Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Primarja tal-Mellieħa – faċilità sportiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta t-tfal tal-iskola primarja tal-Mellieħa se jerġgħu jibdew jagħmlu użu mill-faċilità sportiva li hemm biswit l-istess skola peress li l-istudenti ta’ din l-iskola ilhom għal dawn l-aħħar sentejn ma jagħmlux użu minn din il-faċilità li tikkonsisti fi grawnd bil-ħaxix artifiċjali kif ukoll faċilitajiet sanitarji li jistgħu jintużaw mill-istess studenti waqt il-ħinijiet tal-iskola wara ftehim li kien sar bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Mellieħa Sports Club fl-2009?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-iskola tagħmel użu mill-faċilita’ sportiva li hemm biswit l-iskola f’attivitajiet bħal Sports Day. Minħabba li t-triq hija traffikuża, madwar sentejn ilu kien intalab li ssir zebra crossing ukoll mill-Kunsill Lokali u l-permess ma ngħatax għax hemm kantuniera. Ovvjament, is-sigurta’ tat-tfal tiġi l-ewwel u qabel kollox. L-iskola m’għandha ebda problema li jintuża l-grawnd jekk ikun hemm sinjali tat-traffiku adattati. L-alternattiva hi li meta jsiru attivitajiet fil-grawnd bħalma kien hemm dan l-aħħar fi żmien il-Milied, tingħalaq it-triq, xi ħaġa iżda li ma tistax issir ta’ kuljum.
Leg 12 PQ #7401 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Mellieħa – Il-Bajja tal-Għadira – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4810 u jgħid liema huma l-proġetti infrastrutturali li l-Gvern qed jevalwa u li jista’ jwettaq fiż-żona tal-Bajja tal-Għadira? Jista’ jikkonferma jekk hemmx dati stipulati meta jista’ xi xogħol ta’ dan it-tip?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #7402 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Urban Improvement Funds

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3491 u ċioè: B`referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1237, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bdietx tapprova pagamenti relatati mal-Urban Improvement Funds (UIF) minn wara l-11 ta` Marzu ’l hawn? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess tal-pagament taż-żewġ proġetti approvati li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li kienu indikati fid-domanda msemmija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ proġetti approvati li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ġew mħallsa fis-26 ta' Lujlu 2013.
Leg 12 PQ #7343 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Tournament tal-Football ta’ taħt is-17-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun l-involviment tas-segretarjat responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali fl-organizzazzjoni tat-tournament tal-football ta’ taħt is-17-il sena li l-UEFA se tkun qed torganizza f’Malta aktar tard din is-sena? Jekk se jkun hemm appoġġ finanzjarju,jista’ jgħid kemm se jkun qed jammonta u mil-liema vot se jkun qed jittieħed?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-involviment tas-Segretarjat responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali fil-kampjonat tat-tournament tal-football ta’ taħt is-17-il sena tal-UEFA li ser isir f’Malta f’Mejju li ġej huwa permezz tal-appoġġ li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tkun qed tagħti lill-MFA fl-organizzazzjoni. Dan l-appoġġ huwa marbut mal-livell kulturali, ċelebrattiv u ta’ komunikazzjoni tal-programm tal-MFA għal din l-attivita. L-ammont finanzjarju huwa ta’ massimu ta’ ħmistax-il elf (€15,000) Ewro u huwa meħud mill-vot lill-Fondazzjoni Valletta 2018.

Tournament tal-Football ta’ taħt is-17-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun l-involviment tas-segretarjat responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport fl-organizzazzjoni tat-tournament tal-football ta’ taħt is-17-il sena li l-UEFA se tkun qed torganizza f’Malta aktar tard din is-sena? Jekk se jkun hemm appoġġ finanzjarju, jista’ jgħid kemm se jkun qed jammonta u mil-liema vot se jkun qed jittieħed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mhux se jkun hemm involviment tas-segretarjat responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport fl-organizzazzjoni tat-tournament imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport ġietx xolta jew inkella hiex fil-proċess li tiġi xolta? Kemm-il darba ltaqgħet din il-Kummissjoni u meta kienet id-data ta' meta ltaqgħet l-aħħar darba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport ġiet xolta. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4295, filwaqt li nsemmi li l-aħħar laqgħa saret fid-19 ta' Settembru 2013.

Aġenzija Żgħażagħ – inviti għall-attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk għall-attivitajiet li jsiru mill-Aġenzija Żgħażagħ ikunx l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport li japprova l-lista ta' dawk li jiġu mistiedna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport ma japprova l-ebda lista ta’ min jiġi mistieden.

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ — tfassil

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Oppożizzjoni ma kenitx involuta fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ minkejja li kienet imwiegħda mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport li kienet se tkun involuta sa mill-bidu tat-tfassil tagħha, peress li taħt l-amministrazzjoni preċedenti l-partiti politiċi kienu jkunu mistiedna sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom sa mill-bidu nett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ tal-partiti politiċi ġew involuti mill-bidu nett tat-tfassil tal-imsemmija Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ billi ġew infurmati mill-KNZ biex jibgħatu r-rispons tagħhom. Irrid insemmi li kien hemm rispons iżda mhux mill-MZPN.

