Legislature:
Category:
Reset
Active:

EU — Football f'Malta

Question

Fid-dawl tar-risposta ċara ta' mistoqsija parlamentari hekk kif mogħtija mill-kummissarju ta' l-EU dwar l-illegalita' ta' l-istat tal-football f'Malta, jista' il-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel biex dan l-istat jiġi regolarizzat? Jaf il-gvern li l-EU tista' timmulta lill-gvern għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Stante li l-Onor. Membru qed iqanqal punti ta' natura legali, tlabt li ssir ir-riċerka legali meħtieġa biex inkun nista' ningħata l-pariri legali relattivi dwar il-kwestjoni.

Schedule V — Mediċini b'xejn

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm-il persuna ġiet intitolata li tieħu l-mediċini taħt Schedule V fis-snin 2003 u 2004 għal: asthma; schizophrenia; diabete; pressjoni għolja; celiac?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-applikazzjonijiet ġodda approvati kienu kif ġej: Asthma Schizophrenia Pressjoni Għolja Coeliac 2003 1,596 1,333 5,493 67 2004 1,507 1,414 5,511 90 Dijabete m'hix inkluża fil-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurta' Soċjali.

MFA

Question

Ġaladarba l-European Court of Justice ħarġet biss sentenza li player professjonali Russu għandu l-istess drittijiet ta' players oħra, meta dan jilgħab fil-EU, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-Malta football association qed tiċħad id-dritt ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea ta' liberta' kompleta f'xogħlhom?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant qed jitlobni parir, ħaġa li ma nistax nagħti skond Ordni Permanenti 27(5). Barra minn hekk, il-Ministeru tiegħi ma hux responsabbli għall-operat tal-M.F.A., u għalhekk ma tistax tingħata tweġiba dwar dak rikjest mill-Onor. Interpellant.

MFA — Players Maltin

Question

Peress li bosta players Maltin li għandhom passaport Malti, għax żammew ċittadinanza Maltija allavolja ġejjin mill-Awstralja jew l-Ingilterra, jew qalbu ċittadinanza minħabba żwieġ, u peress li dawn huma miċħuda milli jkunu Maltin għall-fini ta' l-MFA, jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif l-MFA tista' tiċħad dritt ta' min għandu passaport Malti? Dan il-passaport għandu xi drittijiet? Dan jista' jiġi interpretat li l-MFA hija above the law?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12016.

Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'kien in-numru ta' infermiera li laħqu f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm infermiera telqu f'dan l-istess perjodu? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn telqu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' nfermiera li laħqu f'dawn l-aħħar tliet snin u li telqu matul l-istess perjodu huwa kif ġej: Dipartiment tas-Saħħa Sena Laħqu Telqu mis-Servizz Medically Boarded out Irtirar Riżenji 2002 85 7 10 13 2003 91 9 9 12 2004 95 8 22 12 2005 17 7 1 - Dipartiment ta' l-Anzjani Telqu mis-Servizz Medically Boarded out Irtirar Riżenji 13 9 1

Xogħol fil-volontarjat

Question

Tista' il-Ministru tikkunsidra li nies li jaħdmu fil-volontarjat, u għalhekk ma jitħallsux u allura ma ħallsux il-bolla, ikunu jistgħu jħallsu parti tal-bolol u għalhekk ikunu eliġibbli għal pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna li tkun tagħmel xogħol ta' volontarjat bla ħlas f'Malta mhux neċessarjament li ma tkunx dovuta tħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. Skond il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, persuna li dħul minn xi sorsi oħra minbarra xogħol: ma jkunx jaqbeż Lm630 fis-sena fil-każ ta' raġel miżżewweġ li jkun imantni għal kollox lil martu li ma tkunx taħdem għaliha nnifisha jew f'impjieg assigurabbli; jew jekk dan id-dħul ma jkunx jaqbeż Lm430 fil-każ ta' kull persuna oħra; tista' titlob li tiġi eżentata mill-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. Fir-rigward ta' xogħol ta' volontarjat barra minn Malta fuq proġetti fl-oqsma ta' assistenza u żvilupp soċjali u tħaris ta' l-ambjent, il-persuna konċernata jkollha dritt għall-kontribuzzjonijiet akkreditati għal perijodu massimu ta' ħames snin f'perijodu ta' għaxar snin. M'hemmx ħsieb li jinbidlu dawn il-provedimenti tal-liġi msemmija.

Pembroke — Triq il-Mediterran

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk ix-xogħol fuq Triq il-Mediterran, Pembroke, liema xogħol qed isir mill-gvern ċentrali, hux on schedule u f'liema data mistenni jitlesta x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol beda fis-7 ta’ Marzu u kien mistenni li jitlesta fi żmien seba’ ġimgħat. Minħabba diffikultajiet li nqalgħu fit-tip ta’ kostruzzjoni tat-triq, ser ikollu jingħata cement stabilization layer taħt asphalt. Issa x-xogħol hu mistenni li jitlesta għall-bidu ta’ Mejju 2005.

