Faċilitajiet Sportivi – art għal faċilitajiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar fiex waslu l-laqgħat li qed isiru f'kumitat b'rappreżentanza mill-Gvern (Dipartiment tal-Artijiet u KMS) kif ukoll minn għaqdiet sportivi dwar policy li l-Gvern qed jikkunsidra li jattwa b'rabta mal-artijiet li fuqhom hemm jew se jkun hemm il-faċilitajiet sportivi ? Jista' jgħid ukoll min huma l-persuni li qed jiddiskutu din il-materja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ma jeżisti l-ebda kumitat b’rappreżentanza mill-Gvern (Dipartiment tal-Artijiet u KMS) u għaqdiet sportivi dwar xi policy li l-Gvern qed jikkunsidra li jattwa b'rabta mal-artijiet li fuqhom hemm jew se jkun hemm il-faċilitajiet sportivi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fil-Pixxina Nazzjonali bejn Ottubru 2013 u Mejju 2014 u li kienu elenkati f'rapport li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5019 f’Ottubru 2013? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża ta' dan ix-xogħol li sar fil-perjodu indikat? Jista' jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu li kien indikat fl-istess rapport ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9219. Sadanittant, saru xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm bdil fit-tip tal-kwalità tal-ilma li jintuża fil-Pixxina Nazzjonali ( fiż-żewġ vaski ) bejn April 2013 u Mejju 2014? Jista’ jikkonferma jekk tul l-istess perjodu inbiddlitx xi prassi ta' kif jiġi miżjud l-ilma fil-Pixxina Nazzjonali ( fiż-żewġ vaski )?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, fil-perjodu msemmi, ma jirriżultax li nbidel it-tip tal-kwalita` tal-ilma li jintuża fil-Pixxina Nazzjonali u lanqas jirriżulta li nbidlet il-prassi ta' kif jiġi miżjud l-ilma taż-żewġ vaski tal-istess pixxina.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni / dettalji dwar il-volum ta' ilma li ntuża fil-Pixxina Nazzjonali (fiż-żewġ vaski) xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-ilma għall-Pixxina Nazzjonali (fiż-żewġ vaski ) bejn April 2013 u Mejju 2014 ( xahar b'xahar ) u fl-istess waqt jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża tal-chlorine li ntuża fl-istess perjodu ( xahar b'xahar ) fiż-żewġ vaski?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pixxina Nazzjonali – riżultati tat-testijiet tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet tal-ilma li saru fil-Pixxina Nazzjonali (fiż-żewġ vaski) bejn April 2013 u Mejju 2014 mill-awtoritajiet konċernati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu għajnuna finanzjarja marbuta mal-iskema tal-attivitajiet kulturali l-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, ta’ San Pawl il-Baħar u tan-Naxxar sena b'sena bejn l-2009 u l-2014? Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawn l-attivitajiet u jinkludi wkoll dawk li se jsiru matul is-sena 2014 fl-istess kunsilli?
Response (BONNICI, OWEN)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8919, qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-attivitajiet sportivi li se jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema li l-Gvern nieda b'rabta mal-isport għal matul is-sena 2014? Jista' jgħid jekk l-istess tliet kunsilli bbenefikawx minn skema simili matul is-sena 2013? Jekk iva, liema kienu l-attivitajiet sportivi li ġew organizzati?
Response (BONNICI, OWEN)
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8920, ninsab infurmat li l-Iskema għall-Attivitajiet Sportivi 2014/2015 u li l-attivitajiet koperti minnha jibdew minn Ottubru 2014 qed tkun diskussa u tinsab fil-proċess li tinħareġ. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-bqija tal-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie iffirmat dan l-aħħar bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-player tal-Inter Javier Zanetti ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija ta’ natura sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu dawk l-organizzazzjonijiet li tħallsu l-ammonti dovuti lilhom mill-Fond tal-Kawżi Ġusti bejn Jannar 2014 u April 2014? Jista’ jgħid liema huma dawk l-organizzazzjonijiet li għadhom qed jistennew li jsir lilhom ħlas dovut fuq applikazzjonijiet li huma resqu?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-binjiet fil-konfini tal-Park tal-Majjistral li fuqhom il-Gvern ħareġ espressjoni ta' interess għall-privat jew entitajiet oħra, fl-aħħar jiem? Jista' jgħid eżatt x'inhuma l-intenzjonijiet tal-Gvern dwar dawn il-binjiet u fl-istess waqt jekk jogħġbu jpoġġi site plan ta' dawn l-istess binjiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Kif fissirt tajjeb fid-diskors tiegħi fil-ftuħ tal-visitors centre tal-Park tal-Majjistral ftit tal-jiem ilu fejn l'Onor. Interpellant onorana bil-presenza tiegħu jien fl-ebda stadju ma ħabbart xi ħruġ ta’ expression of interest fil-Park tal-Majjistral jew fil-madwar.
