Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol fuq it-toroq: il-Ġiżi, il-Veduta, Esprit Barthet, Markiż Scicluna u Manuel Agius fil-lokalita' tal-Madliena, Ibraġġ u Swieqi għaddej u meta dawn se jitlestew? Jista' jgħidilna kemm se tkun l-ispiża ta' kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Commission for Fair Trading — Prodotti tad-Demm

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22041 u jgħid: Fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar il-commission for fair trading ikkonkludiet li l-bejgħ tal-prodotti tad-demm lill-kliniċi u sptarijiet privati kienu diskriminatorji u għalhekk kien qed ipoġġi lill-istess kliniċi u sptarijiet privati fi żvantaġġ finanzjarju, jista' il-Ministru jinformana bejn is-snin 2003 u 2006 kemm ġew mibjugħa boroż tad-demm u prodotti tad-demm lil dawn il-kliniċi u sptarijiet privati, kull sena u x'kienu l-ammonti ta' flus miġbura f'dan ir-rigward kull sena? Hemm il-ħsieb li l-flus li tħallsu minn dawn il-kliniċi u sptarijiet jiġu mrodda lura u għalhekk jerġgħu jingħataw lura dawn il-flus lill-pazjenti? Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni, għandux jintalab ħlas għal dawn il-prodotti mid-dipartiment tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

1. Niċċaraw l-ewwelnett li dan mhux każ ta' bejgħ ta' demm. Din kienet talba mid-Diviżjoni tas-Saħħa lill-kliniċi u sptarijiet privati għal rifużjoni ta' spejjeż amministrattivi li tidħol fihom id-Diviżjoni biex tiżgura li demm u prodotti tad-demm isirulhom it-testijiet meħtieġa li jiżguraw li jkunu ta' l-aqwa kwalita'. 2. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.. 3. Ma hemm l-ebda ħsieb li flus li diġa' tħallsu jiġu mrodda lura. 4. Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jevalwa is-sitwazzjoni sabiex jara x'policy jista' jaddotta dwar ħlas għall-ipproċessar ta' dawn il-prodotti.

Tas-Sliema — Reserved Parking

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22447, il-każ huwa ġo Triq Howard Tas-Sliema, l-uniku każ li ħa deċiżjoni dwaru l-ombudsman. L-ombudsman għandu dritt huwa stess jagħti reserved parking u f'każ fl-affermattiv, b'liema legal notice jew liġi jista' ikun hemm iżjed każi fejn l-ombudsman jordna li jsiru reserved parking?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Skond l-Att dwar l-Ombudsman, il-funzjoni ta’ l-Ombudsman hi li jinvestiga kull azzjoni li ssir minn jew f’isem il-Gvern jew awtorità wara li, fost l-oħrajn, jasallu ilment bil-miktub minn xi persuna li tippretendi li tkun ġiet leża minn dik l-azzjoni. F’każ li l- Ombudsman isib li bl-azzjoni li dwarha jkun sar l-ilment tkun inkisret xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ l-artikolu 22 ta’ l-imsemmi Att, hu jista’ jirrakomanda – u mhux jordna – li jingħata xi rimedju. Jien infurmat min-naħa ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport li qatt ma ġiet ordnata mill- Ombudsman biex isir xi parkeġġ riservat. Fir-rigward tal-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, li l-persuna konċernata kienet ħadet il-każ tagħha quddiem l- Ombudsman u dan irrakkomanda li fid-dawl ta’ kif qed tkun applikata l- policy eżistenti din il-persuna għandha tkun intitolata għal parkeġġ riservat. Huwa fid-diskrezzjoni tal-ADT jekk tapplikax ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman. F'dan il-każ partikolari l-persuna li resqet l-ilment mietet u għalhekk il-każ waqa'.

San Ġiljan — Residenza fi Triq Lapsi

Question

F'isem ir-residenti ta' 125 Lapsi Street, San Ġiljan, li d-dar tagħhom ġiet mhedda bil-kuntrattur li hemm jibni ħdejha, nappella lill-Viċi Prim Ministru biex isir xi ħaġa peress li jekk wieħed jara s-sit, jaħseb li ġejja xi diżgrazzja. Possibbli li ebda dipartiment jew awtorita' m'għandu ebda jedd fuq dan il-kuntrattur, li wara kollox jhedded il-ħajja ta' dawn ir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn naħa tal-Pulizija diġa' ittieħdet azzjoni skond il-liġi, u dan billi kemm is-sid kif ukoll il-kuntrattur responsabbli mix-xogħlijiet fuq dan is-sit ġew intimati jneħħu kull periklu, kif ukoll ġew inizjati proċeduri kriminali kontra tagħhom.

