Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2008 ’l hawn kemm kienu investiti fi scholarships u kemm studenti/żgħażagħ sa 30sena ħadu l-boroż ta’ studju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-2008 ’l hawn kien hemm investiment totali ta’ €19,865,889.21 f’Boroż ta’ Studju amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. L-iskemi ta’ Boroż ta’ Studju huma:
1) Malta Government Scholarships Scheme for Postgraduate Courses, (MGSS – PG).
2) Malta Government Scholarships Scheme for Undergraduate Courses, (MGSS – UG).
3) Strategic Educational Pathways Scholarships Scheme, (STEPS).
4) Malta Arts Scholarships.
5) Malta Sports Scholarships.
6) Malta Science Awards.
7) Scholarships to Achieve Results, (S.T.A.R.).
8) “MASTER it!” Scholarship Scheme.
Fost in-nies li gawdew minn dawn il-Boroż ta’ Studju, kien hemm
1,924
student li m’ghandhomx aktar minn 30 sena. Din iċ-ċifra tinkludi 29 applikant taħt l-Iskema MGSS - UG 2013 li sat-30 ta’ Diċembru 2013 issottomettew id-dokumenti kollha mitluba skont ir-Regolamenti tas-Sejħa, iżda teskludi 132 applikant taħt l-istess Skema li għadhom ma tawx id-dokumenti kollha.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-ammonti investiti mill-2008 ’l hawn kif ukoll in-numru ta’ żgħażagħ taħt it-tletin sena li gawdew minn dawn il-Boroż ta’ Studju, imqassmin sena b’sena.
Rigward l-MCAST, mill-2008 'l hawn kienu 59 studenti/żgħażagħ sa 30 sena li ħadu Boroż ta' Studju. Il-boroż ta’ studju kollha li ngħataw ikopru korsijiet li bdew fis-sena akkademika 2011-2012.
Infurmat ukoll mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li filwaqt li bejn is-snin 2008 u 2011 ma kienx hemm investiment fi
scholarships,
fis-sena 2012 ġew investiti €1,092,868 fl-iskema tat-Training Subsidy Scheme Academic (TSSA). B’kollox ibbenefikaw 141 persuna li minnhom 110 kienu taħt it-tletin sena. Minn dawn il-110 persuna, 42 applikaw għal Diploma filwaqt li 68 applikaw għal Degree. Fis-sena 2013 infetħu applikazzjonijiet ġodda (TSSA) iżda l-investiment fuqhom se jsir fis-sena 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti tħarrġu permezz tal-Youth Inc. sena b’sena u x’inhu l-pjan tal-Gvern għal dan il-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-għadd ta' studenti li tħarrġu permezz tal-programm Youth.inc hu kif ġej:
L-ewwel grupp – Jannar 2011: 57 student
It-tieni grupp – Ottubru 2011: 52 student
It-tielet grupp - Ottubru 2012: 64 student
Ir-raba’ grupp – Ottubru 2013: 89 student
F’Jannar 2014 il-Youth.inc se jilqa’ grupp ta’ studenti bħala parti mill-Alternative Learning Programme. Il-Fondazzjoni qed tippjana li dan il-programm jibqa' jiżviluppa fis-servizzi tiegħu għall-akbar benefiċċju tal-istudenti.
Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi ta’ empowerment għaż-żgħażagħ qed jiġu offruti minn Aġenzija Żgħażagħ u kemm ipparteċipaw żgħażagħ f’kull programm minn meta infetħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-programmi ta' empowerment għaż-żgħażagħ offruti minn Aġenzija Żgħażagħ huma dawn:
Fuq livell lokali
Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ – it-tagħrif qiegħed jingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6723
It-Taħriġ Mużikali fil-Każini tal-Banda – minħabba li dan il-proġett huwa ssapportjat mill-Każini stess, Aġenzija Żgħażagħ m’għandhiex in-numru ta’ żgħażagħ li ħadu sehem.
Fuq livell nazzjonali
Konkors Letteratura għaż-żgħażagħ – Permezz ta' dan il-proġett jiġu ppublikati żewġ kotba għall-addoloxxenti kull sena. L-għadd ta’żgħażagħ li jaqraw dawn il-kotba mhux magħruf.
Skema Youth Specialisation Studies – it-tagħrif qiegħed jingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6725
Djalogu Strutturat – Dan huwa proġett li jagħti vuċi liż-żgħażagħ biex ifasslu l-politika ewropeja taż-żgħażagħ. Minn Lulju 2011 sal-lum ħadu sehem 2,103 żagħżugħ/a
Artisti ġodda f Malta Music Awards – Din hija opportunità lill-kantanti żgħażagħ sabiex jesponu t-talenti tagħhom fil-mużika. F`żewġ edizzjonijiet ħadu sehem 25 żagħżugħ/a
Divergent Thinkers
– Din hija esebizzjoni innovattiva dwar il-
brainstorming
involut fil-ħolqien ta’ xogħlijiet artistiċi. F`żewġ edizzjonijiet ħadu sehem madwar 21 żagħżugħ/a.
