Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għall-Isport – allokazzjoni ta' baġit

Question

B’rabta mal-istqarrija numru 1504 maħruġa s-sibt 13 ta’ Lulju mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif is-Segretarju Parlamentari wasal għall-konklużjoni li “75% tal-baġit tal-Kunsill Malti għall-Isport imur għall-ispejjeż amministrattivi u 17% biss imorru għall-għaqdiet sportivi”? Jista’ jgħid fejn jintefqu t-8% li jifdal mill-baġit tal-Kunsill Malti għall-Isport skont kif ikkalkulat mis-Segretarju Parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta' finanzi allokati lill-Kunsill Malti Għall-Isport mill-baġit li tressaq f'April 2013 u li kien ippreparat mill-amministrazzjoni preċedenti huwa ta' ftit aktar minn €5 miljuni. Spejjeż operattivi tal-Kunsill Malti Għall-Isport se jkunu ta' madwar €4 miljuni. L-istqarrija tas-Segretarju Parlamentari kienet qed tirreferi għall-baġit allokat mill-Gvern. L-ammont ta' flus li kellu l-KMS mill-baġit approvat mill-Gvern għall-għaqdiet sportivi huwa ta' anqas minn €900,000. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li jifdal aktar minn 8% peress li l-Kunsill Malti Għall-Isport fis-sena 2013 se jkun għamel telf ta' €708,192 liema telf kellu jagħmel tajjeb għalih il-fond tal-isport.
Leg 12 PQ #3878 Sitting 54 2013-07-17 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Fondi UIF – kunsill lokali tal-Mellieħa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm se jkun qed jibbenefikaw il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa minn fondi speċjali tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) magħrufa bħala UIF bejn l-2008 u l-2013 u li fihom jinkludi ukoll dawk approvati mill-MEPA iżda għadhom ma tħallsux sad-data li fiha qed titressaq din id-domanda?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-ammont imħallas fil-perjodu msemmi mill-UIF lilll-Kunsill Lokali tal-Mellieħa huwa ta’ €418,104,34.

Il-Mellieħa — Park tal-Familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien is-sehem tal-Gvern bħala Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fit-twettiq tal-Proġett tal-Park tal-Familja fil-Mellieħa li ġie inawgurat aktar kmieni din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Niġbed l-attenzjoni lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhuwiex il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali iżda l-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – fondi Ewropej

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm kienu l-fondi Ewropej taħt programmi u inizjattivi varji li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bbenefika minnhom bejn Marzu 2008 u Ġunju 2013? Jista’ jelenka wkoll liema kienu dawn il-proġetti, programmi jew inizjattivi b’rabta mal-Unjoni Ewropea?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Il-Mellieħa – fondi għal toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema triq kien qed jirreferi meta reċentement stqarr pubblikament “li l-flus li kienu se jintefqu fuq triq fil-Mellieħa, issa ġie deċiż li jintefqu fuq proġett ieħor” li ma kienx fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-istqarrija li għamilt fi Triq Melita fil-Belt Valletta, kont għidt li l-flus li ntefqu biex reġgħet saret Triq Melita kieku bihom konna nagħmlu żewġ toroq oħra minflok li erġajna qlajna triq ġdida wara sentejn. Jien kont tajt eżempju ta’ Triq Pawlu Mallia fil-Gudja u Triq l-Istasija fil-Mellieħa. Dawn kienu biss eżempju tat-toroq li huma fil-programm ta’ toroq li jridu jsiru. Naħseb li l-Onor. Interpellant jiddeplora l-fatt li Triq Melita kellha terġa tinqala’ u ssir mill-ġdid bi spejjeż għall-poplu Malti u jaqbel miegħi li kieku dawn il-flus setgħu intefqu biex isiru toroq oħrajn bħall-eżempji li tajt jiena fl-istess stqarrija imsemmija.

Il-Manikata — Triq il-Mellieħa - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li sad-9 ta’ Settembru 2013, ix-xogħol fuq Triq il-Mellieħa fil-Manikata ilu wieqaf għal numru ta’ ġimgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Mellieħa Manikata kellhom jieqfu minħabba li Transport Malta qed tistenna direzzjoni mingħand il-Water Services Corporation rigward shifting ta’ main ta’ drenaġġ li jaqsam minn ġewwa l-parkeġġ eżistenti maġenb din it-triq. Barra minn hekk, qegħdin isiru konsultazzjonijiet mal-MEPA biex isiru emendi rigward linji tat-triq biex ikun hemm immaniġġjar aħjar tat-traffiku f’din l-istess triq. Bħalissa qegħdin isiru wkoll xi xogħlijiet ta’ bini ta’ ħitan madwar it-triq.