Kappara

Question

Ġaladarba l-Kappara diġa' għandu kważi 2,000 votant, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jingħata status ta' hamlet jew kunsill fuq bażi ta' diversita' totali ta' bżonnijiet tar-residenti tal-Kappara ma' dawk ta' San Ġwann? Fil-każ affermattiv, liema huma l-passi li għandhom jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kappara diġa' għandu status ta' hamlet u fil-fatt qiegħed imniżżel fil-lista ta' hamlets li tinsab fid-Disa' Skeda ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali.

Kappara — Ġnien G.M. Camilleri

Question

Minħabba l-istat pjetus ta' ġnien G.M. Camilleri fil-Kappara li jidher li huwa mitluq għal kollox mill-kunsill lokali, jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk jistax iżomm il-flus allokati lill-kunsill ta' dan il-ġnien u jinħareġ tender ieħor, biex dan il-ġnien ikun verament ġnien, u r-residenti ta' l-inħawi jistgħu jgawdu forma ta' ġnien?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22776.

Raħal Ġdid — Kunsill Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid hux minnu li l-kunsill ta' Raħal Ġdid għandu 12-il impjegat? Jekk fl-affermattiv, dan huwa eċċess kif tipprovdi l-liġi? Veru li s-sindku ta' Raħal Ġdid siefer iċ-Ċina u l-passaġġ tħallas minn fondi tal-kunsill? X'kien l-iskop tas-safra? Minnu li l-kunsill jippreżenta skeda ta' ħlasijiet erba' jew ħames xhur wara li jkun sar il-ħlas? Waħda minn dawn il-ħlasijiet kienet għal avukat tal-kunsill li ismu qed jintbagħat separament, li kien ta' bejn Lm300 u Lm500. Il-kunsill jista' isejjaħ laqgħat mil-lum għal-lum? Jekk dawn huma fl-affermattiv, x'passi ħa d-dipartiment tal-kunsill lokali kontra dan il-kunsill li diġa' kien avżat b'dawn il-każi?

Response (BORG, TONIO)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ħal-Luqa — Kunsill Lokali

Question

Veru li l-Kunsill Lokali ta' Ħal-Luqa baqa' għaddej b'xogħlijiet fl-area ta' Ħal Farruġ meta dan qiegħed jiġi nvestigat mid-dipartiment tal-kunsilli lokali? Jekk dan hu veru, x'passi ħa d-dipartiment? Huwa veru li kunsilliera Nazzjonalista fil-lokal tneħħewlu r-responsabbiltajiet tiegħu u dan ġie mċaħħad milli jagħmel xogħlu skond il-ġurament tal-ħatra tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Mtarfa — Kunsill Lokali

