Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji Soċjali — Klandestini

Question

Tista' il-Ministru tinformana jekk immigrant illegali huwiex intitolat għal xi benefiċċju soċjali? Jekk fl-affermattiv, kemm? X'nefaq id-dipartiment f'dawn il-benefiċċji sal-31 ta' Ottubru 2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tieni Parti tat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7374 f'Seduta Numru 165.

Immigranti Illegali — Viżita Medika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il viżita medika jingħata minn awtoritajiet tas-saħħa kull immigrant illegali li jasal? Dawn jieħdu s-servizzi mediċi fl-isptar jew f'ċentri tas-saħħa? Dawn jingħataw xi mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa jagħmel żewġ visti mediċini lil kull immigrant illegali: waħda mit-tabib tal-port (permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika) u waħda miċ-Chest Unit, Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi (permezz tad-Dipartiment tal-Kura Primarja). Dawn l-immigranti jieħdu s-servizzi mediċi fl-Isptar San Luqa u jingħataw il-mediċini skond il-bżonn.

Immigranti Illegali mibgħuta lura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana kemm-il immigrant illegali ntbagħat lura minn fejn oriġina l-vjaġġ tiegħu matul is-sena 2004 s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 586 persuna ta' nazzjonalita' barranija li ġew ripatrijati wara li nstab li kienu Malta rregolarment.

Tas-Sliema — Triq Rudolph

Question

Għan-nom ta' residenti fi Triq Rudolph f'Tas-Sliema, tista' il-pulizija tieħu passi fil-każ ta' store li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta irriżulta li seta' kien hemm xi ksur tal-liġi fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija dejjem ħadet passi quddiem il-Qorti. Fil-fatt sid il-post tressaq diversi drabi quddiem il-Qorti. Fil-preżent m'hemmx il-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti għajr waħda li nbdiet din is-sena.

Qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara l-każ - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ta' residenti li joqogħdu biswit dan il-post li minnu ħerġin ħsejjes esaġerati, tant li r-residenti ma jistgħux jgħixu iżjed bil-kwiet? Hemm lok li l-pulizija twaqqaf dawn il-ħsejjes? Huwa ġust li każ quddiem il-qorti mill-1997 idum daqshekk?

Response (BORG, TONIO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8483 f'din l-istess Seduta.

Tas-Sliema — Żvilupp ta' car park

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm se jingħataw flus mill-CPS, flus li ġew miġbura minn Tas-Sliema, għal żvilupp privat tal-car park ta' Tas-Sliema? Ġaladarba skond ref 5845/03 hemm imniżżel overlying mixed use, dawn il-flus pubbliċi jistgħu jservu għal xi ħaġa oħra mhux car park? Fil-każ, dawn il-flus huma rifondibbli lill-poplu Slimiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Development Brief kien jindika li l-iżviluppatur jitħallas nofs is-somma miġbura għas-CPPS f' tas-Sliema li jkunu tħallsu sa l-15 ta' Diċembru 2000. Dan jammonta għal Lm165,600. Dawn il-flus huma ntiżi biex jiġu ffinanzjati parti mill-spejjeż għall-bini ta' car park, kif ukoll jistgħu jintużaw għall-miżuri ta' traffic management f' Tas-Sliema, inkluż residents parking zone. Ta’ min isemmi wkoll li l-flus l-oħra tas-CPPS jistgħu jmorru għal xiri ta’ electric bus li taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport lokali f’Tas-Sliema. Fil-fatt huwa mistenni li joħroġ tender għal xiri ta’ electric bus, hekk kif jitlesta Master Plan għal electric cars f’pajjiżna.

