Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilitajiet Sportivi – art għal faċilitajiet sportivi

Question

Ġaladarba l-Ministru qed jgħid fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10031 li ma jeżisti l-ebda kumitat b'rappreżentanza tal-Gvern , jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern fuq is-suġġett ? X'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern fejn jidhlu artijiet li fuqhom hemm faċilitajiet sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern qed jistudja l-possibiltà li jikkummerċjalizza parti mill-artijiet mogħtija lill-għaqdiet sportivi u dan sabiex dawn isiru aktar sostenibbli finanzjarjament. Wara li jsir dan l-istudju, il-Gvern jevalwa liema huwa l-aħjar kors t’azzjoni.

Kunsill Malti għall-Isport — laqgħat ma' għaqdiet jew klabbs sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn Mejju 2013 u Ġunju 2014 ma liema għaqdiet jew klabbs sportivi l-Gvern, permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport inkella xi dipartiment ieħor, iltaqa' magħhom dwar artijiet li fuqhom l-istess għaqdiet għandhom il-faċilitajiet sportivi tagħhom ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-KMS iżomm laqgħat regolari mal-entitajiet sportivi reġistrati miegħu fuq kwalunkwe materja li l-entitajiet jixtiequ jiddiskutu, inkluż il-materja li qed isemmi l-Onor. Interpellant.

Ftehim bejn il-Gvern u l-ASA fuq użu tal-pixxina u faċilitajiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-ftehim mal-ASA relatat mal-użu tal-pixxina u faċilitajiet oħra fl-istess kumpless? Jista' jikkonferma jekk hux se jkun hemm bdil mill-arranġamenti li diġà jeżistu bejn il-Gvern u l-istess ASA anke jekk ma kienx hemm ftehim iffirmat fuq uħud minn dawn l-arranġamenti li però kienet qed tibbenefika minnhom l-ASA bejn l-2008 u Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-KMS u l-ASA jinsabu viċin li jiġi ffirmat kuntratt li ilu għal żmien twil mhux imġedded. Fil-kuntratt intlaħaq ftehim ta' kundizzjonijiet li minnhom qed jiggwadanja l-isport Malti.

MAAA — arranġament mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jibdel xi arranġamenti li diġà jeżistu mal-Malta Amateur Athletics Association (MAAA) fir-rigward tal-użu tal-faċilità sportiva tal-Matthew Micallef St.John track ? U jekk iva, jista' jelenka fiex se jkun jikkonsisti dan it-tibdil ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jsir tibdil fil-kuntratt li jeżisti mal-Malta Amateur Athletics Association (MAAA) rigward l-użu tal-faċilità sportiva tal-Matthew Micallef St. John track.

Sports Promotion Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fi ħdan l-Sports Promotion Unit matul l-aħħar xhur waqgħux taħt ir-responsabbilità tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni minflok kif kienu qabel taħt il-Kunsill Malti tal-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema fi ħdan l-iSports Promotion Unit kienu u għadhom jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Malti għall-iSport.

Sport Promotion Unit — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-13-il ħaddiem li kienu assenjati b'responsabbilità diretta mal-Sport Promotion Unit (skont il-mistoqsija parlamentari 10027) matul l-aħħar 12-il xahar spiċċaw jaħdmu bħala peripatetic fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda ħaddiem li spiċċa jaħdem bħala peripatetic.

