Wara li l-Gvern ma kkonfermax l-iskema li kienet immirata b’risq dawk id-dilettanti taċ-ċikliżmu u li kienet imnedija mill-amministrazzjoni preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jniedi xi skemi simili sabiex tkompli tinħoloq aktar kultura tal-użu tar-roti f’pajjiżna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Jien informat li din l-iskema ma kienitx ġiet ikkonfermata mill-Gvern preċedenti fis-sena 2011.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7410, jista' l-Ministru jgħid x'time frames jeżistu biex titlesta l-evalwazzjoni fuq id-diversi proġetti li ssemmew fl-istess risposta fosthom il-proġett taż-żona tal-bajja tal-Għadira?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7410, għadha tapplika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata l-lokalità tal-Mellieħa bħala post alternattiv sabiex fil-konfini ta' din il-lokalità jsir sit għad-disposal tal-iskart?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f'dan l-istadju ma hemm l-ebda lokalità li qiegħda tiġi kkunsidrata bħala sit alternattiv għad-disposal tal-iskart.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-Gvern bagħatx il-pjan tiegħu relatat mal-garanzija taż-żgħażagħ lill-Kummissjoni Ewropea? Jekk dan il-pjan intbagħat jista' l-Ministru jpoġġi d-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7131.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-coaches li jaħdmu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kenux konsultati dwar iċ-ċaqliq tal-iskola msemmija mill-Kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-post fil-limiti ta' Pembroke?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li, iva, rappreżentanti tal-kowċis li jaħdmu mal-istudenti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kienu mgħarrfa u konsultati dwar iċ-ċaqliq tal-iskola mill-faċilitajiet temporanji tagħha f'Ħal Kirkop għall-faċilitajiet permanenti fl-iskola li se tilqa' l-istudenti f'Pembroke.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti tal-proġett il-ġdid relatat mas-sit il-ġdid fejn se timxi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u li ġew esebiti waqt laqgħa li saret reċentement għal dawk il-ġenituri interessati sabiex uliedhom japplikaw għas-sena skolastika li jmiss b'rabta dejjem mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jelenka t-tibdil li sar fir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku għal-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar meta mqabbel mas-servizz li kien jingħata qabel Marzu 2013? Jista’ jikkonferma jekk hux ippjanat aktar tibdil fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru is-servizz li kien jingħata sa Marzu 2013 lill-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar mas-servizz tar-rotot ġodda li għadhom kif ġew imħabbra. Dawn ir-rotot li ġew sottomessi lill-Arriva f’Ottubru li għadda, huma il-bażi li torbot lil min jieħu l-operat tat-trasport pubbliku skont kif iddikjarat fl- Expression of Interest.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4290 u 4292, jista’ l-Ministru jgħid x’ħareġ mill-investigazzjoni li kienet saret, u li għamel referenza għaliha fl-istess żewġ tweġibiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar xhur ġew installati sitt arbli fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Membru. Il-provvista għal dawn il-lampi kienet ġejja minn linja li tgħaddi minn Campra Lane fejn is-siġar kibru mal-linji u kienu qed jikkawżaw ħsarat fil-linja. Għaldaqstant partijiet minn din il-linja kellhom jiġu trasferiti fuq arbli ġodda. Minn meta sar dan ix-xogħol apparti li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni iċċekkjaw li l-lampi kienu mixgħula, il-Korporazzjoni Enemalta ma rċeviet l-ebda rapport ieħor fuqhom. Fadal madwar 150m ta’ linji oħra x’jiġu trasferiti għal fuq arbli oħra bl-istess mod u b’hekk huwa maħsub li l-problema tissolva għal kollox.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4433, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar liema pjanse jmur għalih il-Gvern b’rabta maż-żona tal-Għadira? Jista’ jgħid jekk fuq l-istess proġett hemmx time frames meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għadha għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ diversi proġetti, fosthom dak imsemmi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3880 u jgħid kemm kienu l-fondi Ewropej taħt programmi u inizjattivi varji li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bbenefika minnhom bejn Marzu 2008 u Ġunju 2013? Jista’ jelenka wkoll liema kienu dawn il-proġetti, programmi jew inizjattivi b’rabta mal-Unjoni Ewropea?