Ta' Qali — Model aircraft

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema titlu qegħdin il-model aircraft f'Ta' Qali? Dawn huma f'xi assoċjazzjoni? Għandhom xi tip ta' insurance? Jekk iva, anke jekk dawn jaqgħu fuq art ħaddieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment ta' l-Artijiet illi, l-Model Aircraft Association għandhom il-kirja ta' sittax-il sena għal biċċa art f'Ta' Qali li ingħatatilhom permezz ta' Risoluzzjoni Speċjali fil-Parlament li ġiet approvata fit-28 ta' Mejju 2002 (Seduta Parlamentari Nru. 281). L-Assoċjazzjoni għandha l-obbligu illi tkun affiljata mal-Assoċjazzjoni jew Federazzjoni Nazzjonali kif ukoll li tkun irreġistrata mal-Kunsill Malti għall-Isport. L-Assoċjazzjoni għandha ukoll l-obbligu illi tagħmel polza ta' assigurazzjoni fuq il-proprjeta' mikrija, pero' m'għandha ebda obbligu li tagħmel polza ta' assigurazzjoni fuq ħsara li tista' tiġi ikkaġunata minn xi model aircraft fuq proprjeta' tat-terzi. Infurmat ukoll illi skond il-Pulizija hemm ukoll permessi maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili kif ukoll mill-Wireless Telegraphy Department. Għal aktar tagħrif dwar dawn, ġentilment nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministru ikkonċernat.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-membri parlamentari

Question

Tista' il-Ministru tispjega kif tinħadem il-pensjoni tal-Membri tal-Parlament, wara kemm żmien tista' persuna tiġi ntitolata għaliha, għaliex tinħadem hekk u jekk hemmx xi massimu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, din tinħadem skond il-provedimenti ta' l-istess Att, li ma jagħmilx distinzjoni bejn Membru Parlamentari u persuna oħra fejn jirrigwarda pensjoni għal min jirtira. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa għas-servizz li persuna tagħti bħala Membru Parlamentari nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.

Liċenzja tas-Satellita

Question

Ġaladarba l-ħlas tal-liċenzja tas-satellita ġiet abolita, jista' il-Ministru jgħid kemm-il dar ibbenefikaw minn refunds? Kemm-il dar kienet tħallas għal-liċenzja tas-satellita sa l-1 ta' Mejju? Kieku bqajna barra mill-Unjoni Ewropea, dawn il-liċenzji kellhom jibqgħu jitħallsu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dawk kollha (madwar 15,000 house hold) li kienu jħallsu l-liċenzja tas-satellita ser jibbenefikaw mill-għoti lura tal-ħlas, jew kollu, inkella parzjali, skond jekk il-liċenzja kienetx tagħlaq qabel jew wara l- 1 ta' Mejju. Huwa stmat li l-ħlas lura ser ilaħħaq madwar Lm300,000.

Pembroke — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga żbroff kbir li hemm f'Pembroke biswit il-ground tal-football ta' Pembroke li ġieli nġabar f'għadira? Jista' jissewwa mill-iktar fis, la huwa ta' ħsara kbira għat-tfal u nies oħra, u anke fl-isfond li hemm lukanda ewlenija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pembroke — Servizz ta' ilma lill-klabb

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma ma tistax tagħti servizz lill-klabb ta' Pembroke minħabba li dan huwa 'il bogħod mill-mains? Jekk fl-affermattiv, ma jistgħux isiru xi pipes temporanji biex nies li qegħdin jagħtu sehemhom fil-volontarjat ikunu moqdijin ukoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni għal servizz ta' l-ilma fil-klabb ta' ma ġenb il-football ground ta' Pembroke, ninfurmaħ li bħalissa, fl-inħawi ta' dan il-post m'hemmx għaddejja is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma u għaldaqstant ix-xogħol biex isiru l-kanen meħtieġa biex il-klabb imsemmi jkollu s-servizz tal-ilma, jiswa lill-applikant madwar Lm1,000. Madanakollu, jekk dan il-klabb jista jistenna ftit, dalwaqt se tiġi estiża s-sistema tad-distribuzzjoni minħabba l-bini l-ġdid tal- Housing Authority fil-viċinanzi. Darba ssir din l-estensjoni, id-distanza għall- klabb u l-ispiza biex jingħata s-servizz ikunu ferm anqas. Jekk il-klabb ghandu bżonn urġenti u mmedjat għas-servizz ta' l-ilma u ma jistax jistenna ftit, m'hemmx triq oħra ħlief li jitħallas biex isiru l-kanen apposta għalih, spiża ta' madwar Lm1000.