Question

Veru li l-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa għax-xhur ta' Awissu, Settembru u Ottubru ma żammx laqgħat uffiċjali tal-kunsill? Dan huwa ksur tal-liġi? Peress li l-post ta' segretarju tal-kunsill għadu vakant wara ħames xhur, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jimtela' dan il-post? Veru li l-uffiċċju tal-kunsill jinżamm magħluq għal ġranet jekk mhux ġimgħat sħaħ? Hemm xi irregolarita' ta finanzi hekk kif jidhru fl-accounts awditjati u anke mill-awditur tal-gvern? X'passi ħa d-dipartiment kontra dan il-kunsill fuq dawn is-sitwazzjonijiet li żgur mhux servizz għal poplu ta' l-Imtarfa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa minnu li għax-xhur ta’ Awissu, Settembru u Ottubru ma saritx il-laqgħa tal-Kunsill għalkemm debitament mgħajta u dan kien dovut għax ma kienx hemm quorum . Il-liġi tal-Kunsilli Lokali tipprovdi li l-laqgħat tal-Kunsill isiru mill-inqas darba fix-xahar u għalhekk il-fatt li ma sarux laqgħat fil-perjodu msemmi, jikkostitwixxi ksur ta’ dan l-artiklu. Minkejja dan, l-istess liġi tesiġi li sabiex laqgħa tista’ tibda jew titkompla irid ikun hemm quorum. Il-post tas-Segretarju Eżekuttiv ta’ l-istess Kunsill m’huwiex vakanti. Iżda s-Segretarju Eżekuttiv ilu biċ-ċertifikat tal-mard minn Marzu 2006 u meta kien jidher li is-sick leave tiegħu kien ser jieħu fit-tul, ġie maħtur aġent Segretarju Eżekuttiv li hu wkoll Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill Lokali ieħor. Il-Kunsill Lokali sussegwentament talab li jiġi tterminat il-kuntratt tas-Segretarju Eżekuttiv abbażi tal-fatt li l-Kunsill spiċċa s-sena finanzjarja tiegħu b’deficit fil-working capital, apparti l-fatt li jidher li s-sick leave ser jieħu fit-tul. Qabel tittieħed deċiżjoni finali, irid jiġi assigurat li ma jiġi mittiefes l-ebda dritt tas-Segretarju Eżekuttiv. Id-Dipartiment qiegħed jissorvelja kontinwament lil dan il-Kunsill fl-operat kollu tiegħu bil-għan li minkejja d-diffikultajiet kbar amministrattivi, dan ikompli jiffunzjona. Peress li l-uniku skrivana tal-Kunsill irriżenjat ukoll, il-Kunsill qiegħed jinfetaħ kuljum mis-Sindku nnifisha kemm filgħdou kif ukoll wara nofs in-nhar. Fil-fatt dalwaqt ser isiru l-intervisti għall-mili tal-post ta’ skrivan/a. Il-Kunsill Lokali ta’ l-Imtarfa kien wieħed minn erba’ Kunsilli Lokali li spiċċa s-sena finanzjarja 2005/2006 b’deficit fil-working capital. Id-Dipartiment kien ta struzzjonijiet lill-aġent Segretarju Eżekuttiv biex jagħmel Cash Flow Projections ta’ kif il-Kunsill kien beħsiebu joħroġ minn dan id-deficit u, mill-moniteraġġ tal-finanzi tal-Kunsill jidher li l-Kunsill qed iżomm ma’ dawn il-Cash Flow Projections, u fil-fatt naqqas id-debiti li kellu b’mod sostanzjali. Id-Dipartiment għadu jsegwi l-operat ta’ dan il-Kunsill u hu ittamat li malli jiġi ngaġġat l-iskrivan/a u tiġi riżolta l-kwestjoni tas-Segretarju Eżekuttiv, il-Kunsill ikun jista’ jopera b’aktar impenn għas-servizz tal-poplu ta’ l-Imtarfa.

Kunsilli Lokali — Minuti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li ma bagħtux kopji tal-minuti lil dipartiment tal-kunsill lokali f'dawn l-aħħar disgħa xhur? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-kunsilli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kunsilli li ilhom ma jibgħatu l-minuti tal-laqgħat tagħhom lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali f'dawn l-aħħar disa' xhur huma: Valletta, Rabat (M), Siġġiewi, Għasri, Ta' Xbiex u Żurrieq. Inżid ngħid li dawn ingħataw żmien sa l-aħħar ta' Diċembru 2006 biex jibgħatuhom u fin-nuqqas ta' dan, ser isir tnaqqis mill-allokazzjoni finanzjarja skond id-disposizzjonijiet ta' l-artiklu 55(3) ta' l-Att dwar Kunsill Lokali (Kap 363).

