Jista' il-Ministru jinformana kemm-il student ġdid ta' nazzjonalita' Ċiniża ġew aċċettati din is-sena, cioe' Ottubru 2005, mill-Universita' ta' Malta? X'kienet in-nazzjonalita' ta' l-istudenti ġodda ġejjin mill-pajjiżi ġodda ta' l-Unjoni Ewropea u pajjiżi mhux fl-Unjoni li daħlu l-universita', l-ITS u l-MCAST għall-ewwel darba din is-sena akkademika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-nazzjonalita' ta' l-istudenti ġodda mill-pajjiżi ġodda ta' l-Unjoni Ewropea u pajjiżi mhux fl-Unjoni li daħlu l-MCAST għall-ewwel darba din is-sena akkademika huma mill-Awstralja, l-Istati Uniti, l-Litwanja, il-Belġju u l-Ingilterra.
Informat ukoll li għal din is-sena akkademika fl-ITS daħlu 2 mill-Albania, 2 mill-Awstralia, 1 mill-Bulgaria, 12 miċ-Ċina, 1 mir-Russja, 1 mis-South Korea, 1 mit-Turkija u 1 mill-Istati Uniti.
Informat li 37 student ta' nazzjonalita' Ċiniża bdew jattendu l-Universita' f'Ottubru 2005. In-numru ta' studenti li ġejjin minn fost id-disa pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea (Malta eskluża) u in-numru ta' studenti li ġejjin minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea huma skond il-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jinformana jekk l-Universita' ta' Malta, l-MCAST u l-ITS jirċievux xi sussidju fuq l-ilma jew id-dawl? Jekk fl-affermattiv, kemm? Jekk fin-negattiv, dawn iħallsu s-surcharge kollu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita', l-MCAST u l-ITS ma jirċievu l-ebda sussidju fuq l-ilma jew id-dawl u s-surcharge jitħallas kollu.
Kumpanniji limited liability — Ħlas ta' income tax
Question
Jista' il-Prim Ministru jinformani kemm tħallset income tax minn kumpanniji limited liability fit-totalita' tagħhom fis-sena 2004, u kemm tħallset mill-istess fl-ewwel disgħa xhur tas-sena 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub jinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jinformana meta se jibda x-xogħol fuq il-pont ta' Manwel Dimech, Regional Road, u jekk it-triq ta' taħt il-pont, cioe' biċċa minn Triq il-Mensija, hux se tkun parti minn dan ix-xogħol jew hux se jsir apparti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol fuq il-pont ta' Manuel Dimech hu mistenni li jibda Jannar/Frar ta' l-2006 u jitlesta fi żmien sena.
Ix-xogħol fi Triq il-Mensija mhux parti min dawn ix-xogħlijiet iffinzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-bini ta' parti minn din it-triq ser isir mill-gvern
ċentrali. It-tender inħareġ f'Lulju ta' din is-sena u ġie awarded f'dawn l-aħħar ġimgħat.
Jista' il-Ministru jinformana bil-pjan ta' xogħol li jista' jinkludi manutenzjoni, xogħlijiet, fit to let u canopies fost oħrajn, għall-iskola primarja Biċe Mizzi Vassallo ta' Pembroke u jekk tali xoghol jistax isir fl-2006?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qiegħed jinħadem xogħol biex titpoġġa tinda temporanja. Hu maħsub li dan ix-xogħol jitlesta sa l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' il-Ministru jinformana meta se jibda x-xogħol fuq il-pont ta' Manwel Dimech, Regional Road, u jekk it-triq ta' taħt il-pont, cioe' biċċa minn Triq il-Mensija, hux se tkun parti minn dan ix-xogħol jew hux se jsir apparti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.
Kontribuzzjoni mill-gvern lejn l-edukazzjoni ta' studenti
Question
Jista' il-Miinstru jinformana kemm hu l-kontribut finanzjarju totali li l-gvern jagħti f'sussidji, spejjeż u stipendji lejn student li jibda l-mixja skolastika tiegħu mill-kindergarten sa l-universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinformana liema toroq se jagħmel il-gvern fil-lokalita' tal-Madliena? Meta huwa maħsub li se jibda x-xogħol? Kemm mistenni jdum għaddej ix-xogħol? Kemm se tkun l-ispiża tal-gvern għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qegħda tiffinalizza l-lista ta' toroq li huma ppjanati li ser jinbnew jew ikunu asfaltati.
Jista' il-Ministru jinformana liema huma t-toroq li se jsiru fis-Swieqi? Hemm xi data għall-bidu tax-xogħlijiet? Kemm mistenni jdumu dawn ix-xogħlijiet? Kemm se tkun l-ispiża tal-gvern f'dawn it-toroq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qegħda tiffinalizza l-lista ta' toroq li huma ppjanati li ser jinbnew jew ikunu asfaltati.