Kunsill Malti għall-Isport – bdil fil-funzjoni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jbiddel il-funzjoni attwali u l-mod kif qed jaħdem illum l-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Gvern ma għandu l-ebda pjan f'dan ir-rigward.

Kunsill Malti għall-Isport – Kap Eżekuttiv

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1302, jista' l-Ministru jikkonferma jekk iċ-Chairman attwali tal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) kienx wieħed minn dawk li applika għall-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-istess KMS u fil-fatt ismu ma jidhirx fil-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra għax ma kienx għadda mill-interview? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux minnu li skont rapport ippubblikat fit-Torċa ta' nhar il-Ħadd 30 ta' Ġunju f'paġna 5, l-istess Chairman qed jinvestiga l-proċess tal-għażla tal-Kap Eżekuttiv li hu stess kien kandidat fih? Jekk dan hu minnu min qabbad liċ-Chairman jagħmel din l-investigazzjoni? Ma jaħsibx li ċ-Chairman kellu jiddikjara kunflitt ta' interess u jitlob biex ma jagħmilx din l-investigazzjoni hu? X'kien ir-rwol taċ-Chairman fl-investigazzjoni sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hija iva nikkonferma u t-tweġiba għat-tieni parti hija le mhux minnu.

Pixxina Nazzjonali — manager

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-faċilità tal-Pixxina Nazzjonali għandhiex manager full-time fil-preżent ? Jekk iva, jista’ jagħti l-isem tal-persuna u jekk le minn min qed titmexxa u fiex wasal il-proċess sabiex jiġi maħtur manager?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa l-Kumpless Sportiv tal-Qroqq qed jitmexxa mill-Manager responsabbli mill-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop sakemm il-persuna magħżula biex tmexxi l-Kumpless Sportiv tal-Qroqq tassumi r-responsabilitajiet tagħha fil-bidu ta' Awwissu li ġej. Il-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop qed ikun temporanjament amministrat mill-Head of Logistics.

Pixxina Nazzjonali – rapport

Question

B'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern nru 784 fil-25 ta` April, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ir-rapport li ssemma dakinhar, li kellu jittratta dwar il-qagħda tal-Pixxina Nazzjonali ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ir-rapport li qed jirreferi għalih tlesta.

Pixxina Nazzjonali — manutenzjoni

Question

Jista` l-Ministru jgħid x`tip ta’ xogħol ta’ manutenzjoni sar fil-Pixxina Nazzjonali u x’kienet in-nefqa sa issa bejn Marzu u Ġunju 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2755 , jista’ l-Ministru jgħid jekk intlaħaqx ftehim fuq il-Pakkett Leġiżlattiv tal-Orizzont 2020 waqt it-tmien trilogu li sar fis-17 ta` Ġunju 2013? Jekk intlaħaq, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan il-ftehim? Jista’ jgħid x`se tkun il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq dan is-suġġett jekk kemm-il darba ntlaħaq ftehim, u jekk le kif se jkun qed jimxi l-Gvern Malti fuq din il-materja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fit-trilogu tal-25 ta’ Ġunju, 2013, intlaħaq ftehim preliminarju bejn il-Presidenza u l-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020. Għalkemm waqt COREPER I tas-27 ta’ Ġunju, 2013, il-Pajjiżi Membri esprimew appoġġ ġenerali għat-test ta’ dan il-qbil preliminarju, ħareg ċar li hemm xi punti oħra li jeħtieġu iktar diskussjoni qabel it-test finali jista’ jkollu approvazzjoni politika finali. Dawn il-punti huma 1) l-Att Delegat għall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ( the Delegated Act for the Joint Technology Initiatives derogation from the Rules of Participation ), 2) il-baġit allokat għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni 3) Food4Future / Value Added Manufacturing Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (Knowledge and Innovation Communities, KICs). Bħalissa, Malta qiegħda fil-proċess li teżamina t-test ta’ dan il-ftehim preliminarju. Waqt COREPER I tas-27 ta’ Ġunju, 2013, Malta indikat li mill-ewwel evalwazzjoni tagħha jidher li l-figura baġitarja ta’ 0.8% allokata għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju hija baxxa wisq. Il-Kummissjoni iżda assigurat lill-Pajjiżi Membri li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju se jkollhom allokazzjoni finanzjarja ta 4.5% tal-baġit tal-Qafas tal-Programm Orizzont 2020 meta wieħed iqis il-fondi li ġew allokkati lis-Single SME Instrument. Il-Presidenza se tippreżenta it-test konsolidat tal-qbil li ntlaħaq fil-25 ta’ Ġunju, 2013, bil-għan li jintlaħaq ftehim politiku, waqt COREPER I tas-17 ta’ Lulju, 2013. L-għan ta’ Malta huwa li jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibli u f’dan ir-rigward bi ħsiebha tkun flessibbli waqt COREPER I tas-17 ta’ Lulju, 2013 sabiex dan il-qbil jintlaħaq.

