Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar artijiet li bħalissa hemm faċilitajiet sportivi li qed jintużaw minn diversi klabbs u għaqdiet sportivi b'rabta ma' kirjiet jew ċnus?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent il-Gvern qed jiġbor l-informazzjoni tal-kirjiet u ċnus dovuti mill-għaqdiet sportivi sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni għaż-żewġ partijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispejjeż tal-attività "Ġieħ l-Isportiv" li saret ftit tal-ġimgħat ilu? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu f'din l-attività kif ukoll liema kienu l-għaqdiet sportivi li ġew mistiedna għal din l-attività?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-ispejjeż tal-attività “Ġieħ l-Isportiv 2014”. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għaqdiet sportivi mistiedna kienu dawk biss li kienu qegħdin jirrappreżentaw il-finalisti f’xi waħda mill-kategoriji.
B'referenza għar-rapport li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kien indikat li kien hemm xogħol li ried isir fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali, jista' l-Ministru jgħid s'issa liema xogħol sar mir-rapport indikat u kemm kienet l-ispiża s'issa? Jista' jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol indikat fl-istess rapport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Pixxina f'Għawdex? Se jinżammu l-istess pjanti li kienu diġà ġew approvati mill-awtoritajiet konċernati? Jista' jgħid meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq l-istess proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Bħalissa qed ikunu evalwati dawk il-pjanti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant u ġaladarba tkun lesta l-evalwazzjoni inkunu f’pożizzjoni li naġġornaw lil din il-Kamra dwar il-pixxina f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu għajnuna finanzjarja marbuta mal-iskema tal-attivitajiet kulturali l-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, ta’ San Pawl il-Baħar u tan-Naxxar sena b'sena bejn l-2009 u l-2014? Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawn l-attivitajiet u jinkludi wkoll dawk li se jsiru matul is-sena 2014 fl-istess kunsilli?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-attivitajiet sportivi li se jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema li l-Gvern nieda b'rabta mal-isport għal matul is-sena 2014? Jista' jgħid jekk l-istess tliet kunsilli bbenefikawx minn skema simili matul is-sena 2013? Jekk iva, liema kienu l-attivitajiet sportivi li ġew organizzati?
B'rabta mal-istqarrija tal-Gvern li kienet irrappurtata anke fil-paġna tal-Kunsill Malti għall-Isport fil-magazin "Sportiv" (pġ numru 38 tal-ħarġa ta' Frar 2014), jista' l-Ministru jelenka b'mod konkret liema kienu dawk l-40% tal-proposti tal-Manifest Elettorali li ġew imwettqa sa issa fil-qasam sportiv skont kif irrappurtat anke fl-istess artiklu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li twettqu diversi proposti li ħafna minnhom jibqgħu għaddejjin matul il-leġiżlatura, fosthom:
Proġetti mal-Kunsilli Lokali
Assistenza lill-Atleti Maltin
Skema 20/20 għal kowċis
Kuntratt ta’ erba’ snin mal-Kumitat Olimpiku Malti
Kontribuzzjoni u support lill-iskola nazzjonali tal-isport
Konsultazzjoni tal-KMS ma’ Għaqdiet Sportivi
Promozzjoni ta’ Turiżmu Sportiv
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-Għaqdiet Sportivi li ġew mistiedna mill-Kunsill Malti għall-Isport għall-attività Ġieħ l-Isport Malti li saret is-Sibt 15 ta’ Marzu 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-għaqdiet Sportivi li ġew mistiedna għal Ġieħ l-Isport Malti kienu dawk l-Għaqdiet li kellhom l-atleti tagħhom innominati għas-serata finali. Dawn huma:
Malta Ten Pin Bowling Association
Malta Shooting Sports Federation
Ying Yang Kick Boxing
Malta Pool Association
ASA
MFA
Malta Weightlifting Association
MAAA
Malta Gymnastics Federation
Malta Triathlon Federation
Għaqda Regatta Nazzjonali
MBA
Special Olympics Malta
MOC
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux tal-istess fehma li jibdel is-sit ta’ fejn kien se jinbena l-grawnd tal-futbol fin-Naxxar mill-amministrazzjoni preċedenti, liema sit kien hemm qbil fuqu bejn il-klabb Naxxari u l-Gvern preċedenti? Jekk hemm konferma li s-sit oriġinali se jinbidel, jista’ jgħid fejn se jkun is-sit il-ġdid u fl-istess waqt, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan tas-sit ġdid li huwa propost?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li s-sit mogħti f’nofs il-bini lil Naxxar Lions FC mill-Gvern preċedenti ma kellux l-approvazzjoni tal-MEPA u kien jidher car li tali permessi kienu impossibbli li joħorgu. Dan minkejja li kien hemm min daħak bil-Kumitat b’wegħdi fiergħa li m’hemmx problemi meta kien fatt magħruf li l-MEPA dakinhar ma kinitx se toħrog dawn il-permessi.
Wara diskussjonijiet li ftit tax-xhur ilu saru bejn ufficjali tal-Mepa u ufficjali tan-Naxxar Lions FC, kienu gew diskussi d-diversi problemi u l-possibilta li l-permess joħrog biss għall-pitch mingħajr strutturi.
Kien għalhekk li biex isir dak kollu li kien qed jintalab mill-klabb Naxxar Lions FC, kellu jinstab sit alternattiv. Pjan tas-sit il-gdid gie mgħoddi lill-Kumitat tan-Naxxar Lions FC u l-Gvern qed jistenna jekk dan is-sit hux aċċettabbli għalihom.