Kunsilli Lokali — Abbużi minn fondi pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jaħseb li meta jkun hemm abbużi ta' fondi pubbliċi minn sindki jew kunsilliera, minflok li jitnaqqsu l-fondi għad-detriment tal-lokal kollu jittieħdu passi dixxiplinarji kontra min abbuża personalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Avviż Legali 22 ta' l-2006 li ġie ppublikat wara li kienu saru taħditiet fit-tul ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, għall-ewwel darba, daħħal kunċett li jekk xi membru jew xi uffiċjal tal-Kunsill ikun għamel pagament mhux approvat mill-Kunsill, iffroda jew approprija ruħu bla jedd minn fondi jew proprjeta' tal-Kunsill, jew xjentement jew bi traskuraġni naqas milli jiġbor jew jirċievi xi flus, jew naqas li jagħti kont dwarhom, huwa ikun suġġett għal azzjoni legali fejn jinżamm personalment responsabbli għal dan in-nuqqas. Din l-azzjoni tista' tittieħed meta jkun hemm rapport konklussiv jew mis-Sindku jew Segretarju Eżekuttiv, l-Awditur Ġenerali, Bord maħtur taħt l-Att dwar l-Inkjesti jew xi Bord ieħor magħmul mill-Ministru u wara li ma tingħatax spjegazzjoni xierqa lid-Direttur għall-Gvern Lokali fi żmien stipulat. Meta jirriżulta b'mod konkrett xi każ kif imsemmi aktar qabel, l-azzjoni li tittieħed tkun waħda kontra l-individwu personalment.

Kappara — Ġnien G Maria Camilleri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb ġnien G Maria Camilleri fil-Kappara? X'marki tawh id-dipartiment tal-kunsilli lokali? X'passi ttieħdu biex dan il-ġnien jixbah xi forma ta' ġnien?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi Ġnien Ġ Maria Camilleri huwa responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru il-marki li ġab dan il-ġnien fir-rapporti magħmula mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.

Tas-Sliema — Reserved Parking

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22447, il-każ huwa ġo Triq Howard Tas-Sliema, l-uniku każ li ħa deċiżjoni dwaru l-ombudsman. L-ombudsman għandu dritt huwa stess jagħti reserved parking u f'każ fl-affermattiv, b'liema legal notice jew liġi jista' ikun hemm iżjed każi fejn l-ombudsman jordna li jsiru reserved parking?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-twegiba ghal din il-mistoqsija tinghata f'seduta ohra

San Ġwann — Triq il-Mediterran

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk Triq il-Mediterran li hija diviża bejn il-kunsill ta' San Ġwann u dak ta' San Ġiljan, tistax taqa' taħt il-kunsill lokali ta' San Ġwann billi t-toroq u l-iskips huma r-responsabbilita' tal-kunsill ta' San Ġwann? Nifhem li r-residenti jixtiequ li jsir hekk.

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 3 (3) ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali jistipula illi: "Tibdil fil-konfini ta' lokalitajiet għandu jsir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u mill-Kummissjoni Elettorali, wara konsultazzjoni mal-Ministru, il-Kunsilli Lokali konċernati u, fejn hu possibli, mar-residenti lokali ...". Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali.

Tas-Sliema — Reserved Parking

Question

Jista' l-Ministru jispjega f'liema kriterju l-uffiċċju ta' l-ombudsman daħal fi kwestjoni ta' għoti ta' reserved parking lil persuna li ma ssuqx u ma tilħaqx il-kriterji li hemm illum? Hawn qed nirriferi għal każ partikolari magħruf f'Tas-Sliema u li tlabt l-uffiċċju ta' l-ombudsman stess biex jinvestiga?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għal mistoqsija parlamentari, jista’ l-Onorevoli Interpellant jindika liema huwa l-każ li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.

Gżira — Football club

Question

Jista' il-Ministru jara kif klabb tal-football tal-Gżira b'għanijiet soċjali u minħabba l-għadd kbir ta' tfal li jużawh, jiġu ameljorati l-kondizzjonijiet tiegħu billi jiġu allokati ċerti spazji u kmamar temporanjament, u li fil-preżent jinsab fi stat tal-biki?!

Response (GALEA, LOUIS)

Napprezza li l-Onor. Membru javviċinani b'aktar dettalji biex nifhem aħjar il-bżonnijiet tal-klabb Gżira F.C. u nkun nista' nara x'inhi d-direzzjoni li l-aħjar nagħti.