Tobba

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'kien in-numru ta' tobba li laħqu f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm tobba telqu f'dan l-istess perijodu? Għal liema raġuni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' tobba li laħqu fil-perjodu 2002-2005 u li telqu mis-Servizz fl-imsemmi perjodu huwa kif ġej: Dipartiment tas-Saħħa Sena Tobba li laħqu Tobba li spiċċaw mis-Servizz 2002 30 15 2003 34 21 2004 65 26 2005 1 2 Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' F'dawn l-aħħar tliet snin telaq tabib wieħed (irtira mis-servizz) Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, id-Diviżjoni tas-Saħħa ma tingħatax raġuni meta tobba jagħżlu li jħallu l-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, m'iniex f'pożizzjoni li nwieġeb għalija.

San Ġiljan — Pjan lokali

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani jekk il-pjan lokali ta' San Ġiljan li jinkludi fih Paceville, huwiex lest? Jekk fl-affermattiv, kemm ilu li sar u jekk skada l-perijodu ta' konsultazzjoni? Dan huwa previst li jsir liġi? Fil-każ, meta? Sakemm dan isir liġi, id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-MEPA huma riflessi f'dan il-pjan lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Pjan Lokali ghall-Portijiet tat-Tramuntana jinkludi fih il-kunsill lokali ta' San Ġiljan. L-abbozz ta' dan il-pjan kien tressaq għall-konsultazzjoni pubblika f'Mejju tas-sena 2000, u kien hemm parteċipazzjoni pubblika qawwija. Iż-żmien ta' konsultazzjoni huwa ddeterminat mil-liġi (ATT XXI tat-2001 art. 19(1) u dan huwa ta' mhux anqas minn sitt ġimgħat. Ġeneralment, dan il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika jibda jiskadi wara li l-abbozz tal-pjan ikun varat għall-pubbliku. Fil-każ ta’ l-abbozz tal-Pjan Lokali għal-Portijiet tat-Tramuntana, il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika skada. Sakemm il-pjan isir liġi, il-bord li jkun qed jieħu id-deċiżjoni irid iżomm f'moħħu il-provvedimenti ta’ l-abbozz tal-pjan lokali biex il-miri prinċipali tal-pjan ma jiġux milquta b'mod avvers minn din id-deċiżjoni. Bl-istess mod, id-direttorat jieħu in-konjizzjoni l-aħħar żviluppi sabiex il-pjan jinżamm aġġornat.

Eco-contribution — Imtierah

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li mtieraħ li huma importati minn barra minn Malta mhux qegħdin jiġu miżjuda l-eco-contribution , u dan minkejja l-plastic li jkollhom mdawwar magħhom, filwaqt li dawk manifatturati Malta huma? Jista' jgħid kemm hija l-kontribuzzjoni mitluba mill-Maltin? Kemm s'issa nġabret eco-contribution minn dan is-settur? Jekk dan huwa il-każ, jista' jara li dawn ikunu fuq level playing field?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-EKO Kontribuzzjoni fuq imtieraħ u prodotti tas-sodda taħt HS Codes 940421, 940429, 940430 u 940490 bdiet tkun pagabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005. Din l-EKO Kontribuzzjoni hija dovuta meta l-prodott jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba, kemm jekk jiġi minn stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea (UE) kif ukoll jekk ikun impurtat minn barra l-UE. Il-fatt li dawn il-prodotti huma mgeżwra fil-plastic huwa irrelevanti għax l-EKO Kontribuzzjoni titħallas fuq il-prodott inniffsu u mhux fuq il-materjal li bih ikun ippakkjat il-prodott. Il-liġi tipprovdi fejn l-EKO Kontribuzzjoni għandha tkun dovuta fuq materjal tal-plastic, bażikament fuq boroż u basktijiet tal-plastic għax-xiri. Rigward l-ammont ta’ EKO Kontribuzzjoni li nġabret mis-settur imsemmi, peress li l-prospetti ta’ l-EKO Kontribuzzjoni għadhom m’humiex dovuti li jintbagħtu, id-Dipartiment mhux f’pożizzjoni li jgħid kemm hu l-ammont miġbur minn dan is-settur.

Pembroke — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jerġa' jikkonferma li l-iskola ġdida ta' Pembroke se ssir? Kemm se jkun l-investiment u meta beħsiebu jibda l-proġett? Jista' jagħti wkoll xi informazzjoni fuq l-iskola primarja Bice Mizzi Vassallo f'Pembroke fejn jidher li hemm xi lmenti fuq xi maintenance u fuq xogħlijiet żgħar iżda utli għat-tfal, speċjalment fix-xitwa? X'xogħlijiet saru fuq din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, qed isiru t-tħejjijiet biex tinbena skola ġdida f'Pembroke. Tlabt lil min hu konċernat biex jara l-ilmenti imressqa dwar xi xogħol ta' maintenance fl-iskola Biċe Mizzi Vassallo.

