Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit 2014 -Vot għall-Isport — tnaqqis

Question

Wara d-diskors tal-baġit għas-sena 2014 li ġie ppreżentat il-bieraħ 4 ta’ Novembru 2013, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm tnaqqis previst fuq il-vot tal-isport meta mqabbel ma' dak ta' din is-sena? Jekk iva, jista’ jgħid b'kemm tnaqqas u minn fejn se jkun qed jitnaqqas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji 2014 li għadhom kif ġew imressqa mad-dikors tal-budget ta' l-04 ta' Novembru 2013.

Baġit 2014 -Vot għaż-Żgħażagħ — tnaqqis

Question

Wara d-diskors tal-baġit għas-sena 2014 li ġie ppreżentat il-bieraħ 4 ta’ Novembru 2013, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm tnaqqis previst fuq il-vot taż-żgħażagħ meta mqabbel ma' dak ta' din is-sena? Jekk iva, jista' jgħid b'kemm tnaqqas u minn fejn se jkun qed jitnaqqas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji 2014 li għadhom kif ġew imressqa mad-dikors tal-budget tal-04 ta' Novembru 2013.

kunsilli lokali — Skema tal-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hix se terġa' tiġi varata l-iskema tal-isport immirata għall-kunsilli lokali matul is-sena 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa qed jiġu mfassla skemi li se jiġu varati matul is-sena d-dieħla.

Kunsill Malti għall-Isport — allokazzjoni finanzjarja 2014

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsill Malti għall-Isport għas-sena 2014 u jekk din hix se tkun inqas minn dik li kienet allokata għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji 2014 li għadhom kif ġew imressqa mad-dikors tal-budget tal-04 ta' Novembru 2013.

għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi – għajnuna finanzjarja għall-2014

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew le hux se jkun hemm tnaqqis fl-għajnuna finanzjarja li s-soltu tingħata lill-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi għas-sena 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji 2014 li għadhom kif ġew imressqa mad-dikors tal-budget tal-04 ta' Novembru 2013.

Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema xahar u sena twaqqfet l-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel mill-Kunsill Malti għall-Isport u kemm kien in-numru ta' tfal li kienu reġistrati (sena, sena) fi ħdan din l-akkademja sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel bdiet f'Ottubru 2011: · fl-ewwel sena (2011) kien hemm 24 parteċipant u · fit-tieni sena (fl-2012) kien hemm 28 parteċipant

Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel – lecture room — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol infrastrutturali fuq il-lecture room li tintuża għat-tagħlim fl-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel u kif kien iffinanzjat ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħol infrastrutturali fuq il-lecture room li tintuża għat-tfal fl-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Zwiemel beda fis-sena 2012 u tlesta issa. Ix-xogħol ġie ffinanzjat mill-Kunsill Malti għall-iSport.

Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tfal reġistrati fl-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel matul din is-sena akkademika (2013/2014)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn din is-sena akkademika, l-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel qed titmexxa mill-Malta Racing Club. Ninsab infurmat li hemm tmintax (18) tfal irreġistrati. Infurmat ukoll li hemm oħrajn li potenzjalment jirreġistraw.

Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel – tagħlim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jiġi jiswa t-tagħlim fi ħdan l-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel matul din is-sena skolastika u x'tip ta' assistenza se jingħata lill-Malta Racing Club mill-Kunsill Malti għall-Isports f'dan ir-rigward?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investiment fit-tagħlim jlaħħaq €13,000 fis-sena. L-assistenza mill-Kunsill Malti għall-Isports se tkun ta’ €10,000.

Sport Promotion Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-iSport Promotion Unit u x'inhu r-rwol tiegħu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li min-naħa kurrikulari, din taqa' taħt l-Uffiċjal Edukattiv tal-Edukazzjoni Fiżika u l-iSport is-Sur Stephen Grima. Dan m'għandu l-ebda rwol fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport.

Sport Promotion Unit — għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema impjegati mal-iSport Promotion Unit, SPU, u kemm-il siegħa jagħmlu kull wieħed jew waħda fil-ġimgħa dedikati lill-SPU u kemm-il siegħa jagħmlu fuq lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika? Kif jipparaguna dan mas-sena skolastika li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li hemm 14-il għalliem fl-iSport Promotion Unit, 13 f'Malta u għall-ewwel darba hemm wieħed f'Għawdex. Dawn l-għalliema għandhom ġurnata ddedikata għall-organizzazzjoni ta' sports u attivitajiet fiżiċi u erbat ijiem oħra fejn ikunu qed jgħallmu fl-iskejjel. In-numru ta' sigħat li kull għalliem qed ikollu ma' l-istudenti ma naqasx imma baqa' l-istess bħal tas-sena l-oħra.

Sport Promotion Unit – sports festival

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta' sport festivals li organizzat l-iSport Promotion Unit fis-sena skolastika 2012/13 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm ta' sport festivals li hemm ippjanati mill-istess unit għal din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta' sport festivals li organizza l-iSport Promotion Unit għas-sena skolastika 2012/13. Kif wieħed jinnota, l-isport festivals isiru bejn Jannar u April ta' kull sena. Għalhekk l-iskeda tal-isport festivals tas-sena skolastika 2013/14 għadha qed tiġi mfassla.