Bejgħ ta' Prodotti tad-Demm

Question

Fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar il-commission for fair trading ikkonkludiet li l-bejgħ tal-prodotti tad-demm lill-kliniċi u sptarijiet privati kienu diskriminatorji u għalhekk kien qed ipoġġi lill-istess kliniċi u sptarijiet privati fi żvantaġġ finanzjarju, jista' il-Ministru jinformana bejn is-snin 2003 u 2006 kemm ġew mibjugħa boroż tad-demm u prodotti tad-demm lil dawn il-kliniċi u sptarijiet privati, kull sena u x'kienu l-ammonti ta' flus miġbura f'dan ir-rigward kull sena? Hemm il-ħsieb li l-flus li tħallsu minn dawn il-kliniċi u sptarijiet jiġu mrodda lura u għalhekk jerġgħu jingħataw lura dawn il-flus lill-pazjenti? Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni, għandux jintalab ħlas għal dawn il-prodotti mid-dipartiment tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Triq bejn il-Madliena u l-Għargħur

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li t-triq li qegħda bejn il-Madliena u l-Għargħur, ħdejn Busietta Gardens, tidħol fl-iskema tax-xogħlijiet peress li din il-biċċa hi l-unika biċċa li ma saritx u qegħda fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi t-triq imsemmija mhiex triq residenzjali u għaldaqstant ma setgħetx tiġi nkluża fil-lista ta’ 450 triq li jridu jsiru sas-sena 2008. Madanakollu din it-triq se tiġi ikkunsidrata biex tiġi nkluża fil-programm ta’ toroq li ser issirilhom rideability u għaldaqstant ix-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

VAT fuq attivitajiet kulturali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-miżura li neħħa l-VAT fuq attivitajiet kulturali għal każini tal-baned tgħoddx ukoll għal kunsilli lokali li jorganizzaw attivitajiet purament kulturali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-Valur Miżjud fuq attivitajiet kulturali hija regolata mill-partita 4 (2) tat-Taqsima Tnejn tal-Ħames Skeda tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li tipprovdi dan li ġej : Il-provvista ta’ dawk is-servizzi kulturali u oġġetti marbuta fil- qrib magħhom hekk kif jistgħu jiġu approvati mill-Ministru. Dawn l-eżenzjonijiet huma wkoll soġġetti għal provedimenti tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill taħt l-Arikolu 13 A1.(n) li jipprovdi għal dan li ġej : (n) ċertu servizzi kulturali u oġġetti marbuta mill-qrib magħhom fornuti minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn entitajiet kulturali rikonoxxuti mill-Istat Membru Konċernat. Fil-każ ta’ dawk l-entitajiet li m’humiex regolati mid-dritt pubbliku dawn għandhom jiġu regolati kif stipulat fl-Artikolu 13A(2)(a) u (b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill jiġifieri : · Huma m’għandhomx l-għan sistematiku li jagħmlu profitt, imma kwalunkwe profitti li madankollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjata għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti , · Huma għandhom ikunu mmaniġjati jew amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, la huma nfushom u lanqas b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet konċernati, · Huma għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtorijiet pubbliċi jew li ma jeċċedux tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn enterpriżi kummerċjali soġġetti għat-taxxa fuq il-Valur Miżjud, · Eżenjoni tas-servizzi konċernati m’għandiex toħloq tfixkil ta’ kompetizzjoni b’tali mod li tpoġġi fi żvantaġġ l-impriżi kummerċjali reponsabbli għat-taxxa fuq il-Valur Miżjud. Il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti m’għandiex tkun eżentat jekk : · M’huwiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti, · L-iskop bażiku hu li tikseb dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni billi twettaq transazzjonijiet li huma b’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi li jimponu taxxa fuq il-Valur Miżjud.

Reserved parking

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformani kif l-uffiċċju ta' l-ombudsman jiddeċiedi kif resident/a tkun intitolata għal reserved parking jew le mingħajr ma jisma lill-kunsill lokali, lill-ADT jew oħrajn fuq il-validita' ta' tali talba? Reserved parking għandu jingħata lil xi ħadd li ma jsuqx biex sempliċement ikun żgurat parking space lill-familjari meta jmorru jżuruh?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor Interpellant li bħala Uffiċċjal tal-Parlament l-Ombudsman huwa ndipendenti mill-Gvern eżekuttiv u għalhekk ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ diretta tiegħi. Skond il-proċedura stabbilita, informazzjoni dwar l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman tista’ tinkiseb jew direttament mingħand l-Ombudsman jew permess ta’ l-iSpeaker. F’dan il-każ il-mistoqsija għaddejtha lill-Ombudsman.