Sport Promotion Unit — ħidma

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10029, jista' l-Ministru jindika liema skejjel ibbenefikaw mill-programmi indikati fl-istess risposta xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014 ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pixxina Nazzjonali – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10032, jista' l-Ministru jindika meta hu mistenni jitlesta x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali li kien indikat fir-risposta u jekk il-Ministru għadux bl-istess ħsieb li kien stqarr is-Segretarju Parlamentari preċedenti f'din il-leġiżlatura, responsabbli miż-żgħażagħ u sport , li l-ispiża għal din il-manutenzjoni se tkun qed tammonta għal madwar €600,000?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li x-xogħlijiet li għad iridu jsiru huma dawn: 1. Tqegħid ta’ art ġdida fuq id- deck tal-pixxina - €150,000. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tal-2016. 2. Manutenzjoni fuq il-qiegħ taż-żewġ pixxini. L-ispiża qegħda tiġi evalwata għaliex jiddependi jekk isirx madum jew xi materjal ieħor reżistenti. 3. Testijiet fis-saqaf tal-plantroom - €7,000. Dawn għandhom jitlestew sal-bidu tas-sena 2015. 4. Tibdil tal-madum tal-art fiċ-changing rooms tal-kumpless – €30,000. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tal-2016 wara li jitwettqu t-testijiet fis-saqaf tal-plantroom. 5. Tibdil tal-hand railings li hemm madwar l-istands tal-kumpless - €45,000. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal- bidu tas-sena 2017. 6. Il-proġett ta’ enerġija aktar effiċjenti li se jsir mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fejn ser jiġu installati: i. żewġ heat pumps biex jiġu msaħħna ż-żewġ pixxini b’mod aktar effiċjenti u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju ii. VRF Air-conditioning System għall-ufficini tal-kumpless iii. Photovoltaic system biex jissaħħan l-ilma tax- showers iv. Pool covers Dawn ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sa Marzu 2015. L-ispiża totali ta’ dan il-proġett hi ta’ €1,097,400
Leg 12 PQ #10197 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Għaqdiet u Klabbs sportivi Għawdxin — għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra liema kienu l-għaqdiet u klabbs sportivi Għawdxin li bbenefikaw minn għajnuniet mill-Gvern bejn Mejju 2003 u Marzu 2013 u fl-istess waqt il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont għal kull għaqda jew klabb u għal liema proġetti jew inizjattivi kienu ingħataw dawk l-għajnuniet ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #10198 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Għaqdiet u Klabbs sportivi — għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra liema kienu l-għaqdiet u klabbs sportivi li bbenefikaw minn għajnuna mill-Gvern bejn April 2013 u Ġunju 2014 u kemm kienet l-għajnuna li ngħatat lil kull għaqda jew klabb ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #10199 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Sports f'Għawdex — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema kienu l-proġetti infrastrutturali b'rabta mal-isport li saru f'Għawdex bejn l-2003 u l-2013 ? Jista' jgħid kemm kien il-valur tagħhom ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsill Malti għall-Isport — rwol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Kunsill Malti għall-Isport fejn jidħol l-isports f'Għawdex ? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqgħu il-KMS u l-Bord tal-Isport Għawdxi ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-KMS f’Għawdex għandu l-istess rwol li għandu f’Malta, jiġifieri li jilħaq l-għanijiet kif indikati fl-att dwar l-isports fil-gżejjer Maltin. Il-KMS u l-bord tal-isport Għawdxi iltaqa` darba.
Leg 12 PQ #10045 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Bord dwar l-Isports f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie maħtur il-Bord dwar l-Isports f'Għawdex? Min huma l-membri (bil-karigi rispettivi tagħhom) li jiffurmaw dan l-istess bord? Fuq liema kriterji intagħżlu dawn l-istess membri ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri jiġu magħżula mill-għaqdiet rispettivi tagħhom. Il-Ministeru innomina persuna sabiex iservi bhala observer.
Leg 12 PQ #10046 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Bord tal-Isports f'Għawdex — flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa il-Bord tal-Isport f'Għawdex u mil-liema vot se jkun qed jagħmel tajjeb jekk kemm-il darba hemm ħlas għal dan l-istess bord? Il-Ministeru għal Għawdex kemm għadda flus s’issa lil dan il-Bord u kemm għandu impjegati l-istess Bord?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħaddi ammont fis-sena sabiex il-Bord jingaġġa CEO fuq paga ta’ skala 7 u skrivan fuq bażi ta’ part-time. Dan it-tip ta’ arranħament hu simili ħafna għal oħrajn preċedenti bħal ma għandu mal-Gozo Tourism Authority u Gozo Business Chamber.
Leg 12 PQ #10047 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Bord tal-Isports f'Għawdex — funzjoni