Kunsill Malti għall-Isport – paġni fuq il-Magażin L-Isportiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kull xahar biex il-Kunsill Malti għall-Isport ikollu għaxar paġni kull xahar fuq il-magażin L-Isportiv, u kemm hi n-nefqa biex dan il-magażin qed jintbagħat bil-posta lill-għaqdiet sportivi u lill-kunsilli lokali? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża kull xahar meta l-Kunsill Malti għall-Isport, qabel Marzu li għadda, kellu seba’ paġni kull xahar fuq il-magażin sportiv u kemm kienet in-nefqa fuq il-posta dak iż-żmien? Jista’ jgħid ukoll min, fil-Kunsill Malti għall-Isport jieħu ħsieb jikteb l-artikli li jidhru fuq il-magażin f’isem il-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-iSport bħalissa qed iħallas €3,356 fix-xahar għall-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni bil-posta tal-magazin l-Isportiv, mentri qabel Marzu li għadda din l-ispiża kienet ta’ €1,400 fix-xahar. Din iż-żieda fl-ispejjeż hija dovuta għal żieda fin-numru ta’ kopji, żieda sostanzjali fin-numru ta’ paġni u tqassim tal-magazin fil-Kunsilli Lokali kollha ħalli tinxtered iktar il-kultura sportiva. Il-paġni tal-KMS jinkitbu mill-editur tal-magazin, kif ukoll mill-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-KMS.

Pixxina Nazzjonali — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5019, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jiswa x-xogħol li huwa propost fir-rapport imqiegħed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li x-xogħol huwa stmat li jiswa €610,000.00

Tal-Qroqq — Kumpless Sportiv - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ manutenzjoni sar fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq inkluż fil-Pixxina Nazzjonali minn Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-lista tax-xogħlijiet li saru fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan huwa parti mix-xogħol li hemm bżonn li jsir ħalli l-pixxina terġa' tiġi fi stat li jixraq Kumpless bħal dak.

Pixxina Nazzjonali f’Tal Qroqq – entraturi tal-parkeġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min kienet id-deċiżjoni li mill-ġimgħa 18 ta’ Ottubru wara nofsinhar ingħalqet waħda mill-entraturi tal-parkeġġi ewlenin li hemm barra l-Pixxina Nazzjonali fTal Qroqq b’inkonvenjent għall-għawwiema u dawk li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-pixxina li jinkludu wkoll ħaddiema u uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM)? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi ta parir biex, fl-interess ta' min jiffrekwenta l-pixxina nazzjonali, jkun hemm sigurta' u traffic management biex jitneħħa l-periklu u l-inkonvenjenza għal dawk li jkunu qed jagħmlu użu mill-pixxina nazzjonali. Il-parking qed jerġa' jsir b'mod aktar organizzat.

Operazzjonijiet ta’ salvataġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ saru fuq il-baħar minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta fejn matulhom ġew salvati nies bejn l-2003 u l-2013? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-informazzjoni mitluba hija kif spjegat hawn taħt: Sena Operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar Nies salvati 2013 88 1,644 2012 113 1,896 2011 63 1,640 2010 26 54 2009 67 793 2008 105 2,108 2007 148 1,024 2006 93 1,274 2005 109 1,342 2004 69 1,031 2003 73 593 Totali: 954 13,399

Maritime Sqaudron — Ġieħ ir-Repubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena l-Maritime Squadron tal-Forzi Armati nghataw Ġieħ ir-Repubblika?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iSkwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta ngħatat Ġieħ ir-Repubblika f’Jum ir-Republika tas-sena elfejn u tmienja (13 ta’ Diċembru 2008).

qasam taż-żgħażagħ — tnaqqis fil-Budget 2013

Question

B`referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 4840 u 4841, jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun it-tnaqqis fiż-żewġ oqsma, jiġifieri kemm dak taż-żgħażagħ kif ukoll dak tal-isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-budget allokat għal din is-sena għal qasam taż-Żgħażagħ tnaqqas b’€40,000. · Vote 15 – Item 6796 (Aġenzija Żgħażagħ) - €30,000 (minn €350,000 għal €320,000). · Vote 15 – Item 5673 ( Youth Organisation Projects) - € 10,000 (minn €80,000 għal €70,000) Il- budget allokat għal din is-sena għal qasam tal-iSport tnaqqas b’€250,000. · Vote 15 – Item 5536 (Sports Tourism) - €50,000 (minn €350,000 għal €300,000). · Vote 15 – Item 6772 ( Kunsill Malti ghall-iSport) - € 200,000 (minn €2,600,000 għal €2,400,000)

Għaqdiet sportivi – assistenza finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li s’issa ħadu l-assistenza finanzjarja dovuta lilhom għas-sena 2013 mill-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.