Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Xbiex — Kunsill Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana f'liema stadju qiegħda l-proposta ta' bye-law maħruġa mill-kunsill lokali ta' Ta' Xbiex fuq it-tlajjar? Meta se tkun eżekutiva, ġaladarba kunsilli oħra għandhom din it-tip ta' bye-law?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Bye-Laws mill-Kunsill Lokali ta' Ta' Xbiex fuq it-tlajjar preżentement ma hemmx.

Ta' Xbiex — Xogħol ta' Embellishment

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'xogħlijiet li jkopru wkoll tiswija jew embellishment hemm maħsuba fil-lokalita' ta' Ta' Xbiex mill-gvern ċentrali? Meta se jsiru u kemm se jiswew lill-gvern?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol maħsub għall-lokalita` ta’ Ta’ Xbiex jikkonsisti f’tisbiħ tal-Promenade. Ix-xogħol ser jibda fl-aħħar ta' l-2006 u huwa stmat li jiswa Lm 90,000.

Ta' Xbiex — Playing fields

Question

Galadarba fil-lokalita' ta' Ta' Xbiex hemm speċi ta' playing field fi stat dilapitat ħafna u m'hemm xejn għat-tfal, jaħseb il-gvern li jista' jgħaddi din il-playing field jew biċċa art oħra lill-kunsill lokali biex dawn jagħmlu playing field kif jixraq għaż-żmenijiet tal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-playing field li hemm fix-Xatt ta' Ta' Xbiex hija mogħtija b'ċens temporanju lil Malta Playing Fields Association. Taħt l-Att Dwar l-iSports din l-istess art taqa' taħt ir-responsabbilita' amministrattiva tal-Kunsill Malti għall-iSports. Dwar il-possibilita' ta' xi biċċa art oħra biex issir playing field, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tkun lesta li tikkonsidra kwalunkwe talba għall-art tal-Gvern sakemm ikun hemm il-permessi neċessarji mill-MEPA.

Wied il-Għajn — Boathouses

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'inhi l-pożizzjoni ta' ċertu boathouses li ilhom fil-bajja ta' San Tumas, Wied il-Għajn, fejn applikazzjonijiet lill-MEPA ntbagħtu lura lis-sidien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma jidhirx li hemm xi applikazzjonijiet ġodda għall-boathouses fl-area ta’ San Tumas.

MEPA — Applikazzjoni

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni quddiem il-MEPA li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn fid-draft local plan kien propost ħames sulari, daqs il-bini tal-blokk kollu biswit dan is-sit, jista' il-Ministru jgħid għaliex issa qed jiġi propost li dan l-istess sit ikun ta' tliet sulari? Hemm xi raġuni partikolari għal din ir-riduzzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jimxi mal-proċedura maqbula fil-Kamra fil-Leġislatura l-oħra.

Pembroke — Bankijiet

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'raġuni hemm li bankijiet qodma li nqalgħu minn lokalitajiet oħra, tpoġġew fuq art pubblika f'Pembroke u dan meta d-dipartiemnt tax-xogħlijiet għandu compound f'Pembroke stess? Jistgħu jitneħħew?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li dawn il-bankijiet tneħħew minn Għar id-Dud minħabba l-proġett ta' tisbiħ li beda jiġi nplimentat. Dawn il-bankijiet tpoġġew temporanjament ħdejn l-uffiċċju distrettwali sabiex isirilhom xi tiswijiet u minħabba li fid-Distrett m'hemmx spazju biżżejjed. Ninforma lill- Onor. Interpellant li hu maħsub li jitneħħew f'qasir żmien.