Mini Festival tat-Teatru Soċjali – Dan il-konkors jipprovdi opportunità għal gruppi żgħażagħ Maltin li huma nvoluti fit-teatru biex jaqsmu, jesploraw u jiżviluppaw it-talenti tagħhom fl-isfera teatrali. F`żewġ edizzjonijiet ħadu sehem madwar 70 żagħżugħ/a
Taħżiż – Dan huwa proġett li jagħti opportunità liż-żgħażagħ jesprimu t-talent tagħhom fil-kitba. Il-proġett ikun maqsum fi tlett
seminars
residenzjali u pubblikazzjoni. Fl-ewwel edizzjoni ħadu sehem 11-il żagħżugħ/a
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kunsilli lokali pparteċipaw fil-proġett tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ imniedi mill-Aġenzija Żgħażagħ f’dawn l-aħħar ħames snin u liema kienu l-kunsilli lokali li pparteċipaw kull sena u kemm ipparteċipaw żgħażagħ f’kull kunsill?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ bdew fis-sena 2009-2010 u s'issa kien hemm erba' edizzjonijiet. Għall-ħames edizzjoni (2013-2014) daħlu 33 applikazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali. Għadu għaddej il-proċess dwar kemm fil-fatt se jieħdu sehem żgħażagħ għal din l-edizzjoni. Dwar kemm kunsilli lokali pparteċipaw, it-tagħrif hu kif ġej:
Fis-sena 2009-2010 pparteċipaw 15-il kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 144 żagħżugħ/a
Fis-sena 2010-2011 pparteċipaw 27 kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 236 żagħżugħ/a
Fis-sena 2011-2012 pparteċipaw 24 kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 265 żagħżugħ/a
Fis-sena 2012-2013 pparteċipaw 25 kunsill lokali taż-żgħażagħ b’total ta’ 249 żagħżugħ/a
Fis-sena 2013-2014 applikaw 33 kunsill u sal-lum hemm 183 żagħżugħ/a
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta’ kemm ipparteċipaw żgħażagħ f’kull kunsill.
każini tal-baned — Għajnuna għal taħriġ fil-mużika
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ kemm u liema baned ibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna lill-każini tal-banda għat-taħriġ mużikali taż-żgħażagħ minn meta tnediet din l-iskema sal-lum sena b’sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskema msemmija mill-Onor. Interpellant tnediet fis-sena 2012. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta' kemm u liema baned ibbenefikaw mill-iskema.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm żgħażagħ ibbenefikaw mill-Youth Specialisation Studies Scheme fl-aħħar ħames snin u kemm ibbenefikaw żgħażagħ sena b’sena? Jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal din l-iskema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mis-sena 2011, meta bidet tamministra din l-iskema l-Aġenzija Żgħażagħ, il-benefiċjarji kienu jlaħħqu s-sittin żagħżugħ.
· Fis-sena 2011 ibbenefikaw 20
· Fis-sena 2012 ibbenefikaw 28
· Fis-sena 2013 ibbenefikaw 12
Il-Gvern qed jevalwa din l-iskema biex jara kif tista’ tittejjeb.
Aġenzija Żgħażagħ — Użu mill-faċilitajiet u riżorsi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet u riżorsi ta’ Aġenzija Żgħażagħ minn mindu twaqqfet? Min huma l-għaqdiet u kemm kien ikun l-ammont finanzjarju li kellhom iħallsu dawn l-għaqdiet kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
2011
– 39 għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet. Kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq l-ammont kien ikun €45,000.
2012
– 54 għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet. Kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq l-ammont kien ikun €44,800.
2013
– 94 għaqda għamlet użu mill-faċilitajiet. Kieku kellhom jikru l-istess faċilitajiet u riżorsi bir-rati tas-suq l-ammont kien ikun €77,984.
It-tagħrif l-ieħor dwar min huma l-għaqdiet li għamlu użu mill-faċilitajiet u riżorsi ta' Aġenzija Żgħażagħ qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Aġenzija Żgħażagħ – Lista ta’ studji dwar iż-żgħażagħ
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' studji dwar iż-żgħażagħ li saru jew li kienu kkumissjonati mill-Aġenzija Żgħażagħ sa mit-twaqqif tagħha sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Aġenzija Żgħażagħ ikkummissjonat jew issieħbet f`erba' riċerki li ġew ippubblikati. Dawn kienu:
·
Mirrors and Windows
:
Maltese Young People Perception of Themselves, their families, communities and society
·
The Participation of Maltese Young People`s in the Voluntary Sector
·
Europass Survey bis-sehem flimkien mal-Malta National Europass Centre
·
Leisure Trends among young people in Malta
bis-sehem tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-tfal
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li rrefera għalih is-Segretarju Parlamentari fl-istqarrija numru 2692 maħruġa mid-DOI?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt mitlub mill-Onor. Interpellant.