Response (GRECH, LOUIS)
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa applika biex jipparteċipa fil-proġett Pimenergetica fil-perjodu konċernat. Filfatt l-applikazzjoni ġiet milqugħa fl-14 ta’ Mejju 2013 mill-Managing Authority konċernata. Il-Kunsill Lokali għandu għad-dispożizzjoni tiegħu madwar €178,500 f’Fondi Ewropej. Dawn il-flus jiġu mogħtija wara li jkunu ċċertifikati l-ispejjeż
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4811 u jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-bord il-ġdid tal-Fond għall-Kawżi Ġusti minn April 2013 sal-lum? Liema kienu dawk l-għaqdiet li sarilhom il-pagament dovut lilhom fl-istess żmien, u liema huma l-għaqdiet li qed jistennew pagamenti mill-istess bord?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 7406.
Kunsill Malti għall-Isport – awditjar ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-eżerċizzju ta’ awditjar li għalih kienet saret referenza fit-tweġiba parlamentari 2904? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati? Jista’ jgħid kemm ġie jiswa finalment dan l-eżerċizzju jekk kemm-il darba tlesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-eżerċizzju li qiegħed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie konkluż. L-eżerċizzju ġie jiswa €4,000.00.
Peress li dan ir-rapport jagħmel referenza għal impjegati fi gradi differenti tal-entita' kkonċernata, u għaldaqstant il-persuni jistgħu jiġu identifikati, ma nħossx li għandi nagħmel dan it-tagħrif pubbliku. Kopja tar-rapport se tingħata lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.
Fondi tal-Kawżi Ġusti – għajnuna lill-għaqdiet u soċjetajiet
Question
Wara li ġejt infurmat mill-Ministru tal-Finanzi li l-fond tal-Kawżi Ġusti m’għadux jaqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu iżda taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema għaqdiet/soċjetajiet ingħataw għajnuna dovuta lilhom minn Marzu 2013 sal-lum? Mill-istess fond, liema huma dawk l-għaqdiet/soċjetajiet li qed jistennew ħlasijiet dovuti lilhom u meta mistenni li jsir il-ħlas tal-applikazzjonijiet pendenti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta dawk l-għaqdiet/soċjetajiet li ingħataw l-għajnuna dovuta lilhom minn Marżu 2013 sal-lum.Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-għaqdiet/soċjetajiet li fix-xhur li ġejjin għandhom pagamenti dovuti lilhom mill-Fond ghall-Kawżi Ġusti, skont ma tipprovdi l-ligi, se jkunu qed jirċievu dawn l-istess pagamenti.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fi Triq il-Mellieħa fil-Manikata, liema xogħol kien inbeda f’Jannar 2013? Meta hu mistenni li tinfetaħ din it-triq? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet li kien hemm bejn l-amministrazzjoni preċedenti u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-pjazza tal-Manikata tingħalaq għat-traffiku u ssir waħda pedonali, għadhomx se jidħlu fis-seħħ? Jekk iva, dan meta mistenni li jsir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq imsemmija mixjin skont il-pjanijiet u x-xogħol ser ikun lest fil-ġimgħat li ġejjin. Transport Malta qed tanalizza l-proposta mibgħuta mill-perit tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’Settembru 2013 u għal dan il-għan, riċentament intbagħtet talba għal iktar informazzjoni lill-istess perit. Kif din l-informazzjoni tkun għand Transport Malta, ikun jista’ jiġi konkluż l-assessment tal-applikazzjoni bir-rakkomandazzjoni fuq il-proposta magħmula.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-iskema tal-isport li kienet titħaddem bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali hiex se tidħol fis-seħħ din is-sena wkoll?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se tiġi varata skema tal-isport bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-klabbs tal-football Għawdxin li bbenefikaw minn għajnuna finanzjarja diretta mill-Ministeru għal Għawdex bejn l-2008 u Marzu 2013 u fl-istess waqt jistax il-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw dawn l-għajnuniet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Meja tal-Kamra.