Pace Grasso Ground

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19365, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jitħallas ċens lill-gvern mill-MFA fuq Pace Grasso ground? Huwa veru li xi 13-il sena? X'passi se jittieħdu biex dan jitħallas? Fid-dawl tat-talbiet għal riżenji ta' ċerti nies fl-MFA involuti fid-deċiżjoni tal-qorti ta' pedofelia, għandux il-ground jingħata lill-kunsill lokali għal ġestjoni aħjar u fuq kollox ħarsien tat-tfal tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kirja mal-M.F.A. għal Pace Grasso Football Ground skadiet fil-31 ta' Awissu 1993. Minn dakinhar l-hawn il-kirja ma ġietx imġedda. Illum il-ground huwa affetwat bi proġett tal-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq. Infurmat ukoll illi s'issa id-Dipartiment ta' l-Artijiet ma kellu l-ebda talba mill-Kunsill Lokali jew xi entita' oħra għall-kiri tal-ground.

Tas Sliema — Street Hawkers

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra ammenda f'section 30 ta' l-avviż legali ta' l-2006 fejn tgħid li street hawker għandu jkun 25 metru 'il bogħod u mhux 50 metru attwali minn xi ħanut ieħor? Jista' jinkludi wkoll li titneħħa l-kelma "kull" ħanut u minflok issir "ħanut ta' l-istess ġeneru"? Qed ngħid din, għax hawn min f'Tas-Sliema qed jirrapporta nies tal-merċa bl-addoċċ.

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-proposta ta' l-Onor. Interpellant ser tiġi studjata.

Pace Grasso ground

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li ż-żmien ta' kiri ta' dan l-istadium intemm 13-il sena ilu? Għaliex tħalla bla kuntratt ġdid? B'liema jedd l-MFA allura ċaħdet aċċess lill-iskola mill-użu ta' dan? Xi stand se jieħu l-ministeru fuq każi ta' mistħija bħal dawn fil-konfront tal-president tal-MFA?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-artijiet.

Ground tal-Football

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'passi se jittieħdu ma' l-iskola li kollha kemm hi ġiet imċaħħda li tidħol fil-ground tal-football bl-unika ħtija li student irrapporta lil xi ħadd għal għemil żieni, ġaladarba dan il-ground huwa proprjeta' tal-gvern, hemm ħsieb li l-gvern jerġa' jieħu dan il-ground? Jaħseb il-Ministru li dan l-aġir huwa abbusiv lejn l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Hekk kif sar jaf bid-deċiżjoni tal-Malta Football Association li t-tfal ta' l-iskola Sekondarja Ġuże' D'Amato ta' Raħal Ġdid ma kienux ser jitħallew jużaw il-grawnd Pace Grasso propjeta' tal-Gvern li taqa' fir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet, il-Ministeru tiegħi kiteb lill-MFA bl-iskop li dawn l-istudenti jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn din il-faċilita' sportiva. Għalkemm l-MFA għadha ma weġbitx bil-miktub għall-ittra tal-Ministeru, saru l-arranġamenti meħtieġa biex jerġa jibda jsir użu tal-grawnd mill-istudenti ta' din l-iskola b'seħħ mill-lum stess.

ADT — Xatt Ta' Tas-Sliema

Question

Peress li dan l-aħħar żdiedu l-linji sofor fix-Xatt ta' Tas-Sliema, jista' il-Ministru u l-ADT jagħtu iżjed kas lejn il-bżonnijiet ta' parkeġġ ta' residenti minħabba li l-ħinijiet li saru fuq it-tabelli ġabu tgergir mir-residenti, kif ukoll meta jkun baħar qawwi u xorta r-residenti ma jistgħux jipparkjaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-linji sofor li saru fix-Xatt ta’ tas-Sliema saru sabiex jiġi evitat parkeġġ illegali u tiżdied is-sigurta għat-turisti li jkunu qed jirkbu il-vapuri mix-Xatt ta’ tas-Sliema. Ir-restrizzjoni ta’ parkeġġ qeda ristretta bil-ħin sabiex tnaqqas il-problema ta’ parkeġġ għar-residenti ta’ tas-Sliema. Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċjali ta’ l-Awtorita' dwar it-Trasport meta l-baħar ikun qawwi jżommu dan il-fatt inkonsiderazzjoni u ma jagħtux ċitazzjonijiiet lir-residenti.