Riċerka u Innovazzjoni — nefqa tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun in-nefqa tal-Gvern fuq ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għas-sena 2013, anke fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2754 fejn bla ma kien indikat l-ammont intqal li “il-Gvern huwa impenjat li jinvesti bis-sod f`dan il-qasam”?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għaqdiet sportivi – titolu ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex art u/jew proprjetà tal-Gvern tgħaddi għand għaqda sportiva b'titolu legali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3487.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — Membri

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3033, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit il-ħlas li se jingħataw il-membri tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport? Jekk iva kemm se jkun qed jieħu kull membru b'mod individwali? Jekk le, jista' jgħid jekk hux il-ħsieb li kull membru li hemm fil-bord jieħu ħlas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Għad mhemmx żviluppi rigward din il-materja.

Kunsill Malti għall-Isport – sussidju fuq kirjiet ta’ art/proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rata ta' ħlas u s-sussidju fuq l-ammont ta' kirja ta' art u/jew proprjetà ikunux miftiehma mal-għaqda/assoċjazzjoni li tingħata l-art u/jew proprjetà? Dan l-ammont ikun inkluż fil-kuntratt jew memorandum of understanding maqbul u ffirmat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-għaqda/assoċjazzjoni rispettiva? Min jiddetermina dan l-ammont?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-rata ta' ħlas u s-sussidju fuq l-ammont ta' kirja ta' art u/jew propjeta' ikunu komunikati lill-għaqda sportiva li tkun se tingħata l-art u/jew propjeta' qabel ma tersaq għall-iffirmar tal-kuntratt. Dan l-ammont ikun inkluż fil-kuntratt jew memorandum of understanding maqbul u ffirmat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-għaqda rispettiva. Il-kera kummerċjali ta' art u/jew propjeta' tkun determinata skont evalwazzjoni li ssir minn perit imqabbad mill-Kunsill Malti għall-Isport. Sal-lum, il-policy tal-Kunsill Malti għall-Isport hi li s-sussidju fuq il-kera ikun ta' 95% fuq art li ser tintuża għal skop sportiv u 75% għall-partijiet tal-art/propjeta' li fihom tkun issir attivita' kummerċjali li ssostni l-attivita' sportiva tal-għaqda, bħal per eżempju bar.
Leg 12 PQ #3491 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Urban Improvement Funds

Question

B`referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1237, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bdietx tapprova pagamenti relatati mal-Urban Improvement Funds (UIF) minn wara l-11 ta` Marzu ’l hawn? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess tal-pagament taż-żewġ proġetti approvati li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li kienu indikati fid-domanda msemmija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Motorsport Federation — użu ta’ barriera

Question

B`referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2908 jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi xogħol mill-Malta Motorsport Federation fuq il-barriera indikata? U jekk sar, fiex wasal il-proċess sabiex din il-barriera tibda tintuża għall-iskop li għaliha ngħatat? Jista’ jikkonferma jew le jekk il-Gvern preżenti hux qed jikkunsidra xi alternattivi oħra dwar l-użu tal-barriera indikata? Jista’ jgħid jekk din il-federazzjoni sportiva ngħatatx għajnuna finanzjarja mill-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Malta Motorsport Federation m’għamlet l-ebda xogħol fuq is-sit imsemmi. Il-Gvern qiegħed f’diskussjoni ma’ din l-għaqda biex jiġu analizzati l-possibiltajiet tal-aħjar użu għal dan is-sit. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, iva nikkonferma.
Leg 12 PQ #3493 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Finanzi

Good Causes Fund — membri tal-bord

Question

Jista` l-Ministru jgħid jekk il-bord tal-Good Causes Fund ġiex imwaqqaf minn wara Marzu li għadda? U jekk iva, jista` jgħid min huma l-membri li jiffurmaw dan il-bord ?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Il-Membri li jiffurmaw il-bord tal-Good Causes Fund bħalissa huma s-Sur Mario Cutajar , is-Sur Mark Cutajar u s-Sur Jonathan Cardona

Is-Selmun – Dawl tat-triq mitfi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għaliex, b’mod regolari, fil-ħinijiet ta’ filgħaxija d-dawl (street lighting) fit-telgħa ta’ Selmun qed ikun mitfi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istreet lighting tat-telgħa ta' Selmun kien ġie rranġat fit-12 ta' Ġunju,2013. Ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, il-bieraħ 4 ta' Lulju marru jiċċekkjaw fuq il-post u kkonfermaw li d-dawl imsemmi qed jixgħel. Sal-lum il-Korporazzjoni Enemalta ma rċeviet ebda rapport ieħor fuq din il-ħsara.