Question

Peress li f'Awwissu 2013, inti, bħala Ministru ta' Għawdex kont rappurtat li l-funzjoni tal-Bord tal-Isport se tkun li jatwa l-policy tal-Gvern dwar l-isport f'Ghawdex, u jekk dan huwa minnu jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din l-istess policy? Hemm xi xogħol jew responsabilitajiet oħra li dan il-Bord ġew assenjati lilu?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq inserraħ ras l-Onor. Interpellant li dan l-Gvern qiegħed jerġa’ jagħti l-ħajja lil għaqdiet sportivi Għawdxin u joffrilhom l-assistenza neċessarja permezz tal-board imsemmi minnu. Dan peress li għal dawn l-aħħar snin kienet teżisti telqa u apatija kbira min naħa tal-Gvern preċedenti fil-konfront tagħhom. Iva, dan il-Gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jatwa u jagħmel dak li suppost kien isir minn dejjem. Dan iffisser li l-isportivi Għawdxin ikollhom faċilitajiet adekwati u b’hekk aktar tfal u żgħażagħ jithajru ahjar sabiex jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet sportivi, kif ukoll biex jigi attirat aktar turizmu sportiv lejn Ghawdex.
Leg 12 PQ #10048 Sitting 170 2014-07-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bini ta' pixxina

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra fiex wasal ix-xogħol dwar il-bini tal-Pixxina f'Għawdex? Jista' jgħidilna meta hu mistenni li dan il-proġett jitlesta, liema proġett kellu diġà l-permessi approvati taħt l-amministrazzjoni preċedenti? Jekk kemm-il darba se jkun hemm xi bdil mill-pjanti approvati, jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 7263.

Vot 16 — Seminar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni ġie pospost is-seminar li kellu jsir fil-5 ta' Lulju b'rabta mal-Vot 16 u dan meta l-istess seminar kien ġie kkonfermat anke fl-aħħar laqgħa tal-kumitat responsabbli mill-Vot 16 li saret it-Tnejn 16 ta' Ġunju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li s-seminar b'rabta mal-Vot 16 ġie pospost minħabba raġunijiet loġistiċi.

Vot 16 –Seminar

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġenda proposta għas-seminar pospost b'rabta mal-Vot 16 u jekk hux f'pożizzjoni li jindika d-data l-ġdida meta dan se jsir u jekk hux se jkun hemm bdil fl-istess aġenda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenda għadha m’hijiex redatta.

Sport Promotion Unit — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-impjegati jaħdmu fi ħdan l-iSport Promotion Unit (SPU) xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014? Jista’ l-Ministru jgħid preżentament (Ġunju 2014) kemm hu n-numru ta' impjegati fi ħdan l-SPU?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru tal-impjegati jaħdmu fi ħdan l-iSport Promotion Unit (SPU) xahar b'xahar bejn April 2013 u Mejju 2014 kien kif ġej: April 2013 13 Mejju 2013 13 Ġunju 2013 13 Lulju 2013 13 Awwissu 13 Settembru 2013 14 Ottubru 2013 14 Novembru 2013 14 Diċembru 2013 14 Jannar 2014 14 Frar 2014 14 Marzu 2014 14 April 2014 13 Mejju 2014 13

Sport Promotion Unit — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema li kienu ġew impjegati mal-SPU iżda li preżentament qed jagħtu s-servizzi/ħidma tagħhom f'postijiet oħra? Jekk iva, jista’ jghid kemm kienu dawn il-ħaddiema u f’liema postijiet ġodda ġew assenjati biex ikomplu bil-ħidma tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li kien hemm persuna waħda li kienet ingaġġata mal-iSports Promotion Unit (SPU) u li issa qiegħda isservi mas-Segretarjat għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport.