Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għall-Isport — riżenji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm aktar riżenji mill-Kunsill Malti għall-Isport fl-aħħar ġimgħat apparti dik taċ-chairman?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ma kienx hemm aktar riżenji.

San Pawl il-Baħar — bypass - bozoz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4291, jista’ l-Ministru jara li jkun hemm koordinament bejn l-Korporazzjoni Enemalta u Transport Malta peress li filwaqt li l-Enemalta qed jgħidu li l- bypass taqa’ taħt Transport Malta, l-istess Transport Malta qed tgħid bil-kontra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bypass ta' San Pawl, minn Burmarrad sax-Xemxija, magħruf bħala Dawret San Pawl, taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta. Din filfatt tidher fuq il-mappa ta' Transport Malta bħala Project 3 (CF).

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa tal-Kummissjoni għar-Riforma tal-Isport saret minn meta ġiet kostitwita, u jgħid ukoll x`kienet l-attendenza ta’ kull membru f’kull laqgħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport iltaqgħet disa' darbiet qabel ix-xahar ta' Awwissu u darba fix-xahar ta' Settembru - total ta' għaxar laqgħat. L-attendenza tal-membri kienet massima ħlief għall-eżenzjonijiet li ġejjin għal raġunijiet aċċettati mill-Kummissjoni: Paul Stoner - erba' darbiet (13 ta' Ġunju; 20 ta' Ġunju; 04 ta' Lulju u 19 ta' Settembru) Alessandra Pace - tlett darbiet (20 ta' Ġunju; 27 ta' Ġunju u 19 ta' Settembru) Angiolino Sciberras - darba (04 ta' Lulju).

Kunsill Malti għall-Isport – laqgħat tal-Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-bord tad-diretturi attwali tal-Kunsill Malti għall-Isport minn meta ġie kostitwit sal-lum, u jindika l-attendenza ta’ kull membru tal-bord, laqgħa b’laqgħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Bord tad-Diretturi tal-Kunsill Malti għall-Isport iltaqa' tmien darbiet bejn Mejju u Settembru 2013. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.

Kunsill Malti għall-Isport – riżenja taċ-Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja taċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja taċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport.
Leg 12 PQ #4432 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Mellieħa – pjanijiet għaż-żona tal-Għadira

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għaż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa? X’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex jara li l-bajja tal-Għadira ma ssirilhiex ħsara u tiġi mħarsa f’eventwalità ta’ proġetti fiż-żona?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan Lokali għall-Majjistral ta' Malta tal-2006 jinkludi wkoll taqsima dwar iż-żona tal-Għadira u jagħmel proposti dwar kif għandu jitħares l-ambjent u jagħti gwida dwar kif jistgħu jsiru xi proġetti għar-rikrejazzjoni, turiżmu u trasport. Madanakollu, il-MEPA qiegħda tniedi proġett parzjalment iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li permezz tiegħu se jitħejjew pjanijiet għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 kollha ta' fuq l-art, inkluża ż-żona li tiġbor fiha l-Għadira u l-kampanja ta' madwarha. Dan il-pjan se jitlesta fis-sena 2014, u għandu jservi wkoll bħala qafas li jirregola l-interventi fl-inħawi. Proġetti u żviluppi individwali, b'mod partikolari dawk li jistgħu jkollhom effetti fuq l-ambjent, jeħtieġu valutazzjoni bir-reqqa skont il-merti tal-każ, sabiex ikunu evitati interventi li jħallu ħsara fuq l-istess ambjent. Inizjattivi oħra li jolqtu partikolarment il-bajja tal-Għadira jaqgħu bħala parti mill-obbligi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropeja tal-ilma (Water Framework Directive) Ii l-MEPA tagħmel monitoraġġ għall-kwalita’ tal-baħar madwar Malta u Għawdex, kemm kimika kif ukoll ekoloġika. Dan il-monitoraġġ jinkludi kampjuni li jinġabru miż-żona tal-Għadira. Dan il-programm ta’ monitoraġġ jiġi rrevedut kull sitt snin u jiġi nkluż fi pjan ta’ l-immaniġjar ta’ l-ilma. Il-pjan tal-ilma jinkludi diversi miżuri sabiex tiġi mħarsa l-kwalita’ ambjentali tal-baħar minn attivitajiet li jsiru fl-istess żona. Fost dawn il-mizuri qegħda tiġi mfassla sistema fejn bħala parti mill-permess tal-operat ambjentali, dawk l-operaturi li bl-operat tagħhom jwasslu għall-emissjonijiet fl-ilma baħar, għandhom l-obbligu li jagħmlu monitoraġġ ta’ dawn l-emissjonijiet skond linji gwida approvati mill-MEPA.