Pembroke — Isem għal triq ġdida

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala proposta ta' isem ta' triq ġdida f'Pembroke ma ġietx milqugħa mill-kumitat għall-ismijiet tat-toroq, meta din it-triq tibda minn Pembroke u tispiċċa f'Pembroke?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq irċieva proposta mill-Kunsill Lokali ta' Pembroke għat-tismija tat-triq indikata, iżda minn stħarriġ li sar mill-Kumitat ma' l-Uffiċċju Elettorali irriżulta li għalkemm it-triq tibda u tispiċċa f'Pembroke, fin-nofs hemm parti sostanzjali li tagħmel mal-konfini ta' San Ġiljan. F'dan l-istadju il-Kumitat talab lill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan sabiex jikkonsulta mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke sabiex isir ftehim dwar l-isem propost.

Paceville — Night Clubs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li night clubs f'Paceville ikunu jistgħu jibqgħu miftuħin sal-5.00 a.m. minflok l-4.00 a.m. ġaladarba x-xogħol nbidel in kwantu ta' ħinijiet? Forsi dan il-bdil jista' iseħħ f'ċerti ġranet biss tal-ġimgħa.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħinijiet tal-ftugħ ta' postijiet kummerċjali huwa regolat bl-Att ta' l-2001 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap. 441). Madankollu ninsab infurmat ukoll illi skond ir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, mhux permess li tindaqq mużika f'lokalita' ta' divertiment bejn l-4.00am u 9.00am. Ma narax għaliex għandu jkun hemm xi tibdil f'dawn ir-regolamenti.

MEPA — Pjazza Sant'Anna

Question

B'riferenza għall-pjazza Sant'Anna li suppost se terġa' tiġi lura għalli kienet imma jidher li issa hemm bini ta' tmien sulari (PA01176/00) li wasal sal-ground floor u qed jieħu parti minn din il-pjazza, li pjanijiet ta' l-ADT u survey map tal-MEPA juru li din il-parti ta' pjazza hija bla bini, jista' il-Ministru jgħid hux minnu li din il-biċċa tal-pjazza Sant'Anna hija proprjeta' privata ġaladarba dan qed jibni fuqha? Hemm titlu fuq din il-biċċa art? Kif se jibni tmien sulari bini u la se jostakola l-arja u d-dawl ta' ħaddieħor, ġaladrarba dan huwa inqas minn żewġ metri mill-bini ta' ċertu valur arkitettoniku eżistenti? Huwa possibbli li l-MEPA ħarġet il-permess b'oversight?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skond l-applikazzjoni sottomessa, l-applikant iddikjara li huwa s-sid tal-propjeta’. F’kull każ il-MEPA, meta jkun hemm kwestjonijiet ta’ ownership, ma tistax tiddikjara jew tikkonferma min huwa s-sid jew le għaliex din tagħmilha biss il-Qorti. Huwa għalhekk li l-permessi jinħargu mingħajr preġudizzju ta’ drittijiet ta’ terzi. Il-permess li nħareġ huwa għal estensjoni vertikali fuq il-linja tal-bini ta’ porch eżistenti fil-pjan terren u mhux fuq art li fuqha ma hemmx bini. Il-MEPA attwalment qed tinvestiga l-każ biex tistabbilixxi jekk hemmx lok ta’ sottomissjonijiet foloz li a bazi taghhom il-MEPA setghet ġiet żgwidata u dana a tenur tal-Art 39 (A) ta’ l-Att dwar l-Ippjanar. F’kaz li jinstab li saru sottomissjonijiet foloz allura il-MEPA tieħu -passi kif provist skond l-Artiklu msemmi.