Rilokazzjoni tal-Iskola tal-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ min saru l-konsultazzjonijiet sabiex l-iSkola tal-iSport tiġi trasferita mill-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop għall-iskola f'Pembroke? Jista' jgħid jekk hux lest jikkunsidra li jreġġa' lura d-deċiżjoni meħuda b'rabta ma' din l-iskola tal-isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni rigward it-trasferiment tal-iSkola tal-iSport sar mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-istess skola. Saret ukoll konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ġenituri li uliedhom jattendu din l-iskola.
Leg 12 PQ #7263 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta’ Pixxina f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern relatati mal-bini ta’ Pixxina f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fis-sena 2011 il-Gvern Nazzjonalista kien ħabbar b’ħafna pompa li kellu jinvesti €6.2 miljun biex tinbena pixxina u baqa’ ma sar xejn minkejja li l-Ministru ta’ qabli Giovanna Debono kienet wiegħdet li tlesti l-proġett fi żmien 22 xahar, dan il-gvern beda jħares bis-serjetà lejn dan il-proġett u jara kif jista’ jitwettaq fiż-żmien li ġej għaliex nemmnu li f’Għawdex għandu jkollna pixxina ta’ livell għoli li tista’ tattira avvenimenti nazzjonali u internazzjonali. Għaldaqstant qed nagħmlu l-pjani tagħna bil-għaqal ħalli l-proġett ikun vijabbli u fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
Leg 12 PQ #7264 Sitting 112 2014-01-27 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

GFA – għajnuna lill-klabbs Għawdxin

Question

B’referenza għal ftehim li l-Gvern iffirma mal-GFA ftit tal-ġranet ilu, kif indikat fi stqarrija maħruġa mid-DOI (numru 140043), jista’ l-Ministru jgħid jekk is-somma ndikata tinkludix ukoll l-għajnuna li klabbs Għawdxin kien jieħdu mill-vot tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma huwiex il-Ministeru responsabbli mill-ftehim imsemmi.

Bini ta’ Pixxina f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern relatati mal-bini ta’ Pixxina f’Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7263.

GFA – Stqarrija tad-DOI

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim mal-GFA li kien hemm referenza għalih fl-istqarrija tad-DOI numru 140043?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim mitlub mill-Onor. Interpellant.

National Anti Doping Organisation – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm tnaqqis fil-fondi allokati għan-NADO (National Anti Doping Organisation) meta mqabbel mas-snin preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-budget allokat għan-NADO mhux se jonqos meta mqabbel mas-sena preċedenti.

Testijiet tal-anti doping fuq atleti Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jonqsu t-testijiet tal-Anti Doping fuq l-atleti Maltin kemm fuq dawk out of competition kif ukoll dawk in competition?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mhux ser jonqsu l-ebda testijiet tal-Anti Doping fuq l-atleti Maltin.

MFA – ftehim iffirmat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Football Association (MFA) fl-aħħar jiem jinkludix fih faċilitajiet li diġà inbeda x-xogħol fuqhom mill-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-faċilitajiet li se jiġu ffinanzjati se jkunu proġetti fejn ix-xogħol fuqhom beda fi żmien l-amministrazzjoni preżenti.

Ftehim bejn il-Gvern preċedenti u l-MFA – somma addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-11-il grawnd li għalihom hemm referenza fl-istqarrija maħruġa mid-DOI numru 2823 u jgħid ukoll jekk is-somma indikata mis-segretarju parlamentari fl-istess ftehim hija addizzjonali għal dak li kien miftiehem mill-amministrazzjoni preċedenti jew hija parti mill-istess somma li fuqhom kien hemm qbil bejn l-istess Malta Football Association (MFA) u l-Gvern preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Rigward liema huma l-grawnds imsemmija fil-ftehim, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6808. Peress li ma kien hemm l-ebda ftehim iffirmat bejn l-MFA u l-Gvern preċedenti, wieħed ma jistax jitkellem fuq somma addizzjonali jew jekk hijiex parti mill-istess somma.

Ftehim bejn il-KMS u Naxxar Lions FC fuq grawnd tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li kien ġie ffirmat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) u Naxxar Lions FC f’Ottubru 2012 b’rabta mal-grawnd tal-futbol fl-istess lokalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim mitlub mill-Onor. Interpellant.

KMS – xiri ta’ laptops, tablets, mobiles u gadgets elettroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw laptops, tablets, mobile phones u gadgets elettroniċi oħra minn Marzu 2013 sal-lum fil-Kunsill Malti għall-Isport? Jista’ f'kull każ jgħid għal min inxtraw u kemm swew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Motorsport – artijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema artijiet qed jikkonsidra l-Gvern bħala trakka tal-Motorsport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li għadha ma ttieħdet l-ebda konsiderazzjoni ta' art sa issa f'dan ir-rigward.