Interprint — Privatizzazzjoni

Question

Fid-dawl ta' l-aħbar tal-privatizzazzjoni ta' l-Interprint, jista' il-Ministru jinformani jekk il-gvern hux qed jara xi investiment minn barra jew minn Malta? Il-ħaddiema li spiċċaw se jkunu preferuti biex jerġgħu jaħdmu sakemm ikunu għadhom bla xogħol sa dak iż-żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Meta jkun il-waqt, il-Gvern jikkunsidra kull investiment. Il-ħaddiema li spiċċaw mill-impjieg mal-Interprint ħadu t-terminal benefit skond il-Collective Agreement.

Pembroke — Dawl

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni biex ħdejn u fit-triq tal-klabb Pembroke f'Pembroke, isiru xi dwal fl-interess tas-sigurta' ta' tfal li jkollhom jimxu hemmhekk fid-dlam, b'riskju kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-installazzjoni ta' bozoz ġodda , minħabba l-proċess tad-devoluzzjoni, issa saret ir-responsabilita' tal-Kunsilli Lokali u ma għadhiex ta' l-Enemalta.
Leg 10 PQ #7891 Sitting 173 2004-10-18 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

San Ġiljan — Bajja ta' San Ġorġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li jsiru aktar proġetti ta' ramel f'bajjiet fiż-żmien li ġej? Kemm huwa minnu li l-MTA se ġġib xi esperti barranin biex jimmoniterjaw l-bajja ta' San Ġorġ u jagħmlu rapport fuqha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-tweġiba hi fin-negattiv għat-tieni mistoqsija, filwaqt illi l-Gvern qed jikkunsidra l-possibilta` ta' proġetti oħra simili għal dak li għamilna fil-Bajja ta' San Ġorġ.

Immigranti illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'jista' isir iżjed milli qiegħed isir mill-gvern fil-konfront ta' l-immigranti illegali? Jista' jagħti stima ta' spejjeż komplessivi li ħallas il-gvern matul din is-sena, cioe' kemm swew lill-kaxxa ta' Malta dawn l-immigranti? Kemm ħadu flus l-NGOs mill-gvern tul din l-aħħar sena?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex jindirizza b’mod effettiv il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali li, speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-pajjiż tagħna, inkluż densita’ ta’ popolazzjoni qawwija, hija ta’ piż kbir fuqna. Addottajna diversi miżuri amministrattivi fosthom it-tisħiħ ta’ l-istrutturi ta’ l-uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati bil-għan li l-proċess ta’ determinazzjoni ta’ asylum jitħaffef kemm jista’ jkun. Fl-istess ħin, qed jinfetħu open centres, li llum jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali, minħabba li numru relattivament għoli ta’ immigranti qed jingħataw xi tip ta’ protezzjoni. Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja organizzajna taħriġ għal prattikament kull min jaħdem ma’ l-immigranti illegali, fosthom Pulizija u Suldati, kif wkoll inxtara tagħmir sofistikat li jidentifika dokumenti, nklużi passaporti foloz. Tajjeb jingħad wkoll li l-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali hija waħda internazzjonali u mhux ta’ Malta biss. Għalhekk, kemm fuq livell bilaterali kif wkoll dak multilaterali, jsiru bosta laqgħat regolari bejn ministri u uffiċjali għolja tal-pajjiżi nvoluti, partikolarment fil-kuntest tal-Mediterran, bil-għan li titkattar il-kooperazzjoni u għajnuna reċiproka sabiex din il-problema kumplessa tiġi miġġielda kemm jista’ jkun bi strateġija komuni u koerenti. Bħala membru ġdid ta’ l-Unjoni Ewropeja, Malta flimkien ma l-Italja, qed tipproponi li l-piż kbir ta’ din it-traġedja umana, li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħha Malta żgur ma tistax terfa’ waħedha, jinqasam bejn il-pajjiżi membri kollha, appuntu l-kunċett ta’ burden sharing. Il-politika tal-Gvern f’dan il-qasam hi waħda ċara daqs kemm hi sempliċi. Malta hija kommessa li tgħin lil kull minn verament ħaqqu protezzjoni pero’ fl-istess ħin se tkun iebsa u deċiża ma min ma’ ħaqqux tali protezzjoni. Fil-fatt dawk li ma jingħatawx xi forma ta’ protezzjoni jiġu mibgħutin lura. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor Interpellant għall-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2556.