Pembroke — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jinformana f'liema stadju wasal il-proġett tal-bini ta' l-iskola primarja l-ġdida f'Pembroke? Meta maħsub li jibda x-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 17203 f'seduta 355.

Kunsilli Lokali — Assikurazzjoni

Question

Peress li l-kumpanniji ta' l-assikurazzjoni mhux qegħdin jaċċettaw li jkopru l-kunsilli fid-dawl ta' xi sentenzi tal-qorti kontra l-kunsilli lokali, jista' il-Viċi Prim Ministru jidħol fil-kwestjoni biex ikun hemm ekwita kemm fir-responsabbiltajiet kif ukoll l-assikurazzjoni li tkopri l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qegħdin jaraw kif tista' tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom diversi Kunsilli Lokali biex ikollhom polza ta' assigurazzjoni kontra danni lil terzi persuni. Għal dan il-għan qed tkun esplorata l-possibilita' li ssir xi forma ta' 'block policy' li tkopri lill-Kunsilli interessati. L-Assoċjazzjoni intant talbet proposti mill-broker tagħha sabiex din il-materja tiġi sorvolata.
Leg 10 PQ #19159 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Pembroke — Żona turistika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Pembroke huwiex indikat bħala żona turistika? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li hu hekk? Jista' jgħid kemm hemm host families liċenzjati f'Pembroke u kemm hemm liċenzji għal stabilimenti turistiċi f'Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi Pembroke mhuwiex meqjus bħala zona turistika għall-fini ta' kontibuzzjonijiet lill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu skond Avviż Legali 87/2005, pero' qed jiġi inkluż fiz-zona Kostali għall-fini ta' Mmaniġjar ta' Zoni Turistiċi (Tourism Zone Management). Sas-17 ta' Mejju 2006, f'Pemborke kien hemm liċenzjati tmenin (80) host families u stabbiliment wieħed ta' akkomodazzjoni turistika - Hostel li jinkludi ukoll fih liċenzja ta' bar.

Pembroke — AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformana jekk hux minnu li l-AFM talbu lill-kunsill lokali ta' Pembroke biex jirranġaw xi toroq mhux urbani madwar ir-ranges ta' Pembroke? Dawn it-toroq huma barra mir-responsabbiltajiet tal-kunsill?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li għal kuntrarju ta’ dak li ntqal fil-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Membru, kien il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke li talab lill-Armata biex jissewwew it-toroq li hemm fir-Ranges ta’ Pembroke u ta’ madwar u li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet tal-Kunsill. Fil-fatt, il-Kunsill ippropona li joffri l-finanzjament tal-materjal u li l-Armata tipprovdi n-nies biex isiru t-tiswijiet. Din il-proposta tal-Kunsill għadha qed tiġi kkunsidrata mill-Armata.

Tas-Sliema — Ticketing Booths

Question

B'riferenza għall-mistoqsija dwar ticket booths fix-Xatt ta' Tas-Sliema, peress li bħalissa hemm iżjed minn ħames booths bil-liċenzja fix-Xatt, jista' il-Ministru jelenka dawk il-kumpanniji li għandhom permess u kemm għandhom ticket booths liċenzjati kull wieħed? La s-sajf magħna, jista' jagħti idea meta l-MEPA se tieħu deċiżjoni fuq l-applikazzjonijiet pendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat għar-rigward ta’ liema booths għandhom liċenzja. Nistenna li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tipproċessa l-applikazzjonijiet kif inhu stipulat fil-liġi.

Rotta Numru 61

Question

Jista' il-Ministru u l-ADT jikkonsidraw favorevolment ix-xewqa tar-residenti ta' Tas-Sliema billi r-rotta numru 61 terġa' tiġi operata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tiddiskuti ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex dan is-servizz jerġa' jiġi ntodott. L-Assoċjazzjoni qed tikkunsidra favorevolment li terġa tintroduċi dan is-servizz bejn it-8.00am u l-11.00am.