Kumpanniji limited liability — Ħlas ta' income tax
Question
Jista' il-Prim Ministru jinformani kemm tħallset income tax minn kumpanniji limited liability fit-totalita' tagħhom fis-sena 2004, u kemm tħallset mill-istess fl-ewwel disgħa xhur tas-sena 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tinformana kif każ H12263, għal bdil ta' akkomodazzjoni minn sular fuq għal post terran minħabba raġunijiet gravi ta' saħħa, jista' jiġi mħaffef ġaladarba l-każ huwa urġenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jintervjeni fil-kwestjoni dwar linji sofor li qegħdin isiru fix-xatt ta' Tas-Sliema għad-detriment kbir lir-residenti li diġa' għandhom problema bil-parking tal-vetturi tagħhom, peress li jien informat li l-kunsill lokali huwa kontra dawn il-linji u l-awtorita' dwar it-trasport imponiet lilha nnifisha? Jista' il-Ministru jara li jsir xi arranġament ieħor li jkun iktar adegwat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm kwistjoni fuq dawn il-linji sofor ghax kemm is-Segretarju Eżekuttiv kif ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Sliema ġew infurmati kemm bil-kitba kif ukoll verbalment fuq il-pjanijiet ta’ titjieb u tiġdid ta’ sinjali tat-traffiku bil-għan illi nimminimanizzaw ir-riskji u periklu għall-istess residenti u turisti li jżuru l-inħawi.
L-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta imbarkat biex coaches, mini buses u taxis ikollhom bays quddiem il-lukandi biex iwaqqfu l-klijenti b’mod korrett u bla periklu kemm għall-istess klijenti u kemm għat-traffiku li jkun għaddej fl-inhawi. Saru sinjali quddiem il-lukandi f’dan ir-rigward b’allowance ta’ ħames minuti biex tgħabbi jew tniżżel klijenti. Dan hu apposta biex dan l-ispazju jiġi użat kif xieraq bla waqfien u dewmien żejjed għalxejn. Fl-istess ħin kull tip ta’ trasport turistiku jkun jista’ jinqeda sew.
Illum b’din is-sistema, il-moniteraġġ tat-traffic flow qed isir aħjar u jelimina l-konġestjoni ta’ qabel li kienet tiġi kreata b’abbuż mit-trasport turistiku li jipparkja fejn jidhirlu.
Huwa b’dan l-istess għan illi l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ħadet passi biex iġġib l-ordni fix-xatt tas-Sliema fejn ħafna mini-buses u coaches kienu qegħdin jipparkjaw bl-addoċċ u double parking għad-detriment ta’ turisti u residenti ta’ l-inħawi.
Il-bays li saru fix-Xatt għandhom ħin stipulat. Vannijiet u coaches iridu jieqfu jniżżlu jew jgħabbu lin-nies f’ċertu ħin li jaqbel ma’ l-iskeda tat-tluq tal-cruise boats li joperaw ix-xatt. Fil-ħin li jibqa' mill-ġurnata, dawn il-bays jirritornaw għall-użu tar-residenti.
Minħabba dawn l-arranġamenti ġodda fix-xatt qegħdin isiru diskussjonijiet mall-Kunsill Lokali biex fi żmien qasir ħafna, fl-istess xatt, ikun hemm Residential Parking li jibbilanċja mall-ħtiġijiet l-oħra ta’ l-inħawi.
Skond paragrafu 4 (e) ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta, tali Awtorita’ hija responsabbli li tipprovdi u tippromwovi s-sigurta fis-sistemi tat-trasport. Id-double parking li kien qed isir fix-Xatt ta’ tas-Sliema kien qed joħloq periklu lil kull individwu li juża t-triq.
L-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta qiegħda tistudja li dawn l-arranġamenti li saru f’San Ġiljan u Sliema jitħaddmu wkoll f’postijiet oħra fejn hemm konġestjoni tat-traffiku li jistgħu jikkaġunaw periklu għar-residenti u għal nies li jużaw l-inħawi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12997 - seduta 279 - dwar spejjeż fuq testijiet tad-demm użat għat-trasfużjoni mill-isptarijiet u kliniċi privati, jista' il-Ministru jinformana kemm diġa' tħallsu u kemm għandhom ħlasijiet pendenti, individwalment, sptarijiet jew kliniċi privati għal dan is-servizz lill-gvern, għad-demm mogħti lilhom tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kif ukoll is-somma globali, individwalment, ta' kull sptar jew klinika privata sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid lill-Kamra jekk id-diviżjoni tat-trasfużjoni tad-demm hijiex qiegħda tbiegħ demm għat-trasfużjonijiet lill-isptarijiet jew kliniċi privati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tat-Trasfużjoni tad-demm tagħmel cost recovery charges tal-prodotti tad-demm li tibgħat lill-isptarijiet jew kliniċi privati kif stipolat fil-legal notice LN360 ta' 2003. Id-demm jingħata b'xejn u ma hemm l-ebda charges fuq id-demm. Iċ-charges huma fuq l-ispejjeż li jsiru fuq kull borża u prodott tad-demm għall-analiżi, u pproċessar. Dawn jammontaw għal Lm38.