Ftehim bejn klabb tal-futbol u l-KMS dwar sit għall-grawnd
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim li kien ġie ffirmat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-klabb tal-futbol Naxxar Lions FC fis-sena 2012 dwar is-sit ta’ fejn kellu jinbena l-grawnd tal-futbol fil-lokalità tan-Naxxar li kemm il-Gvern u l-klabb Naxxari kienu qablu fuqu, għadux wieħed validu jew le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt iffirmat mill-Kunsill Malti għall-Isport ma’ Naxxar Lions FC għadu validu u dan peress illi l-għaqda sportiva in kwistjoni ma kkomunikatx fl-ebda punt xi deżiderju da parti tagħha biex tinħall mill-istess kuntratt. Il-Kunsill Malti għall-Isport għadu kommess li jittrasferixxi din l-art, soġġett għall-approvazzjoni (no objection) tal-MEPA li ġiet mitluba lill-Klabb u li s’issa għadha ma ġietx preżentata minnu lill-KMS u għall-obbligi kollha li jiffurmaw parti mill-kuntratt relatat mar-rilokazzjoni ta’ Naxxar Lions.
B'referenza għat-tiġrijiet taż-żwiemel li saru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-bypass tal-Imrieħel, jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx il-permessi meħtieġa? Min applika għall-permessi, minn min ingħataw il-permessi u fuq isem min ħarġu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta toħroġ in-No-Objection suġġett għal diversi kundizzjonijiet u mhux il-permess.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li għandu jsir fi Triq ta' Masrija l-Mellieħa fuq tiswijiet ta’ bankini wara li kienu għaddew xi servizzi tal-Korporazzjoni Enemalta minn kuntrattur privat isiru mill-aktar fis għax apparti l-inkonvenjent qed ikunukoll ta' periklu għar-residenti? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li wara li dan l-istess kuntrattur tqabbad mill-Korporazzjoni Enemalta dam ġimgħat biex reġa’ ta t-tarmak fuq it-triq imsemmija wara li kienu saru xi trinek?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fadal biss xogħolijiet żgħar ta’ ġonot ta’ cables u terminations prinċiparjament fuq bankini. L-asfatar dam ma ingħata peress li kellu jiġi rranġat il-permess ħalli l-kuntrattur jagħti asfalt tal-istess kwalita’ u speċifikazzjoni bħal ma hemm fuq il-post, ċjoè thick binding course ta’ 80mm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-PBS mill-Kunsill Malti għall-Isport għas-servizzi mogħtija biex setgħet ixxandar xandira live tal-attività Ġieħ l-Isport Malti, s-Sibt 15 ta' Marzu fuq TVM 2?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-PBS ma’ tħallset xejn mil-Kunsill Malti għall-Isport għall-attivita’ ġieh l-Isport Malti li saret nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu. Il-Kunsill Malti għall-Isport ser iħallas biss l-ispejjeż tal-links għax-xandira diretta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija ħarġux permessi sabiex fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet setgħu jsiru tiġrijiet taż-żwiemel fil-bypass tal-Imrieħel? Jekk iva, jista’ jgħid min applika għal dawn il-permessi u fuq min inħarġu l-istess permessi?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pulizija ma’ ħarġet l-ebda permess għal tiġrijiet taż-żwiemel fl-imsemmi post. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni nhar ta' Ħadd it-track tal-Kulleġġ ta’ Maria Regina l-Mosta fiż-Żokrija qed tingħalaq fil-11.00a.m, meta qabel kienet tibqa’ miftuħa sas-1.00p.m.?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn analiżi li saret dwar in-numru ta’ parteċipanti li kienu qed jagħmlu użu mit-track imsemmija instab li ma kienx hemm użu fil-ħinijiet tal-ikel.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti sabiex jibda x-xogħol fi Triq il-Qortin fil-Mellieħa? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ttamat li jieħu żmien ix-xogħol fuq din it-triq ġaladarba jibda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Qortin hija triq diġà asfaltata u għaldasqtant xogħlijiet f’din it-triq isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Kumitati u assoċjazzjonijiet – għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta l-għajnuna li ngħatat mill-Gvern (jinkludi wkoll għajnuna mogħtija mill-Fond tal-Kawżi Ġusti) bejn l-2008 u l-2013 b'mod separat lill-Kumitat Olimpiku Malti, lil Malta Football Association, lil Malta Basketball Association, lil Gozo Football Association u lill-Malta Racing Club?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvutati għall-attività Ġieħ l-Isport Malti li se tiġi mtellgħa mis-Segretarjat responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport fil-ġimgħat li ġejjin? Min huma l-membri li jiffurmaw il-Kumitat organizzattiv? Jista’ jgħid jekk hemmx ħlasijiet għall-ħidma tal-membri li jiffurmaw il-kumitat organizzattiv?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li flus ivvutati għal Ġieħ l-Isport Malti hemm €25,000 għall-2014 kontra infieq ta' iktar minn €100,000 fl-2012, 2013.
Il-Kumitat Organizzattiv hu magħmul minn Paul Stoner bħala Chairman, u Paul Debattista u Mark Cutajar bħala membri. Ħlasijiet ma hemmx.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq l-iskola l-ġdida tal-Isport? Meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq l-istess proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għamlet applikazzjoni l-MEPA għal dan il-proġett. Għalhekk f'dan l-istadju ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.