San Ġiljan — Ta' Giorni - Xogħol fuq playing field

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk ix-xogħol li qed isir f'Ta' Giorni, San Ġiljan fuq playing field huwiex isir mill-ministru ta' l-isports? Jekk fl-affermattiv, jista' il-ministeru jieħu ħsieb ir-residenti tal-blokk K, biswit ix-xogħlijiet, għaliex l-aċċess tagħhom għal ħwienet ingħalaq u għaliex ir-rampa se tiġi mat-twieqi tan-nies? Tista' titfassal soluzzjoni minn issa? F'dan il-blokk hemm jabitaw familji b'neċessitajiet speċjali.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport m'għandux x'jaqsam ma' tiswijiet b'konnessjoni ma' 'Playing Fields'.

San Ġiljan — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamnetari 10706, peress li bi żball ir-riferenza saret għal Triq il-Knisja, jista' il-Ministru jwieġeb dwar Triq Mensija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tfassal programm ta’ xogħlijiet mall-pajjiż kollu, filwaqt li fil-preżent għaddej xogħol ieħor estensiv f’San Ġiljan. Ix-xogħol biex tinbena it-triq isir skond il-prijoritajiet ta’ dan il-programm.

EU — Malta Football Association

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 5631, peress li jidher ċar li qed issir diskriminazzjoni mill-Malta football association u r-regoli taghha u jistgħu jsiru multi mill-EU lill-Gvern Malti kemm-il darba dawn ma jiġux regolarizzati, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu biex jara li Malta tkun konformi mal-bqija ta' l-EU u jevita xi multa?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Kollega għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 10791 li weġibt illum stess.

Dipartiment ta' l-artijiet — Garaxxijiet f'Pembroke

Question

Ġaladarba ħarġu tenders għal garages fi Triq Prof. Walter Ganado, f'Pembroke għal erbgħa darbiet u r-residenti nteressati għamlu l-offerta tagħhom, għandhomx dawn il-garaxxijiet ikunu mikrija lilhom, fl-isfond li dawn għandhom xi servizzi tad-djar għaddejjin minn hemm u qishom parti mid-dar tagħhom? Possibbli li l-kera li ntalbet tkun iżjed mill-kera li qiegħed jitħallas għad-djar stess? Tista' tinstab soluzzjoni għal dawn ir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm 9 garaxxijiet li jinsabu taħt 9 residenzi fi Blokk 5 Triq Walter Ganado, Pembroke. Kienet mill-ewwel l-intenzjoni tad-Dipartiment li jagħti d-dritt ta’ l-ewwel rifjut lill-inkwilini li jiġu eżatt fuq kull garaxx u dan dejjem skond il-policy attwali. Fil-fatt saru l-kuntratti ta’ erba’ garaxxijiet li qed iħallsu l-kera skond kif stmata mid-Dipartiment. Il-ħamsa l-oħra baqgħu ma jridux jgħollu l-offerta anke wara li l-offerta nħarġet għal erba’ darbiet. Iva, il-kera tal-garaxxijiet hija iżjed mill-kera tar-residenzi għar-raġuni li l-kera tar-residenti hija sussidjata filwaqt li dik tal-garaxxijiet m’hijiex.

Agrikoltura — Financial aid

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk il-kumpannija - ir-referenza dwarha qed tintbagħat separatament - ingħatatx financial aid bħal kumpaniji oħra? U jekk fin-negattiv, għaliex? Nifhem sew li jekk dan l-applikant iżżarma, il-gvern irid iħallas iżjed milli dan il-financial aid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega aħjar x'tip ta' informazzjoni għandu bżonn

San Ġiljan — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamnetari 10706, peress li bi żball ir-riferenza saret għal Triq il-Knisja, jista' il-Ministru jwieġeb dwar Triq Mensija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

ADT — Char-a-bancs

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk fil-kodiċi ta' etika l-ġdida għax-xufiera tal-linja hemmx ukoll il-kontroll tal-ħornijiet ta' l-istess char-a-bancs kemm fil-ħoss esaġerat tagħhom u kemm fil-ħinijiet li fihom jistgħu jintużaw dawn il-ħornijiet? Jekk fin-negattiv, jikkonferma li jmisshom jidħlu dawn it-tipi ta' punti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi skond il-Kodiċi ta’ Kondotta li jeżisti għas-sidien u x-xufiera tax-xarabanks, in-numru 67 ta’ l-istess kodiċi jgħid illi “xufier ta’ xarabank m’għandux jagħmel ħsejjes bla bżonn bil-ħorn tal-vettura”. Ta’ min wieħed jirrimarka illi jekk xufier jinqabad jikser dan il-kodiċi, hemm multa ta’ Lm10.

San Ġiljan — Kunsill lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-kunsill ta' San Ġiljan illum il-ġurnata mhux qiegħed f'xi deficit finanzjarju? Jekk hu minnu li dan il-kunsill mexa sew u rranġa l-pożizzjoni tiegħu, għaliex ma tinħariġx stqarrija biex mhux biss id-deficit jinstema'?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan ma għandux u ma huwiex qiegħed f'xi deficit finanzjarju. Fil-fatt fir-Rapport Finanzjarju ta' kull kwart li kopra x-xhur Ottubru sa Diċembru 2004 dan kellu bilanċ posittiv ta' Lm78,168 u fis-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta' Marzu 2004 dan kien Lm175,080.