012. L-MCST irċeviet total ta' 46 proposta, b’talba għal € 8.3miljun – żieda fid-domanda sostanzjali meta mqabbla mal-€ 5.8 miljun fl-2011. Barra minn hekk, is-sena l-oħra beda wkoll programm għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ideat li għandhom potenzjal qawwi fis-swieq lokali u barranin.
Bħala Kuntatt nazzjonali (NCP), il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija tgħin lir-riċerkaturi Maltin jaċċessaw fondi tal- Unjoni Ewropea mis-Seba' Programm Qafas, l- FP7.
Dan wassal biex, sal-bidu tal-2013, il-Maltin gawdew minn kwazi 14-il miljun ewro f'fondi Ewropej biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq proġetti importanti ta' riċerka.
Il-programm COST (il-Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija), immexxi mill-Kunsill, jġib flimkien riċerkaturi minn pajjiżi differenti biex jippromwovu l-koordinazzjoni transnazzjonali ta’ riċerka. Minn sitt azzjonijiet tal-COST (
cost actions
) fl-2009, il-parteċipazzjoni telgħet għal aktar minn 100 azzjoni sal-bidu tal-2013, b’parteċipazzjoni ta’ iktar minn 150 riċerkatur. Fis-sena 2012 biss, Malta bdiet tieħu sehem fi 38 Azzjonijiet ġodda bl-involviment ġdid ta' 56 riċerkatur.
Minbarra l-FP7 u l-COST, il-Kunsill qed ikompli jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni barra minn Malta. Fl-aħħar sena, baġit ta' €150,000 ġie allokat għall- attivitajiet li jippermettu lir-riċerkaturi Maltin u membri mill-industrija jieħdu sehem f’attivitajiet internazzjonali f ‘ dal-qasam. Bini ta’ netwerks internazzjonali ma' riċerkaturi ewlenin mhux biss jiżguraw li Malta tkompli tikber u tissaħħaħ f'oqsma ta’ importanza nazzjonali, iżda wkoll li joħolqu opportunita` għal aktar impjiegi f'dan il-qasam.
Fil-fatt, wieħed mis-suċċessi kbar ta’ din l-inizzjattiva huwa l-proġett imsejjaħ Lab4MEMS li ġie approvat mill-ENIAC, raggruppament Ewropew tal-industrija u l-akkademja fis-settur tal-mikroelettronika, b’investiment għal Malta ta' € 4.6 miljun. Il-proġett Lab4MEMS huwa kkoordinat mill-STMicroelectronics fl-Italja, bil-parteċipazzjoni ta 'STMicroelectronics ta’ Malta u d-Dipartiment ta' Mikro u Nanoelettronika fl-Università ta' Malta. L-iskop ta' Lab4MEMS huwa li jistabbilixxi netwerk għal riċerka u żvilupp ta' teknoloġiji avvanzati użati fit-teknoloġiji magħrufa bħala MEMS.
Dawn l-inizzjattivi huma kollha mfassla fuq strateġiji nazzjonali għar-riċerka. Din is-sena tniedu ¿ewġ strateġiji ta' riċerka, waħda dwar is-saħħa u oħra dwar il-manifattura li tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa. L-istrateġija fil-qasam tas-saħħa għandha l-għan li tixpruna riċerka għal modi ġodda kif intejbu l-qasam tas-saħħa f'pajjiżna. Sforzi f’dal-qasam diġa bdew jagħtu l-frott. Malta qed tissieħeb ma' konsorzju internazzjonali immexxi mill-Universita ta’ Leuphana fil-Germanja u ma l- ICHOM, Sclavo Vaccines tal-Italja u Novartis, flimkien ma universitajiet u industriji oħra prestiġġjużi sabiex ifasslu proġett għal-fondi mill-Istitut Ewropew ghall-Innovazzjoni u Teknologija (EIT). Dan il-progett fuq
Active and Healthy Ageing
se jiffoka fuq il-potenzjal li r-riċerka tista toffri liċ-ċittadini biex jgħixu ħajja attiva u indipendenti anke meta jixjieħu.
Dawn huma ftit mill-inizzjattivi nazzjonali li qed iseħħu f’pajjizna. Ma rridux ninsew ukoll l-investiment qawwi li qed isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) fl-infrastruttura għar-riċerka tal-Universita ta’ Malta, kif ukoll fi proġetti kbar bħal BioMalta Life Sciences Centre – proġett ta’ 38 miljun li jibni fuq is-suċċess ta' setturi bħall-manifattura, tal-farmaċewtika u tat-tagħmir mediku.
Dawn ir-riżultati kollha jixhdu l-potenzjal tal-Maltin fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni, qasam li għandu l-potenzjal li joħloq aktar impjiegi u li jwassal għal tkabbir ekonomiku u kwalita' ta' ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.