Jista' il-Ministru jinformana jekk il-konsulenti legali waslux għal xi tip ta' konklużjoni dwar jekk f'Malta hawnx diskriminazzjoni ma' players professjonali ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ma jistgħux jeżerċitaw b'mod kompletament liberu l-professjoni tagħhom? Jista' jgħid jekk il-ministeru rċeviex xi tip ta' komunikazzjoni minn Brussels fuq dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li ma jirriżultalix li s'issa l-Ministeru rċieva xi tip ta' kommunikazzjoni minn Brussels fuq is-suġġett tal-Mistoqsija, lanqas ma jirriżulta l-allegata diskriminazzjoni stante li l-Istat Malti la għandu kontroll u lanqas superviżjoni fuq l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football.
Jista' il-Ministru jinformana jekk bħalissa hemmx applikazzjonijiet quddiem il-MEPA minn lukandi jew stabbilimenti ta' akkomodazzjoni li jridu jbiddlu l-ġeneru ta' xogħol tagħhom jew jitwaqqgħu u jinbnew appartamenti? Jekk fl-affermattiv, jista' jinformana kemm huma fit-total?
Fl-isfond ta' l-istatistika li toħroġ ta' kull xahar fuq it-turisti li jitilqu minn Malta, jista' il-Ministru jinsisti għaliex hemm numru daqshekk kbir, u dejjem jikber ta' "others"? Hemm raġuni għal dan? Jista' jgħid jekk dawn in-nies joqogħdux Malta għal iżjed minn ġurnata jew humiex in transit? L-MTA x'tagħmel għal marketing ta' dawn l-"others"?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'2003, l-NSO bidlet il-mod ta' kif tiġbor l-istatistika tat-Turiżmu. Qabel Marzu 2003, l-istatistika kienet ibbażata fuq kemm jiġu turisti Malta (arrivals). Din kienet tinġabar mid-disembarcation cards u kienet tinkludi l-għadd ta' kull turist li jiġi Malta.
Fl-2003, l-istatistika bdiet tinġabar permezz ta' survey (Tourstat) u ibbażata fuq it-turisti li jitilqu minn Malta (departures). Statistika ta l-NSO qed tiġi ppublikata għal dawn il-pajjiżi: Awstrija, Belġju, Danimarka, Franza, Ġermanja, Italja, Olanda, Svezja, Ingilterra, Norveġja, Svizzera, Russja, Libja u l-Amerika filwaqt li l-pajjiżi l-oħra huma inklużi taħt others. (Irreferi għat-tabella mqiegħda fur il Mejda tal-Kamra)
Il-pajjiżi l-oħra (others) jinkludu dawk il-pajjiżi kollha li mhumiex imsemmija fil-lista provduta mill-NSO li tinkludi pajjiżi bħal Spanja, Portugal, Ġappun, Ċina, Greċja, Finlandja, Kroazja u pajjiżi oħra.
Iċ-ċifra ta' others dejjem qed tikber għax l-ammont ta' turisti li jitilqu minn Malta għal dawn il-pajjiżi l-oħra qiegħed jikber.
Id-definizzjoni ta' turist tinkludi dawk in-nies li joqogħdu Malta mill-inqas lejl wieħed.
L-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu tagħmel marketing u promotion f'diversi pajjiżi li jinkludu:
l-Ingilterra u l-Irlanda
il-Ġermanja
l-Ewropa tal-Lvant
l-Awstrija
lis-Svizzera
l-Olanda
il-Belġju u l-Lussemburgu
l-Italja
Spanja
il-Portugal
Franza
ir-Russja, l-Ukranja u l-Istati Baltiċi
l-Iskandinavja
u l-Ġappun.
L-marketing tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu jinkludi diversi attivitajiet fosthom:
fieri u eżibizzjonijiet
l-użu ta' l-internet u l-website
press campaigns
roadshows
kampanji ta' reklamar
brochures
hosting ta' ġurnalisti
u oħrajn.
Wara l-inċidenti ta' Portes des Bombes, ma jaħsibx il-Ministru li jkun aħjar li jkun hemm cctv cameras f'postijiet ta' wirt nazzjonali minflok li nduru għal kontravvenzjonijiet tal-parking, ġaladarba l-ħarsien ta' dan il-wirt jiswa iktar flus mill-ftit mijiet li jinġabru mill-multi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li diġa jeżistu diversi tipi ta' sistemi ta' sigurta' f'diversi siti u mużewijiet li għalihom huwa responsabbli l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Siti oħrajn huma mgħassa b'riżorsi umani. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jinvesti f'aktar sistemi avvanzati skond il-prijoritajiet u riżorsi li għandu ghad-diżpożizzjoni tiegħu.
Infakkar ukoll lill-Onor interpellant li s-CCTV Cameras mgħammra għal-kontravenzjonijiet tat-traffiku mhumiex la installati u lanqas operati mill-Gvern Ċentrali iżda mill-Kumitati Konġunti li jirapreżentaw il-Kunsilli Lokali.