Il-Mellieħa – Għadira – Triq ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett ta’ triq ġdida fiż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa għadux qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern? Jekk le, hemm xi tip ta’ proġett ieħor li qed jiġi ppjanat mill-Gvern għaż-żona imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ diversi proġetti, fosthom dak imsemmi minnu.

Il-Mellieħa Skola Primarja – trasport

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-servizz ta’ trasport li jwassal it-tfal tal-Kinder li jattendu fl-iskola Primarja tal-Mellieħa, mill-kulleġġ Maria Regina, mhux qed jingħata kif kien jingħata fis-snin l-imgħoddija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-Servizz tat-Trasport tal-Iskejjel ipprovdut mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi lil skejjel Primarji tal-Istat jiġi pprovdut skont Kapitolu 327 - L-Att Dwar L-Edukazzjoni – Taqsima IV fejn: “43. (1) Ikun id-dmir tal-Istat li jipprovdi għall-edukazzjoni primarja tal-ulied ta’ ċittadini Maltin meta dawk l-ulied ikunu ta’ età obbligatorja għall-iskola. (2) Għall-għan imsemmi fis-subartikolu (1), il-Ministru għ andu, sa fejn possibbli, jżomm skola f’kull belt jew ra ħal u għandu jipprovdi trasport għal studenti li joqogħdu f’inħawi li huma ’l bogħod mill-iskola. (3) L-Istat jista’ jipprovdi skejjel għ al tfal żg ħar li huma taħt letà obbligatorja għall-iskola." Infurmat ukoll li t-Trasport fl-Iskejjel Primarji kien dejjem ipprovdut għat-tfal bejn l-ewwel sena Primarja u s-sitt sena Primarja. Tfal li jattendu Kindergarten qatt ma kienu jiġu pprovduti bi trasport. Madankollu, meta l-vetturi li kienu jintbgħatu biex jagħtu servizz fl-Iskejjel Primarji kien ikollhom il-vojt, id-Direttorat qatt ma oġġezzjona milli l-postijiet vojta fuq il-vetturi jiġu użati minn studenti tal-Kinder, sakemm dawn ikollhom post adekwat fejn ipoġġu fuq il-vettura. Fis-sena skolastika 2012-2013, l-iskola Primarja tal-Mellieħa fi ħdan il-Kulleġġ Maria Reġina kienu pprovduti b’servizz ta’ 3 vannijiet u 3 kowċis. It-total tan-numru ta’ tfal li għandhom bżonn trasport jigi stabbilit mill-Iskola. Fuq din l-informazzjoni li tingħata mill-Iskola lis-Servizz tat-Trasport tal-Iskejjel, jiġi stabbilit it-tip ta’ trasport li għandu jiġi provdut. Din is-sena skolastika (2013-2014), l-Iskola Primarja tal-Mellieħa għamlet it-talba tagħha mill-ġdid bin-numru ta’ tfal li huma intitolati għat-trasport u ġew ipprovduti bi 3 vannijiet u 3 kowċis.

Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux qed jikkunsidra li jxolji l-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed nevalwaw l-operat tal-Kunsill Malti għall-Isport.

Burmarrad – bozoz fil-pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-pjazza ta’ Burmarrad hemm numru ta’ bozoz li ilhom xhur mitfija u minkejja li dawn ġew irrapurtati diversi drabi baqgħu ma nxtegħlux?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed tinvestiga l-każ.

San Pawl il-Baħar – bypass — bozoz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-bypass ta’ San Pawl, minkejja li ilhom jiġu rappurtati għal numru ta’ xhur, hemm bozoz mitfija u arbli imdawrin?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tad-dawl f'toroq arterjali kienet għaddiet f'idejn Transport Malta.

Il-Wardija – Triq il-Qalb ta’ Marija – bozza mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fi Triq il-Qalb ta’ Marija fil-Wardija bozza li ilha xhur tiġi rrappurtata mitfija, baqgħet ma nxtegħlet qatt?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed tinvestiga l-każ.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — membri

Question

B`referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3033 u 3489, jista’ l-Ministru jgħid ġiex stabbilit il-ħlas li se jingħataw il-membri tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports? Jekk iva kemm se jkun qed jieħu kull membru b’mod individwali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairman tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport se jieħu l-onorarja b'mod retroattiv mill-bidu tal-ħatra tiegħu ta' €3,000 fis-sena għax-xogħol tiegħu. Bl-istess mod il-Membri tal-Bord tal-Kummissjoni jingħataw onorarja b'mod retroattiv ta' €1,000 fis-sena.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm riżenji jew persuni nominati ġodda fi ħdan din il-Kummissjoni sa mit-twaqqif tagħha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-Kummissjoni Għar-Riforma fl-Isport ma kien hemm l-ebda riżenji u lanqas persuni nominati ġodda.