Għall-kuntrarju għidt biss li din tkun ikkunsidrata dejjem jekk ikun hemm qbil fil-prinċipju bejn l-
istakeholders
kollha nklużi l-membri tal-Federazzjoni li tmexxi l-Park flimkien mal-Bord tat-Tmexxija maħtur mill-Gvern, kif ukoll wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad- Dipartiment tal-Artijiet.
Id-diskors tiegħi kien inħareġ ukoll dak inhar stess mid-dipartiment tal-informazzjoni bħala
media release
uffiċjali.
Kemm il-darba jiġi deċiż li tinħareġ
expression of interest
il-pjanti rilevanti jkunu kollha pubbliċi.
Mellieħa — Ċentru ta’ Matul il-Jum – eżerċizzji fiżiċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni twaqqaf is-servizz ta' taħriġ fl-eżerċizzji fiżiċi li kien jingħata fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum fil-Mellieħa minn kowċis kwalifikati mill-Kunsill Malti għall-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li originarjament dawn is-sessjonijiet ma kinux parti mill-iskema tal-Kunsill Lokali. Infatti ma kien instab l-ebda ftehim bejn il-KMS u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Dwar dan qatt ma kien hemm ftehim, imma biex jiġu regolarizzati l-attivitajiet, dawn s-sessjonijiet saret adenda tal-kuntratt bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, il-KMS u l-Kunsill Lokali sabiex dan jiġi parti mill-ftehim bħala parti mill-iskema. L-iskema għalqet fl-aħħar ta’ Jannar hekk kif ġew eżawriti l-flus li kien baqa'. Is-servizz baqa' jingħata mill-kunsill lokali, fejn l-ispejjeż huma koperti kollha mill-Kunsill Lokali.
Jista` l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jbiddel il-funzjoni tal-Sports Promotion Unit (SPU) jew jekk apparentament inbidlitx diġà l-funzjoni tagħha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-iSports?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-funzjoni tal-SPU għadha u ser tibqa’ dik li tipprovdi support għall-attivitajiet sportivi fl-iskejjel filwaqt li torganizza attivitajiet sportivi fuq livell ta’ kulleġġi kif ukoll nazzjonali, dejjem skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-Kunsill Malti għall-iSport u l-Għalliema tal-SPU minn żmien għal żmien jagħmlu analiżi tax-xogħol tagħhom u kif dan jista’ jkun iktar effettiv.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-lezzjonijiet tal-għawm f'numru kbir ta' skejjel primarji twaqqfu matul l-aħħar sena minkejja li kull skola kienet infurmata li kellha programm dwar dawn il-lezzjonijiet għal numru ta' klassijiet, liema programm però ma’ nżammx?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-programm ta' lezzjonijiet tal-għawm fl-iskejjel primarji qatt ma twaqqaf. F’Ottubru 2013, id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni bagħat ċirkulari biex tistieden lill-iskejjel kollha jipparteċipaw. Infatti, numru sabiħ ta’ skejjel qed jieħdu sehem, kif indikat fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-lezzjonijiet tal-ġinnastika f'numru kbir ta' skejjel primarji twaqqfu matul l-aħħar sena minkejja li kull skola kienet infurmata li kellha programm dwar dawn il-lezzjonijiet għal numru ta' klassijiet, liema programm però ma' nżammx ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-lezzjonijiet tal-ġinnastika fl-iskejjel għadhom isiru mill-Għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-iSports Promotion Unit (SPU) matul l-ewwel term tas-sena skolastika saret enfasi fuq it-tagħlim tal-ġinnastika, filwaqt li fit-tieni u t-tielet term sar/qed issir enfasi fuq attivitajiet oħra u l-ġinnastika qed tiġi inkorporata f’ħafna mill-attivitajiet organizzati mill-SPU”.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħlasijiet li qed jitħallas iċ-chairman tal-KMS u fl-istess ħin ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratt tal-istess chairman?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ċ-chairman jieħu onorarja ta’ €13,976 u €4,600 car allowance.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jikkunsidra sabiex jieħu mingħand l-ASA l-ispazju tar-reklamar li jinsab mad-dawra fuq ġewwa tal-Pixxina Nazzjonali kif ukoll il-Bar u l-Cafeteria li jinsabu fil-bini tal-istess pixxina?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat illi bħalissa ma teżisti l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-ASA u l-Kunsill Malti għall-iSport fir-rigward ta’ reklamar li jinsab mad-dawra fuq ġewwa tal-Pixxina Nazzjonali kif ukoll il-Bar u l-Cafeteria li jinsabu fil-bini tal-istess pixxina. Il-Kunsill Malti għall-iSport m’għandu l-ebda obbligu li jippermetti l-użu ta’ spazji ta’ reklamar u l-użu tal-Bar u l-Cafeteria, mill-ASA, jew minn kwalunkwe għaqda sportiva oħra li tagħmel użu mill-faċilitajiet tal-pixxina nazzjonali.