Tas-Sliema — Għar id-Dud - promenade

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk hemmx pjan biex il-promenade ta' Għar id-Dud tkun refurbished? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jagħmel referenza għar-risposti tad-domandi parlamentari numru 4143 u numru 7084.

Qui Si Sana — Proġett ta' car park

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' car park fi Qui Si Sana hux se jsir u jekk fl-affermattiv, jinformani jekk ġiex identifikat l-iżviluppatur għall-proġett? X'feedback hemm mill-kunsill lokali u r-residenti ta' l-inħawi? Hemm programmati dati ta' konsultazzjoni pubblika? Fejn waslet ir-resident parking zone scheme f'din iz-zona ta' Tas-Sliema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Wara proċess ta' tender mid-Dipartiment ta' l-Estates Management bbażat fuq development brief li tħejja mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġiet magħżula l-kumpanija C&F Building Contractors u eventwalment daħlu żewġ applikazzjonijiet għal żvilupp ta' parkeġġ fi Qui-si-sana u x-Chalet f' Tas-Sliema. Il-Konsultazzjoni Pubblika fuq dawn il-proġetti kienet ġiet kondotta bħala parti mill-proċess tad-Development Briefs għal Qui-si-Sana u x-Chalet, qabel ma dawn ġew approvati mill-MEPA. Skond Sezzjoni 6.2 tad-Development Briefs approvati għall-iżvilupp ta' din iż-żona, l-applikant irid jipprepara u jintroduċi Residential Parking Zone għall-inħawi. L-applikant irid ukoll jissottometti Traffic Impact Statement u l-materji kollha li għandhom x' jaqsmu mar-Residential Parking Zone ikunu ikkunsidrati fit-Traffic Impact Statement. Hu mifhum li l-konsulenti ta' l-applikanti qegħdin preżentement jippreparaw it-Traffic Impact Statement u r-Residential Parking Zone. Il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema ssottometta ittra fuq l-applikazzjoni tax-Chalet fejn kien talab għal 30 ġurnata oħra sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu. Il-MEPA ma rċeviet l-ebda korrispondenza oħra f' dan ir-rigward mingħand l-istess Kunsill. Min-naħa l-oħra, il-MEPA rċeviet erba’ oggezzjonijiet għal dan l-iżvilupp mingħand xi residenti. Il-MEPA trid tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet fuq il-parametri ndikati fid-development briefs.

Pembroke — Slipway

Question

Jista' il-Ministru jinformani fiex waslet is-slipway immarkata biex issir f'Pembroke? Jekk hemm diffikultajiet f'dan is-sit magħżul, hemm sit alternattiv? Meta hemm il-ħsieb li ssir din is-slipway? Jekk issir, huwa l-gvern li se joħroġ il-flus?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li x-xogħol/proġett indikat jeħtieġ permess mill-MEPA, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat

Pembroke — Katusa tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinformani meta se tissewwa l-katusa tad-drenaġġ f'St. Patricks ġewwa Pembroke? Jista' il-Ministru jinvestiga peress li l-WSC qed jgħidu li ssewwiet waqt li r-residenti qed jgħidu li għada ma ssewwietx?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li meta sar 'survey' tal-main tad-drenaġġ fit-triq imsemmija permezz tal-'closed circuit television' ma nstabx li kien hemm xi katusa mkissra. Instabet ħsara f'manhole u din ġiet irranġata.