Skemi u proġetti ġodda relatati mal-isport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-inizjattivi, skemi u proġetti ġodda relatati mal-isport li nieda l-Gvern preżenti f’dawn l-aħħar xhur u li ma kinux elenkati jew imnedija mill-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Ottubru li ġej il-Kunsill Malti għall-Isport se jkun qed itella' għall-ewwel darba l-European Move Week, inizjattiva li se tkun qed tidħol fil-kalendarju annwali ta' inizjattivi mill-Kunsill Malti għall-Isport bil-għan li tħeġġeġ aktar nies jagħmlu attivita' fiżika. Għalkemm ma kien hemm ebda skemi ġodda imnedija minn din l-amministrazzjoni peress li, għal fini ta' stabbilita', dan il-Gvern għażel li jżomm il-baġit hekk kif propost mill-Gvern preċedenti, bħalissa qed issir analiżi ta' kull skema eżistenti biex jiġi evalwat jekk dawn l-iskemi hux qed iħallu l-effett mixtieq. Il-Gvern se jkun qiegħed jelenka u jniedi skemi ġodda relatati mal-isport u li l-amministrazzjoni preċedenti ma kinitx qed tikkontempla li tintroduċi, fil-baġit li jmiss u oħrajn li jsegwu.

Inizjattivi, skemi u programmi relatati mal-isport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-inizjattivi, skemi u programmi relatati mal-isport li kienu mnedija mill-Amministrazzjoni preċedenti u li dan il-Gvern reġa’ kkonfermahom, u liema huma dawk li ma ġewx ikkonfermati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern preżenti żamm il-qafas tal-baġit għall-2013 kif preżentat mill-amministrazzjoni preċedenti u sussegwentement ikkonferma l-inizjattivi mħabbra f'Novembru 2012.

Kunsill Malti għall-Isport u Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports – laqgħat ma’ għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports humiex jiltaqgħu separatament mal-għaqdiet sportivi? Jekk iva, jista’ jgħid ma’ liema għaqdiet sportivi saru laqgħat min-naħa tal-Kunsill Malti għall-Isport u min-naħa tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Le, il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports m'humiex jiltaqgħu separatament mal-għaqdiet sportivi.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti sa issa l-ħidma tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports u jekk hux previst li fil-ġimgħat li ġejjin jiġi ppreżentat rapport dwar il-ħidma mwettqa s’issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport iltaqgħet mhux inqas minn darba fil-ġimgħa (barra x-xahar ta' Awwissu). Il-Kummissjoni iddiskutiet suġġetti dwar l-isport li jinkludu l-KMS, ir-riċerka, il-finanzi, il-faċilitajiet, il-media, il-marketing u l-iżvilupp u l-edukazzjoni. Diġa tħejja l-ewwel rapport tal-Kummissjoni fuq is-suġġetti msemmija.

Kunsill Malti għall-Isport u Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports bejn Mejju u Awwissu 2013, x’kien l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat u x’kienu s-suġġetti diskussi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda laqgħa ta' diskussjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport bejn Mejju u Awwissu 2013.

Politika Nazzjonali ġdida għaż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi raġuni għall-fatt li kontra l-prassi kif sar fil-passat, rappreżentanti taż-żgħażagħ fi ħdan il-partiti politiċi ma ġewx nominati/mistiedna biex ikunu parti mill-kumitat konsultattiv biex jaħdem fuq it-tfassil ta’ politika nazzjonali ġdida għaż-żgħażagħ wara li din tiġi fi tmiemha fl-aħħar ta’ din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Jien infurmat li l-Kumitat konsultattiv imwaqqaf biex ifassal il-politika nazzjonali ġdida għandu l-funzjoni biex jagħmel l-ewwel qafas għal konsultazzjoni. Dan ifisser li ż-żgħażagħ fi ħdan il-partiti politiċi se jiġu mistiedna fix-xhur li ġejjin biex jagħtu l-kontribut tagħhom u huma wkoll ikollhom sehem fit-tfassil tal-politika taż-żgħażagħ. Barra minn hekk l-Aġenzija Żgħażagħ talbet, permezz ta' e-mail lil għaqdiet reġistrati magħha, jgħaddu l-ewwel proposti tagħhom.