In-Naxxar — Grawnd tal-Futbol ta’ Naxxar Lions - kuntratt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-grawnd tal-futbol ta’ Naxxar Lions wara li dawn kellhom kuntratt iffirmat mal-Kunsill Malti għall-Isport? Huwa minnu li l-Gvern qed jikkunsidra li jbiddel is-sit minn fejn għalih oriġinarjament kienu ġew ippreparati anke l-pjanti u saħansitra kienu tressqu anke quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ fejn kellu jsir dan il-grawnd?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li minħabba l-impatt negattiv li dan is-sit jista' jkollu fuq l-ambjent tal-madwar, għaddejjin laqgħat ħalli wieħed jara jekk jistax jinstab sit alternattiv li jkollu inqas impatt ambjentali negattiv.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li għaddejjin trattattivi ma’ investituri barranin sabiex f’pajjiżna tinbena shooting range ġdida? Jekk iva, jista’ jgħid min huma dawn l-investituri u minn liema pajjiż ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mhumiex għaddejjin trattativi ma' investituri barranin.
Jista’ l-Ministru jgħid liema siti qed jikkunsidra l-Gvern differenti minn dawk kkunsidrati mill-amministrazzjoni preċedenti sabiex fuqhom jiżviluppa l-bini ta’ trakka għall-motor sports?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika liema siti kien qed jikkonsidra l-gvern preċedenti.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt mogħti liċ-Chairman il-ġdid tal-Kunsill Malti għall-Isport li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-lum m'hemm ebda kuntratt iffirmat bejn il-persuna ndikata minnu u l-gvern.
Kunsill Malti għall-Isport – Chairman — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk iċ-Chairman il-ġdid tal-Kunsill Malti għall-Isport ingħatax konsulent għad-dispożizzjoni tiegħu? Jekk iva, min hu dan l-individwu u kemm hi l-paga tiegħu u ħlasijiet oħra li se jkun qed jingħata?
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġitx is-sejħa għall-offerti sabiex issir Triq il-Qortin fil-Mellieħa? Jekk iva meta għandu ppjanat il-Gvern li x-xogħol fuq din it-triq jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti sabiex issir Triq il-Qortin fil-Mellieħa għadha ma ġietx ippublikata. Transport Malta, bl-għajnuna tal-entitajiet, bħalissa qed tipprepara stimi dettaljati. Minħabba il-valur, u n-natura estensiva tax-xogħol, is-sejħa għandha tgħaddi mid-Dipartument tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit kemm se jkun il-ħlas għal kull membru tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport li tinkludi wkoll dak tas-segretarju tal-istess Kummissjoni? Jista' jgħid jekk din il-Kummissjoni ippreżentatx xi rapporti sa issa dwar il-ħidma tagħha sa minn meta twaqqfet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4293. Għadu ma ġiex stabbilit ħlas lis-Segretarju tal-Kummissjoni.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, s'issa għadu ma ġie ppreżentat ebda rapport tal-Kummissjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' sa issa l-Bord tal-Kawżi Ġusti tul din il-leġiżlatura? Jista' jgħid kemm kien l-ammont li tqassam mill-istess fond lill-organizzazzjonijiet/għaqdiet/soċjetajiet sa issa tul din il-leġiżlatura u jelenka wkoll liema kienu dawk l-organizzazzjonijiet/għaqdiet/soċjetajiet li ngħataw għajnuna sa issa f'din il-leġiżlatura?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-allokazzjoni finanzjarja għall-Aġenzija Żgħażagħ għas-sena 2014 u jekk din hix se tkun inqas minn dik li kienet allokata għal din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji 2014 li għadhom kif ġew imressqa mad-diskors tal-Baġit tal-04 ta' Novembru 2013.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-iSport Promotion Unit għadhiex tipprovdi lezzjonijiet tal-ġinnastika lill-istudenti tat-tielet sena tal-iskejjel primarji tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, minn min qed isiru dawn il-lezzjonijiet u xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni bħala għalliema tal-edukazzjoni fiżika u/jew bħala kwalifiki fil-ġinnastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-iSport Promotion Unit għadha qed tipprovdi l-lezzjonijiet li kienu jingħataw fis-snin ta’ qabel. Anzi, il-lezzjonijiet tal-Ġinnastika fil-Primarja ġew estiżi wkoll għall-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena sabiex dan is-servizz jilħaq lil numru akbar ta’studenti.
Dawn il-lezzjonijiet qegħdin jingħataw bl-istess persuni li kienu jagħtu dawn il-lezzjonijiet fis-snin ta’ qabel.
Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar rapport li deher fuq The Times tal-4 ta’ Novembru 2013 b’rabta ma’ bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad San Pawl il-Baħar mal-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll minn fejn se tiġi ffinanzjata din it-triq jekk kemm-il darba ssir?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5641.